[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

François Couperin

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
François Couperin
Ħajja
Twelid Pariġi, 10 Novembru 1668, 10 Diċembru 1668
Nazzjonalità Franza
Mewt Pariġi, 11 Settembru 1733
Familja
Missier Charles Couperin
Ulied
Tribù familja Couperin
Edukazzjoni
Lingwi Franċiż
Ġermaniż
Għalliema Jacques Thomelin
Charles Couperin
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
organist
daqqaq tal-viola da gamba
klaviċembalist
Moviment mużika klassika
mużika Barokka
Moviment artistiku mużika Barokka
Strument/i tal-mużika orgni
vjolin

François Couperin ([fʁɑ̃swa kupʁɛ̃]; twieled fl-10 ta' Novembru 1668 – miet fil-11 ta' Settembru 1733)[1] kien kompożitur Barokk, organist u klaviċembalist Franċiż. Huwa kien magħruf bħala Couperin le Grand ("Couperin il-Kbir") biex jiġi distint minn membri oħra tal-familja Couperin li kellhom talent mużikali.

Couperin twieled f'familja mużikali prominenti. Missieru Charles kien organist fil-Knisja ta' Saint-Gervais f'Pariġi, kariga li qabel kellu ħu Charles, Louis Couperin, virtuoso u kompożitur tat-tastieri rinomat b'karriera qasira minħabba li miet żgħir. Meta kien għadu tifel, François x'aktarx li ngħata l-ewwel lezzjonijiet tal-mużika mingħand missieru, iżda Charles miet fl-1679. Il-kunsill tal-Knisja ta' Saint-Gervais qabbdet lil Michel Richard Delalande biex ikun l-organist il-ġdid bil-qbil li François jissostitwih malli jagħlaq 18-il sena.

Meta kellu 11-il sena, François trabba u ġie mgħallem mill-organist Jacques-Denis Thomelin, li kien jaħdem kemm fil-qorti kif ukoll fil-Knisja ta' St Jacques-de-la-Boucherie. Il-bijografu Évrard Titon du Tillet kiteb li Thomelin ittratta lit-tifel estremament tajjeb, u sar qisu t-tieni missier tiegħu. It-talent ta' François x'aktarx li ħareġ fid-dieher qabel iż-żmien għaliex sal-1685 il-kunsill tal-knisja diġà kienet bdiet tagħtih salarju, minkejja li ma kellu l-ebda kuntratt.

Meta għalaq wieħed u għoxrin sena, Couperin tilef ukoll lil ommu, Marie (imwielda Guérin), iżda tul il-bqija ta' ħajtu u tal-karriera tiegħu x-xorti daħqitlu. Fl-1689 huwa żżewweġ lil Marie-Anne Ansault, bint familja għanja. Is-sena ta' wara ġew ippubblikati l-Pièces d'orgue tiegħu, ġabra ta' biċċiet mużikali bl-orgni għall-quddiesa li ġew imfaħħra minn Delalande, li jaf għenu bil-proġett. Tliet snin wara, Couperin ħa post Thomelin fil-qorti ta' Lwiġi XIV. Il-ħatra wasslitu biex jiltaqa' ma' wħud mill-ifjen kompożituri ta' żmienu kif ukoll mal-aristokrazija. L-iktar mużika tal-kamra bikrija tiegħu tmur lura għal dan iż-żmien. Couperin ingħata d-dmirijiet tal-qorti fl-istess żmien li ngħata dawk bħala organist fil-Knisja ta' Saint-Gervais, filwaqt li kien jikkomponi wkoll.

