[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

Papa Ġwanni Pawlu II

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Papa Ġwanni Pawlu II
264. Papa

16 Ottubru 1978 - 2 April 2005
John Paul I (en) Translate - Papa Benedittu XVI
cardinal priest (en) Translate

28 Ġunju 1967 - 2 April 2005
kardinal

26 Ġunju 1967 -
Archbishop of Kraków (en) Translate

13 Jannar 1964 - 16 Ottubru 1978
Adam Stefan Sapieha (mul) Translate - Franciszek Macharski (mul) Translate
Dioceses: Roman Catholic Archdiocese of Kraków (en) Translate
isqof titulari

31 Awwissu 1958 - 13 Jannar 1964
James Johnston Navagh (en) Translate - António de Castro Xavier Monteiro (en) Translate
Dioceses: Ombi (en) Translate
isqof titulari

4 Lulju 1958 - 31 Awwissu 1958
Dioceses: Diocese of Antigonia (en) Translate
isqof awżiljarju

4 Lulju 1958 - 13 Jannar 1964
Dioceses: Roman Catholic Archdiocese of Kraków (en) Translate
Ħajja
Isem propju Karol Józef Wojtyła
Twelid Wadowice (en) Translate, 18 Mejju 1920
Nazzjonalità Polonja
Stat tal-Belt tal-Vatikan
Second Polish Republic (en) Translate
Grupp etniku Pollak
L-ewwel lingwa Pollak
Mewt Palazz Appostolikuu Ruma, 2 April 2005
Post tad-dfin Bażilka ta' San Pietru
Tomb of John Paul II (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (senility (en) Translate
sepsi
marda ta’ Parkinson
infart tal-mijokardju)
Familja
Missier Karol Wojtyła
Omm Emilia Wojtyła
Aħwa
uri
Edukazzjoni
Alma mater John Paul II Catholic University of Lublin (en) Translate
Università Pontificia San Tommaso d'Aquino
(26 Novembru 1946 - Lulju 1947) Licentiate of Sacred Theology (en) Translate
Theology faculty of the Jagiellonian University (en) Translate
(1953 - 1954) Doctor of Sacred Theology (en) Translate
Livell tal-edukazzjoni Dottorat fid-Divinità
Teżi Doctrina de fide apud S. Ioannem a Cruce
Direttur tat-teżi Władysław Wicher (en) Translate
Lingwi Pollak
Esperanto
Taljan
Spanjol
Franċiż
Ġermaniż
Latin
Portugiż
Ingliż
Ukren
Litwan
Russu
Belaruss
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni Qassis fil-Knisja Kattolika
poeta
politiku
kittieb
attivist għad-drittijet umani
professur
filosofu
transitional deacon (en) Translate
latin catholic deacon (en) Translate
arċisqof
Isqof Kattoliku
Post tax-xogħol Zakrzówek (en) Translate
Borek Fałȩcki (en) Translate
Niegowić (en) Translate
Krakovja
Lublin
Ruma
Stat tal-Belt tal-Vatikan
Impjegaturi Università Jagiellonjana
John Paul II Catholic University of Lublin (en) Translate
Premjijiet
Sħubija Pontifical Academy of Mary (en) Translate
Polskie Towarzystwo Turystyczno-Krajoznawcze (en) Translate
Psewdonomu Andrzej Jawień, Stanisław Andrzej Grudau Piotr Jasień
Festa
22 ta' Ottubru
Servizz militari
Fergħa militari Armia Krajowa (en) Translate
Kollha tuus ego sum, Maria (“Jien kollu tiegħek, Marie”)
Kollha tuus ego sum, Maria (“Jien kollu tiegħek, Marie”)

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II (Latin.

