[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

Wales

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-bandiera ta' Wales.

Wales (bil-Welsh: Cymru [ˈkəm.rɨ]) huwa pajjiż li jagħmel parti mir-Renju Unit. Bħala fruntieri jmiss mal-Ingilterra fil-Lvant, mal-Baħar Irlandiż fit-Tramuntana u fil-Punent, mal-Baħar Ċeltiku fil-Lbiċ u mal-Fliegu ta' Bristol fin-Nofsinhar. Bħala parti miċ-ċensiment tal-2021, il-pajjiż kellu popolazzjoni ta' 3,107,494 ruħ.[1] Għandu erja totali ta' 21,218 km2 (8,192 mil kwadru) u iżjed minn 1,680 mil (2,700 kilometru) ta' kosti.[2] Fil-biċċa l-kbira huwa muntanjuż, bl-ogħla qċaċet tiegħu fit-Tramuntana u fiż-żoni ċentrali, inkluż Snowdon (Yr Wyddfa), l-ogħla quċċata.[3] Il-pajjiż jinsab fi ħdan iż-żona miti tat-Tramuntana u għandu klima marittima varjabbli. Il-belt kapitali u l-ikbar belt hija Cardiff.

L-identità nazzjonali ta' Wales feġġet fost il-Brittaniċi Ċeltiċi wara li r-Rumani rtiraw mir-Brittanja fis-seklu 5 W.K., u Wales ifforma bħala renju taħt Gruffydd ap Llywelyn fl-1055. Wales jitqies bħala wieħed min-nazzjonijiet Ċeltiċi. Wara iktar minn 200 sena ta' gwerra, il-ħakma ta' Wales mir-Re Dwardu I tal-Ingilterra tlestiet sal-1283, għalkemm Owain Glyndŵr mexxa r-Rewwixta ta' Wales kontra t-tmexxija Ingliża fil-bidu tas-seklu 15, u għal żmien qasir reġa' stabbilixxa stat indipendenti ta' Wales bil-parlament nazzjonali tiegħu stess (bil-Welsh: senedd). Fis-seklu 16, Wales kollu ġie anness mal-Ingilterra u ġie inkorporat fi ħdan is-sistema legali Ingliża skont l-Atti tal-1535 u tal-1542 dwar il-Liġijiet f'Wales. F'Wales żviluppat politika distintiva fis-seklu 19. Il-Liberaliżmu ta' Wales, li ħareġ fid-dieher fil-bidu tas-seklu 20 permezz ta' David Lloyd George, ġie sostitwit bit-tkabbir tas-soċjaliżmu u l-Partit Laburista. Is-sentiment nazzjonali ta' Wales kiber matul is-seklu: partit nazzjonalista, Plaid Cymru, ġie ffurmat fl-1925, u s-Soċjetà tal-Lingwa ta' Wales ġiet stabbilita fl-1962. F'Wales tintuża sistema ta' governanza permezz tad-devoluzzjoni, u l-iżjed pass ewlieni tagħha kien il-formazzjoni tas-Senedd (il-Parlament ta' Wales, li qabel kien l-Assemblea Nazzjonali għal Wales) fl-1998, li huwa responsabbli għal firxa ta' kwistjonijiet ta' politika devoluta.

Mappa tal-invażjoni ta' Wales min-naħa tar-Rumani.

Fl-aħħar tar-Rivoluzzjoni Industrijali, l-iżvilupp tal-industriji tal-estrazzjoni u tal-metallurġija ttrasformaw il-pajjiż minn soċjetà agrikola f'waħda industrijali; l-isfruttament tal-Medda tal-Faħam tan-Nofsinhar ta' Wales ikkawża żieda rapida fil-popolazzjoni ta' Wales. Żewġ terzi tal-popolazzjoni jgħixu fin-Nofsinhar ta' Wales, inkluż Cardiff, Swansea, Newport u l-widien fil-qrib. Ir-reġjun tal-Lvant tat-Tramuntana ta' Wales fih madwar 16.67 % tal-popolazzjoni kumplessiva, u Wrexham hija l-ikbar belt fit-Tramuntana. Il-partijiet l-oħra ta' Wales għandhom popolazzjoni sparpaljata. Issa li l-industriji tqal u tal-estrazzjoni tradizzjonali tal-pajjiż għebu jew qed imajnaw, l-ekonomija hija bbażata fuq is-settur pubbliku, l-industriji ħfief u tas-servizzi, u t-turiżmu. L-agrikoltura f'Wales hija bbażata l-iktar fuq it-trobbija tal-bhejjem, u fil-fatt Wales huwa esportatur nett ta' prodotti tal-annimali, għaldaqstant dan jikkontribwixxi biex il-pajjiż ikun awtosuffiċjenti fl-agrikoltura fuq livell nazzjonali.