Approvazzjoni rjali għall-pubblikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa kiseb privileġġ irjali għal 20 sena biex jippubblika fl-1713 u użah minnufih biex joħroġ l-ewwel volum (minn erbgħa) tax-xogħlijiet tiegħu bil-klaviċembalu, Pieces de clavecin. Fl-1716 ħareġ manwal għad-daqq tal-klaviċembalu, kif ukoll ġabriet oħra għat-tastieri u mużika tal-kamra. Fl-1717 Couperin ħa post wieħed mill-iktar kollegi eminenti tiegħu, Jean-Henri d'Anglebert, bħala ordinaire de la musique de la chambre du roi pour le clavecin, waħda mill-ogħla ħatriet possibbli għal mużiċist tal-qorti. Madankollu, l-involviment tiegħu fl-attivitajiet mużikali tal-qorti jaf naqas wara l-mewt ta' Lwiġi XIV fl-1715.

Is-saħħa ta' Couperin marret għall-agħar b'mod kostanti matul is-snin 20 tas-seklu 18. Is-servizzi ta' kuġin kienu meħtieġa sal-1723 fil-Knisja ta' Saint Gervais, u fl-1730 il-kariga ta' Couperin bħala klaviċembalist tal-qorti ngħatat lil bintu Marguerite-Antoinette. Il-pubblikazzjonijiet finali ta' Couperin kienu Pièces de violes (1728) u r-raba' volum tal-biċċiet mużikali bil-klaviċembalu (1730). Il-kompożitur miet fl-1733. Il-binja fejn kien jgħix Couperin flimkien mal-familja tiegħu mill-1724 għadha teżisti u tinsab fil-kantuniera bejn rue Radziwill u rue des Petits Champs. Il-kompożitur ħalla minn tal-inqas tliet ulied: Marguerite-Antoinette, li baqgħet taħdem bħala klaviċembalist tal-qorti sal-1741, Marie-Madeleine (Marie-Cécile), li saret soru u jaf ħadmet bħala organist fl-Abbazija ta' Maubuisson, u François-Laurent, li skont sorsi kontemporanji ħalla l-familja wara l-mewt ta' missieru.

Couperin irrikonoxxa d-dejn tiegħu lill-kompożitur Taljan Corelli. Huwa introduċa l-format tat-trio sonata ta' Corelli fi Franza. Couperin ikkompona żewġ trio sonata kbar. L-ewwel, Le Parnasse, ou L'Apothéose de Corelli ("Parnassus, jew l-Apoteożi ta' Corelli"), ikkomponiha biex juri d-dejn kbir li kellu fil-konfront ta' Corelli u ġiet ippubblikata fl-1724. L-oħra, L'Apothéose de Lully, ġiet ippubblikata sena wara u kkomponiha biex jagħti ġieħ lil Jean-Baptiste Lully. Fiha uża stili Franċiżi u Taljani tal-mużika Barokka, sabiex jirrikonċilja ż-żewġ stili differenti ħafna f'dik li Couperin sejjaħ réunion des goûts (riunjoni ta' gosti). Fl-istess sena li ġiet ippubblikata L'Apothéose de Corelli, Couperin ippubblika sett ta' għaxar biċċiet mużikali, "Nouveaux concerts, ou Les goûts réunis", li wkoll kienu jikkombinaw dawn iż-żewġ stili differenti tal-mużika Barokka.

L-iktar ktieb famuż tiegħu, L'art de toucher le clavecin ("L-Arti tad-Daqq tal-Klaviċembalu", li ġie ppubblikat fl-1716), fih suġġerimenti dwar it-tqegħid tas-swaba', il-mess, l-ornamentazzjoni u karatteristiċi oħra tat-teknika tat-tastieri, kif ukoll tmien preludji bin-noti tal-biċċiet mużikali fl-ewwel żewġ kotba tiegħu ta' mużika bil-klaviċembalu u Allemande biex juri l-istil Taljanizzat.