: Ioannes Paulus PP. II; Taljan: Giovanni Paolo II; Pollakk: Jan Pawel II), imwieled Karol Józef Wojtyła (18 ta' Mejju 1920 – 2 ta' April 2005), kien il-264 papa fl-istorja tal-Knisja Kattolika mis-16 ta' Ottubru 1978 sa mewtu. Kien it-tieni l-iktar Papa li kellu pontifikat twil, wara Piju IX li dam sitt snin iktar minnu. Huwa l-uniku Papa Slav u Pollakk s'issa. Kien l-ewwel Papa mhux Taljan wara iktar minn erba' sekli ta' Papiet Taljan, sa minn Papa Adrijanu VI mill-1522. Kien l-iktar mexxej dinji li żar pajjiżi: 129 pajjiż. Iddikjara 483 qaddis u 1340 beatu, iktar mill-Papiet l-oħra kollha f'daqqa. Fl-1 ta' Mejju 2011 hu nnifsu kien iddikjarat Beatu fi Pjazza San Pietru mis-suċċessur tiegħu Papa Benedittu XVI. Fis-27 ta’ April 2014, dakinhar ukoll Festa tal-Ħniena Divina, kien iddikjarat qaddis fi Pjazza San Pietru minn Papa Franġisku.

Karol Wojtyla twieled nhar it-18 ta’ Mejju 1920, f’Vadovize (Wadowice) fin-nofsinhar tal-Polonja, viċin tal-fruntiera maċ-Ċekoslovakkja, 50 kilometru minn Krakovja u 30 kilometru minn Auschwitz. Dakinhar li twieled kien hemm l-eklissi tax-xemx bħal dakinhar tal-funeral tiegħu 85 sena wara. Dakinhar li twieled ukoll, Marshal Jozef Pilsudski daħal trijonfalment Varsavja wara li l-forzi Pollakki għamlu l-akbar rebħa fuq l-Armata l-ħamra: il-konkwista tal-belt Ukrajna ta’ Kiev. Dakinhar, eluf ta’ Pollakki imlew it-toroq biex jilqgħu lir-rebbieħ ta’ Kiev. Riedu jgħaddu kważi sittin sena oħra biex il-Polonja terġa’ tesperjenza ferħ u tama bħal dik, meta t-tarbija li kienet qed titwieled dakinhar kellha tirritorna trijonfalment f’Varsavja, bħala Mexxej tal-Knisja fl-1979.

Il-Mewt ta' Ommu

[immodifika | immodifika s-sors]

Ommu Emilia, imwielda Kaczorowska,ta' dixxindenza Litwana, kellha 36 sena meta kella lilu. Kienet "l-isbaħ mara u l-iktar waħda eleganti ta' Vadovize" iżda saħħitha kienet dgħajfa. Sitt snin qabel kienet tilfet it-tifla tagħha, Olga. Semmietu Karol għal missieru, iżda kienet issejjaħlu Lolek.

Nhar l-20 ta' Ġunju tgħammed fil-Knisja tal-Preżentazzjoni tal-Beata Verġni Marija, f'Vadovize, mill-kappillan militari Franciszek Zak. Kienu jgħixu fl-ewwel sular fi triq Rynek 3, ħdejn familja Lhud. Mit-tieqa wieħed jista' jinnota arloġġ tax-xemx bil-kliem: "Il-ħin jgħaddi, l-eternità tistenna."

Kien fuq tiegħu, jixbah ħafna lil ommu. Bit-tifel il-kbir l-iskola, Emilia kienet tgħaddi l-ħin liberu tagħha kollu mat-tarbija, tilgħab miegħu, taqralu u tirrakkuntalu stejjer tal-Bibbja. Meta Lolek beda jmur l-iskola ta’ sitt snin, is-saħħa ta’ ommu bdiet sejra għall-agħar. Uġigħ kbir f’daharha u sturdamenti kienu jitfgħuha fis-sodda. Fl-iskola primarja Karol kien tifel diliġenti u kien iġib riżultati tajbin: “tajjeb ħafna” fir- reliġjon, fil-kondotta, fid-disinn, fil-kant u fil-ġinnastika. “Tajjeb” fis-suġġetti l-oħra kollha.

Missieru Karol, Pollakk etniku, kien suldat fl-eżerċtu Awstro-Ungariku u kien magħruf bħala "il-Kaptan", iżda meta twieled Karol, huwa kien maġenb martu għax kien kbir fl-età biex imur għall-gwerra. Matul it-tqala ta’ martu kien jieħu ħsieb lil binhom il-kbir Edmund li kellu 13-il sena. Fl-1930 Karol ħa lil ibnu Krakovja biex jara lil ħuh jiggradwa tabib. Il-familja kienet qed tgħix bil-pensjoni modesta tal-missier. Il-gradwazzjoni ta’ Edmund kellha toffri futur aħjar għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja ta’ Karol.