Il-pajjiż għandu identità nazzjonali u kulturali distinta u mill-aħħar tas-seklu 19 'il quddiem, Wales kiseb ir-reputazzjoni popolari tiegħu bħala l-"art tal-kant", parzjalment minħabba t-tradizzjoni tal-eisteddfod u t-trawwim tal-kant f'kor. Kemm il-lingwa ta' Wales kif ukoll l-Ingliż huma lingwi uffiċjali. Il-maġġoranza tal-popolazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-inħawi jitkellmu bl-Ingliż, filwaqt li maġġoranza tal-popolazzjoni f'partijiet fit-Tramuntana u l-Punent jitkellmu bil-Welsh, b'total ta' 538,300 kelliem tal-Welsh fil-pajjiż kollu.

It-termini Ingliżi "Wales" u "Welsh" oriġinaw mill-istess għerq tal-Ingliż Antik (is-singular Wealh, il-plural Wēalas), jiġifieri dixxendent tal-Proto-Ġermaniku *Walhaz, li min-naħa tiegħu kien oriġina mill-isem tal-Galli magħrufa fost ir-Rumani bħala Volcae. Dan it-terminu iktar 'il quddiem intuża b'referenza indiskriminata għall-abitanti tal-Imperu Ruman tal-Punent.[4] L-Anglo-Sassoni bdew jużaw it-terminu biex jirreferu b'mod partikolari għall-Brittaniċi; il-form bil-plural Wēalas evolviet fl-isem tat-territorju, Wales.[5][6] Storikament fil-Brittanja, il-kelmiet ma kinux ristretti għal Wales modern jew għall-Welsh iżda kienu jintużaw b'referenza għal kwalunkwe ħaġa li l-Anglo-Sassoni kienu jassoċjaw mal-Brittaniċi, inkluż territorji mhux Ġermaniċi oħra fil-Brittanja (eż. Cornwall) u postijiet fit-territorju tal-Anglo-Sassoni assoċjati mal-Brittaniċi (eż. Walworth fil-Kontea ta' Durham u Walton fil-Punent ta' Yorkshire).[7]

L-isem modern bil-Welsh għalihom infushom huwa Cymry, u Cymru huwa l-isem bil-Welsh għal Wales. Dawn il-kelmiet (it-tnejn li huma ppronunzjati [ˈkəm.rɨ]) oriġinaw mill-kelma Brittanika combrogi, li tfisser "ċittadini sħabna"[8][9], u x'aktarx li bdiet tintuża qabel is-seklu 7.[10][11] Fil-letteratura, setgħu jiġu spelluti Kymry jew Cymry, kemm jekk b'referenza għan-nies kif ukoll għall-pajjiż. Il-forom Latinizzati ta' dawn l-ismijiet, Cambrian, Cambric u Cambria, għadhom jeżistu fl-ismijiet ta' muntanji (eż. il-Muntanji "Kambrjani") u fl-isem il-perjodu ġeoloġiku "Kambrijan".[12]

  • Census 2001, 200 Years of the Census in ... Wales (2001).
  • Davies, John (1994). A History of Wales. Londra: Penguin. ISBN 978-0-14-014581-6.
  • Davies, John; Jenkins, Nigel; Baines, Menna; Lynch, Peredur I., eds. (2008). The Welsh Academy Encyclopaedia of Wales. Cardiff: University of Wales Press. ISBN 978-0-7083-1953-6.
  1. ^ "Custom report - Nomis - Official Census and Labour Market Statistics". www.nomisweb.co.uk. Miġbur 2023-08-16.
  2. ^ "Standard Area Measurements (2021) for Administrative Areas in the United Kingdom (V2)". geoportal.statistics.gov.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-16.
  3. ^ "UK Government Web Archive". webarchive.nationalarchives.gov.uk. Miġbur 2023-08-16.
  4. ^ "Miller, Katherine L. (2014). "The Semantic Field of Slavery in Old English: Wealh, Esne, Þræl" (PDF) (teżi ta' dottorat). L-Università ta' Leeds" (PDF).
  5. ^ Davies (1994) p. 71.
  6. ^ Tolkien, J. R. R. (1963). Angles and Britons: O'Donnell Lectures. Cardiff: University of Wales Press.
  7. ^ Rollason, David (2003). "Origins of a People". Northumbria, 500–1100. Cambridge: Cambridge University Press. p. 60. ISBN 978-0-521-04102-7.
  8. ^ Davies (1994) p. 69.
  9. ^ Lloyd, John Edward (1911). A History of Wales from the Earliest Times to the Edwardian Conquest (Note to Chapter VI, the Name "Cymry"). Vol. I (2nd ed.). Londra: Longmans, Green, and Co. (published 1912). pp. 191–192.
  10. ^ Phillimore, Egerton (1891). "Note (a) to The Settlement of Brittany". In Phillimore, Egerton (ed.). Y Cymmrodor. Vol. XI. Londra: Honourable Society of Cymmrodorion (ippubblikat 1892). pp. 97–101.
  11. ^ Davies (1994), p. 71.
  12. ^ Cambria. Volume 5. Miġbur 2023-08-16.