[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

Għalliem

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Għalliem fi klassi sekondarja fi Sierra Leone

Għalliem (ġieli magħruf ukoll formalment bħala edukatur) huwa persuna li tgħin lill-istudenti jiksbu l-għarfien u l-kompetenzi.

Informalment, ir-rwol tal-għalliem jista' jwettqu kulħadd (eż. meta wieħed juri lil xi kollega kif iwettaq kompitu speċifiku). F'xi pajjiżi, it-tagħlim tat-tfal u tal-adolexxenti li jmorru l-iskola jista' jsir f'ambjent informali, bħal fi ħdan il-familja (tagħlim mid-dar), minflok f'ambjent formali bħal fi skola jew f'kulleġġ. Xi professjonijiet oħra jistgħu jinvolvu ammont sinifikanti ta' tagħlim (eż. ħaddiem maż-żgħażagħ).

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, it-tagħlim formali tal-istudenti s-soltu jitwettaq minn għalliema professjonali mħallsa. Dan l-artiklu jiffoka fuq l-għalliema li jkunu impjegati, bħala r-rwol prinċipali tagħhom, biex jgħallmu lill-oħrajn f'kuntest edukattiv formali, bħal pereżempju fi skola jew f'post ieħor ta' edukazzjoni jew taħriġ formali inizjali.

Dmirijiet u funzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Pittura ta' Għalliem Olandiż jgħallem lit-tfal, 1662

Ir-rwol tal-għalliem jista' jvarja fost kulturi differenti.

L-għalliema jistgħu jipprovdu tagħlim fil-litteriżmu u n-numeriżmu, is-snajja' jew it-taħriġ vokazzjonali, l-arti, ir-reliġjon, l-edukazzjoni ċivika, ir-rwoli fil-komunità, jew il-ħiliet tal-ħajja.

Il-kompiti tat-tagħlim formali jinkludu t-tħejjija tal-lezzjonijiet skont kurrikuli stabbiliti, l-għoti tal-lezzjonijiet, u l-valutazzjoni tal-progress tal-istudenti.

Id-dmirijiet professjonali ta' għalliem jistgħu jkunu estiżi lil hin mit-tagħlim formali. Barra mill-klassijiet, l-għalliema jistgħu jakkumpanjaw lill-istudenti f'ħarġiet jew ġiti, jissorveljaw is-swali tal-istudju, jgħinu fl-organizzazzjoni tal-funzjonijiet tal-iskola, u jagħmluha ta' superviżuri f'attivitajiet lil hinn mill-kurrikulu. F'xi sistemi edukattivi, l-għalliema jistgħu jkunu responsabbli wkoll għad-dixxiplina tal-istudenti.

Kompetenzi u kwalitajiet meħtieġa għall-għalliema

[immodifika | immodifika s-sors]
Għalliem f'Laos

It-tagħlim huwa attività kumplessa ħafna. Dan parzjalment minħabba li t-tagħlim huwa prattika soċjali li ssir f'kuntest speċifiku (żmien, post, kultura, qagħda soċjoloġika, politika u ekonomika, eċċ.) u għaldaqstant tissawwar mill-valuri ta' dak il-kuntest speċifiku. Fost il-fatturi li jinfluwenzaw dak li hu mistenni (jew meħtieġ) mill-għalliema hemm l-istorja u t-tradizzjoni, il-fehmiet soċjali dwar l-iskop tal-edukazzjoni, it-teoriji aċċettati dwar l-apprendiment, eċċ.

Il-kompetenzi meħtieġa minn għalliem jiġu affettwati mill-modi differenti kif ir-rwol jiġi mifhum madwar id-dinja. Inġenerali, jidher li hemm erba' mudelli:

  • l-għalliem bħala maniġer tat-tagħlim;
  • l-għalliem bħala persuna li tindokra;
  • l-għalliem bħala edukatur espert; u
  • l-għalliem bħala persuna kulturali u ċivika.

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku argumentat li jeħteġ li tiġi żviluppata definizzjoni kondiviża tal-ħiliet u tal-għarfien meħtieġa mill-għalliema, sabiex l-għalliema jiġu ggwidati fl-iżvilupp professjonali u fl-edukazzjoni tul il-karriera tagħhom. Xi diskussjonijiet internazzjonali bbażati fuq l-evidenza ppruvaw jilħqu tali fehim komuni. Pereżempju, l-Unjoni Ewropea identifikat tliet oqsma ġenerali ta' kompetenzi li jeħtieġu l-għalliema:

  • il-ħidma mal-oħrajn;
  • il-ħidma bl-għarfien, bit-teknoloġija u bl-informatika; u
  • il-ħidma fis-soċjetà u mas-soċjetà.