Karol kien dilettant kbir tal-futbol u kien ukoll tajjeb ħafna fl-iskola. Bħall-ġenituri tiegħu kien Nisrani tajjeb. Mill-bidunett, Emilia xtaqet li binha jsir qassis, ħolma li kienet taqsamha mal-ġirien. Meta Emilia ttieħdet l-isptar, Karol ta’ 9 snin kien l-iskola. Dakinhar l-għalliema ta’ Karol, li kienet ukoll ġara tagħhom, iltaqgħet miegħu hekk kif wasal id-dar mill-iskola. “Ommok mietet,” qaltlu. Kien t-13 ta' April 1929, u kien għad kellha biss 45 sena. Il-mewt t’ommu serqet dak il-ferħ tat-tfal li qabel kellu Karol. L-għalliema tiegħu nnutat din il-bidla fih. Beda jingħalaq fih innifsu u jsib kenn fil-kotba u fit-talb.

Nhar il-25 ta' Mejju 1929, Karol għamel l-Ewwel Tqarbina wara r-riformi fit-tnaqqis tal-età tal-Papa San Piju fl-1910.

Ħdejh fil-bank tal-iskola kien hemm bil-qiegħda tifel Lhudi, Jerzy Kluger, iben il-president tal-komunità Ebrajka. Kluger kien sar jaf li hu u Karol għaddew għall-ġinnasju statali “Marcin Wadowita”, u mar biex itih l-aħbar. Billi ma kienx id-dar mar ifittxu l-knisja fejn Karol kien iservi ta' abbati. Mara fil-Knisja stkerrhitu għax Lhudi iżda Karol, tifel ta' għaxar snin, qallu: "In-nies ma jafux li aħna ulied tal-istess Alla." Fil-Polonja dak iż-żmien kien hemm 3 miljun Lhudi. Wara l-ġenoċidju Nażista li ġie ftit snin wara, kien baqa' biss 30,000.

Il-Mewt ta' ħuh, Edmund

[immodifika | immodifika s-sors]

Dak iż-żmien ħuh Edmund, imlaqqam “Mundek” kien qed jistudja għal tabib fl-università ta’ Krakovja. Kien żagħżugħ sabiħ, intelliġenti u sportiv. Minn wara l-mewt t’ommu Edmund sar idolu għal Karol. Edmund, li issa kellu 23 sena, kien tennista u futboler tajjeb. Kellu mħabba bla tarf għal ħuh. Kont tarahom iqassmu l-ballun lil xulxin fit-triq. Edmund kien jerfa’ lil ħuh iż-żgħir fuq spallejh meta kienu jkunu għaddejjin minn xi għalqa. Għal Karol, Edmund kien kenn mid-dwejjaq. Meta kien ikun ma’ ħuh, kien iħossu ferħan mill-ġdid. Iżda 3 snin wara l-mewt ta’ ommu, ħuh miet ukoll. Miet waħdu l-isptar wara erbat ijiem f’agunija għax ġie infettat minn epidemija tal-iskarlattina, inqas minn sentejn wara li sar tabib. Dakinhar ġara qalba tajba sabet lil Karol waħdu ċċassat. “Ħadtu f’idejja u għannaqtu miegħi,” irrakkuntat il-ġara. “Lolek, tlift lil ħuk,” qaltlu. B’wiċċ serju, it-tifel ħares lejha u qallha sempliċiment, “Hekk ried Alla.” Sal-lum, f’wieħed mill-kxaxen tal-iskrivanija tiegħu fil-Vatikan, il-Papa għadu jżomm rigal għażiż ħafna għalih li rċieva mill-istaff tal-isptar fejn kien jaħdem ħuh: l-istetoskopju tat-tabib Edmund Wojtyla.