L-erba' volumi ta' mużika bil-klaviċembalu ta' Couperin, li ġew ippubblikati f'Pariġi fl-1713, fl-1717, fl-1722, u fl-1730, fihom iżjed minn 230 biċċa mużikali individwali, u huwa ppubblika wkoll ktieb ta' Concerts Royaux ("Kunċerti Rjali") li jistgħu jindaqqu bħala biċċiet individwali bil-klaviċembalu jew bħala biċċiet mużikali żgħar tal-kamra. L-erba' kollezzjonijiet għall-klaviċembalu biss huma raggruppati f'ordres, sinonimu ta' suites, li fihom żifniet tradizzjonali kif ukoll biċċiet mużikali b'titli deskrittivi. Huma notevoli għall-indikazzjoni dettaljata tal-ornamenti min-naħa ta' Couperin, li fil-biċċa l-kbira tal-mużika bil-klaviċembalu ta' dak iż-żmien kienu jitħallew għad-diskrezzjoni tal-mużiċist. L-ewwel u l-aħħar biċċiet mużikali f'ordre kien ikollhom l-istess tonalità, iżda l-biċċiet mużikali tan-nofs seta' jkollhom tonalitajiet oħra relatati mill-qrib. Dawn il-volumi kienu ammirati minn Johann Sebastian Bach, li skambja ittri ma' Couperin, u iktar 'il quddiem minn Brahms u minn Ravel. Dan tal-aħħar fassal memorjal għall-kompożitur f'Le Tombeau de Couperin ("Il-Memorjal ta' Couperin).

Bosta mill-biċċiet mużikali tat-tastieri ta' Couperin għandhom titli pittoreski evokattivi (bħal "L-imtieħen iż-żgħar" u "Il-barrikati misterjużi") u jesprimu burdata permezz ta' għażliet ta' noti, armoniji avventurużi u dissonanzi (ħfief). Dawn ġew imqabbla ma' poeżiji b'tonalità tal-minjaturi. Dawn il-karatteristiċi attiraw lil Richard Strauss, li orkestra wħud minnhom.

Il-mużika bil-pjanu ta' Johannes Brahms ġiet influwenzata mill-mużika tat-tastieri ta' Couperin. Brahms daqq il-mużika ta' Couperin fil-pubbliku u kkontribwixxa għall-ewwel edizzjoni kompluta tal-Pièces de clavecin ta' Couperin minn Friedrich Chrysander fis-snin 80 tas-seklu 19.

Il-kompożitur modern Ingliż Thomas Adès ħa tliet biċċiet mużikali minn settijiet differenti tas-suites ta' Couperin u orkestrahom fix-xogħol tiegħu "Tliet Studji minn Couperin" (bl-Ingliż: Three Studies from Couperin).

L-espert tal-mużika bikrija Jordi Savall kiteb li Couperin kien "l-iprem mużiċist poeta", li kien jemmen fil-"kapaċità tal-Mużika [b'M kapitali] li tesprimi ruħha fil-proża u fil-poeżija", u li "jekk nidħlu fil-poeżija tal-mużika niskopru li fiha grazzja li hi isbaħ mis-sbuħija stess".[2]

Ritratt ta' Couperin, magħmul minn pittur anonimu, pittura mill-kollezzjoni tax-Château de Versailles.

Kollezzjoni waħda biss ta' mużika bl-orgni għadha teżisti ta' Couperin, il-Pièces d'orgue consistantes en deux messes ("Biċċiet għall-Orgni li Jikkonsistu minn Żewġ Quddisiet"), u l-ewwel manuskritt tfaċċa għall-ħabta tal-1689-1690.[3][4] Meta kellu 21 sena, Couperin x'aktarx li la kellu l-fondi u lanqas ir-reputazzjoni biex jikseb pubblikazzjoni mifruxa, iżda x-xogħol ġie approvat mill-għalliem tiegħu, Michel Richard Delalande, li kiteb li l-mużika kienet "sabiħa ħafna u jistħoqqilha tingħata lill-pubbliku".[5] Iż-żewġ quddisiet kienu maħsuba għal udjenzi differenti: l-ewwel waħda għall-parroċċi jew għall-knejjes lajċi ("paroisses pour les fêtes solemnelles"), u t-tieni waħda għall-kunventi jew għall-abbaziji ("couvents de religieux et religieuses"). Dawn il-quddisiet huma maqsuma f'ħafna movimenti f'konformità mal-istruttura tradizzjonali tal-Quddiesa bil-Latin: Kyrie (ħames movimenti), Gloria (disa' movimenti), Sanctus (tliet movimenti), Agnus (żewġ movimenti), u Offertoire u Deo gratias addizzjonali għall-konklużjoni ta' kull quddiesa.