Kulma jmur qed ifeġġ konsensus fost l-istudjużi dwar x'inhu meħtieġ mill-għalliema u dan jista' jiġi raggruppat f'dawn it-tliet punti:

  • l-għarfien (pereżempju s-suġġett innifsu u l-għarfien dwar kif jiġi mgħallem, l-għarfien tal-kurrikulu, l-għarfien dwar ix-xjenzi edukattivi, il-psikoloġija, il-valutazzjoni, eċċ.);
  • il-ħiliet tas-sengħa (pereżempju l-ippjanar tal-lezzjonijiet, bl-użu ta' teknoloġiji tat-tagħlim, il-ġestjoni tal-istudenti u tal-gruppi, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-apprendiment, eċċ.); u
  • il-predispożizzjonijiet (pereżempju l-valuri u l-attitudnijiet essenzjali, it-twemmin u l-impenn).[1]
Monument f'Rostock f'ġieħ l-għalliema

Instab li l-għalliema li wrew li kellhom entużjażmu fir-rigward tal-materjali tal-korsijiet u tal-istudenti jistgħu joħolqu esperjenza pożittiva ta' apprendiment. Dawn l-għalliema ma jgħallmux b'mod ripetittiv iżda jippruvaw jinnovaw it-tagħlim tagħhom u tal-materjali tal-korsijiet kuljum. L-għalliema li jkopru l-istess kurrikulu b'mod ripetut jaf isibuha diffiċli li jibqa' jkollhom l-istess entużjażmu, u b'hekk jekk ikunu ddejqu bil-kontenut, dan jiġi trażmess anke lill-istudenti tagħhom. L-għalliema li jgħallmu b'entużjażmu jiġu apprezzati iktar mill-istudenti tagħhom mill-għalliema li ma jurux wisq entużjażmu għall-materjali tal-korsijiet.

L-għalliema li jkollhom iktar entużjażmu x'aktarx li jkollhom iktar studenti involuti, interessati u enerġetiċi li jkunu kurjużi dwar l-apprendimenti ta' suġġett. Skont riċerka reċenti nstabet korrelazzjoni bejn l-entużjażmu tal-għalliema u l-motivazzjoni intrinsika tal-istudenti biex jitgħallmu u l-vitalità fil-klassi. Studji sperimentali u kkontrollati li esploraw il-motivazzjoni intrinsika tal-istudenti tal-kulleġġi wrew li l-espressjonijiet mhux verbali tal-entużjażmu, bħal ġesti dimostrattivi, movimenti drammatiċi li jkunu varjati, u espressjonijiet emotivi tal-wiċċ, jirriżultaw f'iktar livelli għoljin ta' motivazzjoni intrinsika fost l-istudenti tal-kulleġġi biex jitgħallmu. Iżda anke jekk intwera li l-entużjażmu tal-għalliema jtejbu l-motivazzjoni u jżidu l-involviment fil-kompiti, xorta waħda ma jtejjibx neċessarjament l-eżiti tal-apprendiment jew ma jgħinx neċessarjament biex wieħed jiftakar iktar il-materjal.

Hemm diversi mekkaniżmi li bihom l-entużjażmu tal-għalliema jista' jiffaċilita livelli ogħla ta' motivazzjoni intrinsika.[2] L-entużjażmu tal-għalliema jista' jikkontribwixxi għal atmosfera fil-klassi mimlija enerġija u entużjażmu, li mbagħad tqanqal l-interess u l-eċitament tal-istudenti biex jitgħallmu s-suġġett. L-għalliema entużjasti jistgħu jwasslu wkoll biex l-istudenti jsiru iktar awtodeterminati fil-proċess tal-apprendiment tagħhom stess. Il-kunċett ta' sempliċi esponiment jindika li l-entużjażmu tal-għalliema jista' jikkontribwixxi għall-aspettattivi tal-istudenti rigward il-motivazzjoni intrinsika fil-kuntest tal-apprendiment. Barra minn hekk, l-entużjażmu jista' jaġixxi bħala "iktar sbuħija motivazzjonali", billi jżid l-interess tal-istudenti permezz tal-varjetà, l-innovazzjoni, u l-element ta' sorpriża tal-preżentazzjoni entużjasta tal-materjal min-naħa tal-għalliema. Finalment, il-kunċett ta' kontaġġun emotiv jista' japplika wkoll: l-istudenti jaf isiru iktar motivati intrinsikament billi jiġu affettwati mill-entużjażmu u l-enerġija tal-għalliema.[3]