Lejn il-vokazzjoni saċerdotali

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-mewt ta’ ommu u ħuh, missieru kien determinat li jagħti lill-uniku iben li kien għad baqagħlu l-imħabba kollha li seta’ jagħtih. Il-missier u l-iben kienu jitolbu flimkien - kienu jmorru l-quddiesa kuljum - u jilagħbu flimkien. Spiss kien jieħu lil uliedu fis-Santwarju ta' Ċestokova. Il-Papa jgħid hekk dwar missieru: “Ġieli stenbaħt bil-lejl u kont insibu għarkubbtejh jitlob, l-istess kif kont narah għarkubbtejh fil-knisja. Bejnietna qatt ma tkellimna dwar vokazzjoni għas-saċerdozju, iżda l-eżempju tiegħu b’xi mod kien għalija l-ewwel seminarju, seminarju fid-dar.”

Karol beda jiffrekwenta l-Karmelitani fil-monasteru tagħhom f'Vadovize u sar devot tal-labtu tal-Karmnu, li nkiteb fih meta kellu 12-il sena. Dak il-labtu kellu jiċċappas bid-demm, tant snin wara fl-attentat fuq ħajtu.

Meta beda jikber u kien il-Liċeo, Karol beda jiddedika l-ħin liberu tiegħu kollu għal passatemp ġdid tiegħu: id-drama. Sħabu ma kellhomx dubju li kien se jsir attur. Malajr sar star. Kien attur u awtur tat-teatru rapsodiku. Daħal fi “Studio 38”, ċirkolu teatrali mwaqqaf minn Tadeusz Kudliński. Kienu snin sbieħ għalih. Il-ġirien spiss kienu jisimgħuh nieżel it-taraġ ikanta hu u sejjer għar-rehearsals. Kien ħabib b'mod speċjali ta' tfajla attriċi miegħu, Ginka.

Ta' ħmistax-il sena ntlaqat minn drama oħra ta' natura differenti: il-liturġija tat-Tridu tal-Għid, li sa ma miet baqa' għalih "esperjenza skonvolġenti".

Nhar it-3 ta' Mejju 1938, l-Isqof ta’ Krakovja Adam Sapieha ta s-sagrament tal-Griżma lil Karol, waqt żjara pastorali f’Vadovika. Billi Karol kien kelliem tajjeb, ġie magħżul biex jagħmel diskors ta’ merħba, li kitbu hu stess. L-Isqof baqa’ mpressjonat mid-diskors ħiereġ mill-qalb ta’ student ta’ 18-il sena. Wara ċ-ċerimonja qal lis-surmast tal-liċeo: “Dat-tifel jista’ jkun qassis mill-aqwa. X’jidhirlek?” Iżda s-surmast wieġbu li f’moħħu t-tifel kellu li jsir attur. L-Isqof iddispjàih: “ħasra! Kif narah jien, kien ikun tajjeb għal qassis.” L-Isqof ma kienx ra ħażin. Tmien snin wara kien l-istess isqof li ordna lil Karol Wojtyla qassis.

II Gwerra Dinjija

[immodifika | immodifika s-sors]

Sadanittant id-dinja ta’ madwaru kienet qed tinbidel. Kien fil-katidral antik ta’ Vavel meta l-bombi Ġermaniżi laqtu l-belt fl-1 ta’ Settembru 1939. Hekk kif bdew jinstemgħu l-isplużjonijiet u s-sireni jwerżqu, it-truppi Ġermaniżi avvanzaw lejn Krakovja. Kien mar biex iqerr, kif kien jagħmel f'kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar u kien sab katidral vojt. Huwa baqa' hemm jitlob b'wiċċu mal-art u b'idejh miftħin f'forma ta' salib jitlob. "Kienet l-aħħar darba li stajt nidħol liberament f'dak it-tempju." Il-waqgħa ta’ Polonja ma damitx ma seħħet. Sa ħamest ijiem wara Krakovja kienet okkupata. Wara erba’ ġimgħat Varsavja ċediet, u għal Karol Wojtyla, il-ħajja f’Polonja okkupata kienet bdiet.

