[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

Tuneż

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tuneż
 Tuneżija
Amministrazzjoni
PajjiżTuneżija
Governorate of TunisiaGovernorat ta' Tuneż
Isem uffiċjali تونس
Ismijiet oriġinali تونس
Kodiċi postali 1000
Ġeografija
Koordinati 36°48′03″N 10°10′48″E / 36.8008°N 10.18°E / 36.8008; 10.18Koordinati: 36°48′03″N 10°10′48″E / 36.8008°N 10.18°E / 36.8008; 10.18
Tuneż is located in Tunisia
Tuneż
Tuneż
Tuneż (Tunisia)
Superfiċjenti 212,630,000 metru kwadru
Għoli 4 m
Demografija
Popolazzjoni 602,560 abitanti (1 Jannar 2022)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 71
Żona tal-Ħin UTC+1
bliet ġemellati Amman, Köln, Doha, Jeddah, Belt tal-Kuwajt, Muscat, Montreal, Moska, Rabat, Rio de Janeiro, Santiago, Tashkent, Tripli, Pariġi, Torino, Liżbona, Marsilja, Praga, Stokkolmau Istanbul
commune-tunis.gov.tn

Tuneż (ˈtuːnɪs; bl-Għarbi: تونس) hija l-belt kapitali tat-Tuneżija u l-ikbar belt fil-pajjiż. Fl-2014, il-popolazzjoni tal-muniċipalità ta' Tuneż kienet ta' 638,845 abitant skont iċ-ċensiment tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika. Iż-żona metropolitana kollha ta' Tuneż, spiss magħrufa bħala "Grand Tunis", għandha popolazzjoni ta' madwar 2,700,000 abitant. Mill-2020 Tuneż hija t-tielet l-ikbar belt fir-reġjun tal-Magreb (wara Casablanca u Alġiers) u l-ħdax-il ikbar belt fid-dinja Għarbija.

Il-belt tinsab f'golf kbir tal-Baħar Mediterran magħruf bħala l-Golf ta' Tuneż, wara l-Lag ta' Tuneż u l-port ta' La Goulette (Ḥalq il-Wād). Il-belt hija estiża tul il-pjanura kostali u l-għoljiet ta' madwarha. Il-medina antika hija l-qalba tal-belt u hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Fil-Lvant tal-medina, mid-Daħla tal-Baħar (magħrufa wkoll bħala Bab el Bhar u Porte de France), tibda l-belt moderna magħrufa bħala "Ville Nouvelle", bit-triq prinċipali li tgħaddi minn ġo nofsha, Avenue Habib Bourguiba (li spiss hija magħrufa fil-gwidi tal-ivvjaġġar u fuq il-mezzi tax-xandir bħala x-"Champs-Élysées Tuneżina"), fejn hemm kuntrast ċar bejn il-binjiet tal-era kolonjali u l-istrutturi antiki ferm iżgħar. Iktar fil-Lvant mal-baħar hemm is-subborgi ta' Kartaġni, La Marsa u Sidi Bou Said. Bħala l-belt kapitali tal-pajjiż, Tuneż hija l-qalba tal-ħajja politika u amministrattiva tal-pajjiż, kif ukoll iċ-ċentru tal-attivitajiet kummerċjali u kulturali tat-Tuneżija.

Tuneż hija t-traskrizzjoni tal-isem Għarbi تونس li jista' jiġi ppronunzjat bħala "Tūnus", "Tūnas" jew "Tūnis". It-tliet varjanti ssemmew kollha kemm huma mill-ġeografu Għarbi Yaqut al-Hamawi fil-Mu'jam al-Bûldan (Dizzjunarju tal-Pajjiżi) tiegħu.

Jeżistu spjegazzjonijiet differenti għall-oriġini tal-isem "Tuneż". Xi studjużi jehmżuha mad-divinità tal-Feniċi Tanith (Tanit jew Tanut), peress li bosta bliet antiki kienu jissemmew għal divinitajiet patruni.[2][3] Xi studjużi jsostnu li oriġina minn Tynes, li ssemma minn Diodorus Siculus u Polibju matul id-deskrizzjonijiet ta' post simili għal Al-Kasbah, villaġġ antik tal-Berberi f'Tuneż.[4][5]

Possibbiltà oħra hi li oriġina mill-għerq verbali Berberu ens li jfisser "timtedd" jew "tqatta' l-lejl". It-terminu Tuneż x'aktarx jista' jfisser "tikkampja billejl", "kamp" jew "waqfa", jew jaf kien jirreferi għall-"aħħar waqfa qabel Kartaġni" min-nies li kienu jkunu qed jivvjaġġaw lejn Kartaġni minn fuq l-art.[6] Hemm xi sorsi Rumani antiki wkoll li jsemmu rħula fil-qrib bħala Tuniza (issa El Kala), Thunusuda (issa Sidi-Meskin), Thinissut (issa Bir Bouregba) u Thunisa (issa Ras Jebel). Dawn il-villaġġi Berberi kollha kienu jinsabu tul toroq Rumani u bla dubju servew bħala postijiet fejn wieħed kien jieqaf jistrieħ.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-medina ta' Tuneż ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979. Iż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet immodifikata kemxejn fl-2010.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Medina of Tunis". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-16.
  2. ^ Room, Adrian (2006). Placenames of the World: Origins and Meanings of the Names for 6,600 Countries, Cities, Territories, Natural Features, and Historic Sites. McFarland. p. 385. ISBN 0-7864-2248-3.
  3. ^ Taylor, Isaac (2008). Names and Their Histories: A Handbook of Historical Geography and Topographical Nomenclature. BiblioBazaar, LLC. p. 281. ISBN 978-0-559-29668-0.
  4. ^ Houtsma, Martijn Theodoor (1987). E.J. Brill's First Encyclopaedia of Islam, 1913–1936. Brill. p. 838. ISBN 90-04-08265-4.
  5. ^ Livy, John Yardley, Dexter Hoyos (2006). Hannibal's War: Books Twenty-one to Thirty. Oxford University Press. p. 705. ISBN 0-19-283159-3.
  6. ^ Rossi, Peter M.; White, Wayne Edward (1980). Articles on the Middle East, 1947–1971: A Cumulation of the Bibliographies from the Middle East Journal. Pierian Press, University of Michigan. p. 132.
  7. ^ Sebag, Paul (1998). Tunis: Histoire d'une ville. Histoire et Perspectives Méditerranéennes. Pariġi: L'Harmattan. ISBN 9782738466105. p. 54.