Couperin segwa t-tekniki li kienu jintużaw fil-quddisiet minn Nivers, Lebègue, u Boyvin, kif ukoll predeċessuri oħrajn tal-era Barokka Franċiża. Fil-Quddiesa tal-paroisses, huwa juża kant ta' innijiet sempliċi mill-Missa cunctipotens genitor Deus bħala cantus firmus f'żewġ movimenti tal-Kyrie u fl-ewwel moviment tas-Sanctus; is-suġġett tal-Fugue tal-Kyrie oriġina mill-inċipit ta' innu. Il-Quddiesa għall-couvents ma fiha l-ebda kant ta' innijiet sempliċi, peress li kull kunvent u monasteru kien ikollu l-innijiet mhux standard tiegħu. Couperin jitbiegħed mill-predeċessuri tiegħu b'ħafna modi. Pereżempju, il-melodiji tar-Récits huma strettament ritmiċi u iktar direzzjonali minn eżempji preċedenti tal-ġeneru. Willi Apel kiteb, "din il-mużika turi sens ta' ordni naturali, vitalità, u immedjatezza ta' sentimenti li toħroġ mill-mużika tal-orgni Franċiża bħal żiffa friska".[6]

L-itwal biċċa mużikali fil-kollezzjoni hija l-Offertoire sur les grands jeux tal-ewwel Quddiesa, li hija simili għal overture Franċiża estiża fi tliet sezzjonijiet kbar: preludju, fugue kromatika f'tonalità minuri, u fugue qisha gigue. Bruce Gustafson sejjaħ il-moviment "kapulavur tal-għaġeb tar-repertorju klassiku Franċiż". It-tieni Quddiesa fiha wkoll Offertoire b'format simili, iżda din il-Quddiesa mhix ikkunsidrata kapulavur daqs l-ewwel waħda: Apel kiteb, "Inġenerali, [Couperin] ma tax l-istess attenzjoni lil din il-Quddiesa, li kitibha għal abbaziji mudesti, bħalma ta lill-Quddiesa l-oħra, li hu stess ċertament ippreżenta fi btajjel importanti fl-orgni tal-Knisja ta' Saint-Gervais".[7]

  1. ^ Beaussant, Philippe (1990). François Couperin; translated from the French by Alexandra Land. Amadeus Press. ISBN 0-931340-27-6. p. 348.
  2. ^ Savall, Jordi (2005), François Couperin: Les Concerts Royaux (CD liner notes), Alia Vox, AV9840, Couperin est le musicien-poète par excellence, qui croit en la capacité de la Musique à s'exprimer avec «sa prose et ses vers»...si on entre dans sa profonde dimension poétique, on découvre qu'ils [referring to the occasional pieces such as Les Concerts Royaux] sont porteurs d’une grâce qui est, «plus belle encore que la beauté...».
  3. ^ Gustafson, Bruce (2004). "France". In Alexander Silbiger (ed.). Keyboard Music Before 1700. New York: Routledge. pp. 115–116.
  4. ^ Apel, Willi (1972). The History of Keyboard Music to 1700. Bloomington: Indiana University Press. pp. 736–738.
  5. ^ Gustafson, Bruce (2004). "France". In Alexander Silbiger (ed.). Keyboard Music Before 1700. New York: Routledge. pp. 115–116.
  6. ^ Apel, Willi (1972). The History of Keyboard Music to 1700. Bloomington: Indiana University Press. pp. 736–738.
  7. ^ Apel, Willi (1972). The History of Keyboard Music to 1700. Bloomington: Indiana University Press. p. 738.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]