Karol u missieru ppruvaw jaħarbu lejn il-Lvant bil-ħsieb li jidħlu fl-eżerċtu li kien qed jirriorganizza ruħu biex iwieġeb għall-invażjoni Nażista. Diġà kienu bdew jaslu l-ewwel aħbarijiet ta' persekuzzjonijiet fuq il-Lid. Fis-17 ta' Settembru r-Russi nvadew il-Lvant tal-Polonja, wara l-Patt Hitler-Stalin, u ħafna Pollakki fosthom Karol u missieru kellhom jerġgħu lura lejn Krakovja, wara mixja ta' 400 kilometru. Wojtyla iktar tard kiteb "Il-Polonja hija l-vera martri tal-Ewropa." Il-parroċċa fejn kien Karol kienet immexxija mis-Sależjani li uħud minnhom kienu jaqbżu għal-Lhud u l-persegwitati. Dawn kollha ġew deportati min-Nażisti ħlief qassis wieħed anzjan. Fil-Kastell ta' Vavel fi Krakovja kien insejda ruħu Hans Frank, il-gvernatur ġenerali Nażista tal-Polonja.

Kull min ma kellux xogħol approvat mill-Ġermaniżi kien qed jirriskja li jispiċċa deportat fil-Ġermanja. L-universitajiet għalqu u Karol kellu jieqaf mill-istudji fil-Letteratura Pollakka li kien għadu kif beda ftit iktar minn sena qabel fl-Università ta’ Krakovja. Karol kien sema' d-diskors vjolenti, antislav ta' Frank li kien laqqa' l-lekċerers kollha tal-Università ta' Krakovja biex imbagħad arrestahom u iddeportahom. In-Nażisti mhux biss riedu jeqirdu l-pajjiż, iżda ukoll l-għeruq tiegħu, il-kultura u l-ilsien Pollakk.

Fil-ħarifa tal-1940, Karol beda jaħdem f’barriera immexxija mill-fabbrika Ġermaniża Solvay. Għal tmien sigħat sħaħ kuljum kien sfurzat jaħdem barra f’temperaturi li kienu jinżlu sa 22 grad taħt iż-żero. Darba Karol ra wieħed minn sħabu jmut waqt ix-xogħol wara li waqgħet fuqu biċċa blata. Ħass l-uġigħ u r-rabja tal-ħaddiema l-oħra u l-agunija tal-armla tal-ħaddiem mejjet. Dakinhar Wojtyla kien ħażżeż dawn il-versi:

Ma kienx waħdu

il-muskoli tiegħu kibru u laħħmu l-folla

imlew b’enerġija l-polz

sakemm żammew il-martell,

sakemm saqajh ħassew l-art.

U ġebla faqgħetlu nagħsu

u nifditlu l-fond ta’ qalbu.

Huma middewh, dahru fuq liżar ta’ żrar.

ġiet martu, mikula bl-inkwiet; ġie ibnu lura mill-iskola

ħadu ġismu u mxew f’filliera siekta.

Il-ġebel jiċċaqlaq għal darb’oħra: karrettun kollu fjuri.

Għal darb’oħra l-kurrent jaqta’ fil-fond fil-ħitan.

Imma l-bniedem ħa miegħu l-ġewwieni tad-dinja,

fejn ikbar mhi l-korla, ogħla hi l-isplużjoni tal-imħabba.

Il-ħaddiema l-oħra kienu jsejħulu “l-istudent”. Darba ħallihom iċċassati meta rawh ġej abjad karti u jterter bil-bard għax kien ta l-ġakketta tiegħu lil wieħed fqir li ltaqa’ miegħu fit-triq. Ix-xogħol fil-barriera biddlu lil Karol. Wiċċu sar irqiq u mgħaddam. Kien jitħatteb meta jimxi. Ftit li xejn kien qed isib x’jiekol. Biex tagħqad. Iż-żagħżugħ Karol kellu missier marid gravament.

Il-mewt ta' missieru

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-18 ta’ Frar 1941, wara ġurnata ta’ kesħa kbira, Karol ħa ftit ikel u mediċini u telaq id-dar flimkien ma’ oħt ħabibu. Daħal fil-kamra ta’ missieru, iżda malajr reġa’ ħareġ jibki. Missieru kien miet b'attakk f'qalbu. Jgħannaq lit-tifla miegħu, wiċċu maħsul bid-dmugħ, beka: “Ma kontx hemm meta mietet ommi, ma kontx hemm meta miet ħija, ma kontx hemm meta miet missieri.” It-tifel baqa’ ħdejn il-ġisem ta’ missieru l-lejl kollu, jaħseb dwar il-futur tiegħu. Iżjed tard il-Papa qal hekk dwar dan iż-żmien: “Ta’ għoxrin sena kont diġà tlift in-nies kollha li kont inħobb.” Fix-xhur ta’ wara, it-tbatija ġegħlitu jintrabat iktar mal-fidi.