Interazzjoni mal-istudenti

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-riċerka turi li l-motivazzjoni u l-attitudnijiet tal-istudenti fir-rigward tal-iskola huma marbuta mill-qrib mar-relazzjonijiet bejn l-istudenti u l-għalliema. L-għalliema entużjasti huma partikolarment tajbin biex joħolqu relazzjonijiet benefiċi mal-istudenti tagħhom.[4][5][6][7] Il-kapaċità tagħhom li joħolqu ambjenti tal-apprendiment effettivi li jrawmu l-kisbiet tal-istudenti tiddependi fuq it-tip ta' relazzjoni li jibnu mal-istudenti tagħhom. L-interazzjonijiet utli bejn l-għalliema u l-istudenti huma kruċjali biex jorbtu s-suċċess akkademiku mal-kisbiet personali.[8] F'dan il-kuntest, is-suċċess personali jkun l-għan intern tal-istudenti li jitjiebu, filwaqt li suċċess akkademiku jinkludi l-għanijiet li jingħataw mis-superjur tagħhom. Għalliem irid jiggwida l-istudenti tiegħu biex jallinjaw l-għanijiet personali tagħhom mal-għanijiet akkademiċi. L-istudenti li jirċievu din l-influwenza pożittiva jkollhom awtofiduċja iktar b'saħħitha u iktar suċċess personali u akkademiku minn dawk mingħajr dawn l-interazzjonijiet mal-għalliema.[9][10]

L-istudenti x'aktarx li jibnu relazzjonijiet iktar b'saħħithom mal-għalliema li jkunu amikevoli u ta' sostenn u ġeneralment juru iktar interess fil-korsijiet mgħallma minn dawn l-għalliema. L-għalliema li jqattgħu iktar żmien biex jinteraġixxu u jaħdmu direttament mal-istudenti jitqiesu bħala għalliema ta' sostenn u effettivi. Intwera li l-għalliema effettivi jwasslu għal iktar parteċipazzjoni u teħid tad-deċiżjonijiet min-naħa tal-istudenti, u b'hekk jippermettu klima umoristika fil-klassi xi kultant, u jkollhom iktar rieda li jilagħbu.

  1. ^ Williamson McDiarmid, G. & Clevenger-Bright M. (2008) 'Rethinking Teacher Capacity', in Cochran-Smith, M., Feiman-Nemser, S. & Mc Intyre, D. (Eds.). 'Handbook of Research on Teacher Education. Enduring questions in changing contexts'. New York/Abingdon: Routledge/Taylor & Francis
  2. ^ "All Of Us Should Be Teachers, Even If Just For One Day". web.archive.org. 2016-10-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-09. Miġbur 2021-07-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Amatora, M. (1950). Teacher Personality: Its Influence on Pupils. Education, 71(3), 154-158
  4. ^ Baker, J. A., Terry, T., Bridger, R., & Winsor, A. (1997). Schools as caring communities: A relational approach to school reform. School Psychology Review, 26, 576-588.
  5. ^ Bryant, Jennings . 1980. Relationship between college teachers' use of humor in the classroom and students' evaluations of their teachers. Journal of educational psychology. 72, 4.
  6. ^ Fraser, B. J., & Fisher, D. L. (1982). Predicting students' outcomes from their perceptions of classroom psychosocial environment. American Educational Research Journal, 19, 498- 518.
  7. ^ Hartmut, J. (1978). Supportive dimensions of teacher behavior in relationship to pupil emotional cognitive processes. Psychologie in Erziehung und Unterricht, 25, 69-74.
  8. ^ Osborne, E.;. Salzberger, I.; Wittenberg, G. W. 1999. The Emotional Experience of Learning and Teaching. Karnac Books, Londra.
  9. ^ Baker, J. A.Teacher-Student Interaction in Urban At-Risk Classrooms: Differential Behavior, Relationship Quality, and Student Satisfaction with School. The Elementary School Journal Volume 100, Number 1, 1999 by The University of Chicago.
  10. ^ Moos, R. H. (1979). Evaluating Educational Environments: Measures, procedures, findings, and policy implications. San Francisco: Jossey-Bass.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]