Darba waqt li kien qed jaħrab minn raid tal-SS, Karol sar jaf lil Jan Tiranovski, ħajjat, iżda wkoll mistiku li fehem it-taqbida li kien hemm f'ruħ Karol u qabbdu t-triq għall-vokazzjoni. Fi kliem Karol, id-deċiżjoni tiegħu li jsir saċerdot immaturat ruħha bis-sehem tiegħu fit-tbatija, fit-teatru tal-biża' ta' dak iż-żmien, fis-sagrifiċċju ta' tant żgħażagħ tal-ġenerazzjoni tiegħu u fil-qari tal-kitbiet ta' San Ġwann tas-Salib, li l-ħajjat kien laqqgħu magħhom. L-iskop tas-saċerdozju tiegħu u allura ta' ħajtu, kellu jkun li jsir bniedem għall-oħrajn, li jiddefendi d-dinjità ta' kull bniedem, hu min hu u jinsab fejn jinsab.

F’Ottubru 1942, Karol ħabbat il-bieb biex jidħol fis-seminarju klandestin ta’ Krakovja. Karol baqa’ jaħdem fil-fabbrika, u fil-ħin liberu kien jistudja. F’Awissu 1945 f’Varsavja qamet rewwixta tal-Pollakki kontra n-Nażisti li fiha eluf ta’ Pollakki sfaw mejta. Biex ma jiġrix hekk fi Krakovja wkoll il-Gestapo bdew jiġbru l-irġiel kollha taħt il-ħamsin sena. L-Isqof biex iħares lis-seminaristi ġabarhom kollha fil-Palazz tiegħu. Karol issa kien deċiż li jsir saċerdot. L-Isqof libbishom is-suttana biex jekk jinterrogawh ikun jista’ jgħid li kienu qassisin. Karol kien imfittex mill-Uffiċju tax-Xogħol. Kien l-Isqof stess li mar biex jingassa lil Karol mill-fabbrika Solvay.

Filwaqt li r-Russi kienu fuq l-għatba ta' Krakovja, u n-Nażi fil-ħarba, nhar l-1 ta’ Novembru 1946, l-Isqof Sapieha ordna saċerdot lil Karol fil-kappella privata tiegħu. L-għada qaddes l-ewwel quddiesa fil-kripta tal-Katidral ta’ Krakovja. Fost il-mistidnin kien hemm sħabu l-ħaddiema tal-barriera.

Taħt il-Komunisti

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara sena u nofs ta’ studju f’Ruma fl-Angelicum tad-Dumnikani fejn kien bagħtu l-Isqof u fejn qara lil San Tumas t'Akwinu u San Ġwann tas-Salib, Dun Karol wasal lura l-Polonja. (Fit-8 ta' April 1948 Wojtyla fil-vaganzi tal-Għid mar Assisi, u wara San Giovanni Rotondo fejn assista quddiesa ta' Padre Pio ta' Pietrelcina. Reġa' mar San Giovanni Rotondo fl-1 ta' Novembru 1974). Mill-ewwel beda jduq il-ħakma ġdida Komunista.

Is-Sovjetiċi u l-gvern Pollakk bdew jimponu l-Istaliniżmu fil-pajjiż, bil-vjolenza bla ebda rispett tal-libertà. Il-Kardinal Stefan Wyszynski, Primat tal-Polonja, ġie arrestat. It-Tygodnik Powszechny, pubblikazzjoni Kattolika li fiha kien jikteb ukoll Wojtyla, tingħalaq. Saċerdoti u attivisti oħra Kattoliċi ġew arrestati u uħud minnhom kundannati għall-mewt.

F’Marzu 1949 l-Isqof Sapieha, li issa kien sar Kardinal, bagħat lil Karol jaħdem fil-parroċċa ta’ San Florjan fejn seta’ jiżviluppa l-kariżma kbira li kellu maż-żgħażagħ. Kien jieħu l-“boys and girls”, kif kien isejħilhom, mixjiet qalb il-muntanji u l-għadajjar. Kien jibdielhom il-ġurnata b’quddiesa. Ġieli bħala artal uża kayak maqlub wiċċu 'l isfel. Biex ma jurix li hu qassis kien jilbes poloshirt u shorts. Il-komunisti ma kinux iħallu lill-qassisin imexxu gruppi ta’ żgħażagħ barra l-knisja. Iż-żgħażagħ kienu jsejħulu “ziju” - kemm b’kunfidenza, kif ukoll biex jevitaw is-suspetti. Iż-żgħażagħ kienu jiftħu qalbhom miegħu u jiddiskutu anke l-imħabbiet tagħhom. Kienu jintlaqtu mill-ġabra assoluta li kien ikun fiha waqt it-talb.

Sitt snin wara beda jgħallem l-Etika fl-Università Kattolika, l-unika università Kattolika tollerata mir-reġim Komunista. Sa minn dak iż-żmien kien hemm min installa mikrospiji biex jikkontrollaw id-diskorsi tiegħu u saħansitra l-qrar tiegħu. Intant Karol kien qed itella' ġenerazzjoni ta' studenti fil-kult tal-libertà, tal-verità u tar-rispett tad-dinjità umana.

Il-Komunisti kienu jibżgħu minn Wyszynski imma lil Wojtyla ma kinux jarawh perikoluż, għax ma kinux iqisuh bħala bniedem tal-politika, imma sempliċiment studjuż b'tendenzi mistiċi u b'passjoni għat-tagħlim u l-kultura. Fl-aħħar għaxar snin Wyszynski kien sar is-simbolu tal-Knisja Pollakka, difensur tat-tradizzjoni Kattolika tal-pajjiż kontra r-reġim Komunista. Bejn l-1953 u l-1956 kien intefa’ l-ħabs iżda meta ħareġ irnexxielu jġib ħelsien għall-Knisja li fl-ebda pajjiż ieħor Komunista ma kellha.

Nhar l-4 ta’ Lulju 1958, Dun Karol issejjaħ f’Varsavja mill-Kardinal Stefan Wyszynski. Dak il-ħin Wojtyla kien għall-vaganzi f'għadira fit-tramuntana tal-Polonja, fuq il-kayak. Il-Kardinal kellu idea li dan il-qassis sportiv ta’ 38 sena ma kienx aktarx biżżejjed fil-konfront tar-reġim Komunist, u lanqas biss proponieh bħala kandidat għall-episkopat. Iżda l-Vatikan għażel lilu. Meta wasal, Wyszynski refa’ karta minn fuq l-iskrivanija u qallu, “Din hija ittra interessanti li rċevejna mingħand il-Papa,” beda. “Isma, jekk jogħġbok: ‘Qed naħtar lil Dun Karol Wojtyla isqof awżiljarju ta’ Krakovja; esprimi l-approvazzjoni tiegħek għal din il-ħatra.” Il-kardinal ħares lejn Wojtyla. “Taċċetta?” staqsieh. Wojtyla wieġeb iva, u hekk sar l-Awżiljarju tal-Arċisqof Eugeniusz Baziak, u kien ordnat isqof fit-28 ta' Settembru 1958. Kien l-iżgħar isqof fil-Polonja. Erba' snin wara, Baziak miet u Wojtyła nħatar amministratur temporanju tad-djoċesi.

Fl-1978, meta Wojtyla sar Papa u l-kardinali ġew wieħed wara l-ieħor biex jagħtuh qima, Wojtyla niżel għarkubbtejh hu quddiem Wyszynski. Nhar il-31 ta’ Mejju 1981, fl-ewwel diskors tiegħu wara l-attentat fuq ħajtu, il-Papa sellem lill-Kardinal Wyszynski li miet waqt li l-Papa kien l-isptar. Għalih kienet telfa kbira.

Minn Ottubru 1962, l-Isqof Wojtyła beda jieħu sehem fil-Konċilju Vatikan II(1962–1965), fejn ta kontribut għal żewġ digrieti mill-iktar importanti, id-Digriet fuq il-Libertà Reliġjuża (bil-Latin, Dignitatis Humanae) u l-Kostituzzjoni fuq il-Knisja fid-Dinja tal-Lum(Gaudium et Spes).

Nhar it-13 ta' Jannar 1964, Papa Pawlu VI ħatru Arċisqof ta' Krakovja. Fi żmien l-arċiveskovat ta' Wojtyla kien hemm il-kwistjoni ta' Nowa Huta li kellha tkun belt mudell tal-Komuniżmu fi Krakovja. Ma kienx maħsub li tinbena knisja f’din il-belt Komunista iżda Wojtyla mill-bidu, hekk kif sar isqof ħadem kemm felaħ biex iġib permess ħa jibni knisja. Meta ra li l-Komunisti ma jridux jafu, mar fuq is-sit fejn kellha tinbena l-Knisja u ċċelebra l-Quddies ta’ Nofs il-Lejl tal-Milied barra fis-silġ f’temperaturi taħt iż-żero. U fl-1977 il-knisja nbniet u ssemmiet l-Arka tal-Mulej. Lill-awtoritajiet Komunisti kien jibgħatilhom ruxxmata petizzjonijiet biex jinbnew seminarji ġodda, knejjes ġodda u biex isiru l-purċissjonijiet. U meta l-gvern ipprova jwaqqaf milli jiġi mgħallem il-katekiżmu lit-tfal, Wojtyla rreżista bil-qawwa kollha. Pawlu VI sejjaħ lil Wojtyla “un uomo coraggioso e magnifico”. Fl-1976 kien għażel lilu biex jipprietkalu fl-Eżerċizzji tar-Randan.

Fl-1962 Wojtyla kien bagħat ittra lil Patri Piju ta' Pietrelcina, fejn fiha talbu jitlob għal waħda omm żagħżugħa Pollakka li kienet kważi fl-aħħar għax kellha tumur fi griżmejha. Għaddew biss ftit ġranet u Woytla reġa’ kitiblu biex jirringrazzjah għax il-mara kienet qalgħet il-grazzja.

Il-Papa Pawlu VI ħatar lill-Isqof Wojtyla Kardinal fl-1967. Kienu saru ħbieb kbar, u kien għenu f’numru ta’ enċikliki u dokumenti. Nhar is-6 t’Awissu 1978 il-Papa Pawlu VI miet fl-età ta’ 81 sena. Kien ilu Papa 15-il sena, mill-1963. Sentejn qabel in-New York Times, ġurnal Amerikan kien semma’ lil Wojtyla fost l-għaxar kardinali li jistgħu jsiru Papa. Dakinhar tal-mewt tal-Papa, Wojtyla qaddes għalih f’monasteru Franġiskan f’Kalvarja (Polonja), post għall-qalbu ħafna, fejn kienu jieħu gruppi jagħmlu l-Via Sagra. Il-patrijiet rawh inkwetat. Wara Pawlu VI, ntgħażel l-Isqof ta’ Venezja Albino Luciani li ħa l-isem ta’ Ġwanni Pawlu I, l-ewwel Papa b’żewġ ismijiet: il-Papa tat-Tbissima u ħabib tal-foqra. Iżda Ġwanni Pawlu I miet b’attakk f’qalbu, nhar id-29 ta’ Settembru 1978, wara biss 33 jum. Wojtyla reġa’ qaddes f’Kalvarja quddiem l-altar iddedikat lil Massimiljanu Kolbe. Talab biex il-kardinali jagħmlu għażla għaqlija. Qabel ma telaq għal Ruma qal lil sħabu: “Ħbieb tiegħi, itolbu għalija.” Qabel miet, Luciani qal lis-segretarju tiegħu: “Seta’ jintgħażel bniedem aħjar minni. Pawlu VI diġà kien wera min kellu jkun is-suċċessur tiegħu: kien bil-qiegħda quddiemi fil-Kappella Sistina. Hu jrid jiġi, għax jien se nitlaq.” Bil-qiegħda quddiemu kien hemm il-Kardinal Wojtyla. Meta x-xufier ta’ Wojtyla sema’ minn fuq ir-radju bl-aħbar tal-mewt ta’ Luciani u qalha lill-Kardinal, Woytla kesaħ u bjad. Kien jaf x’kien hemm lest għalih.

Papa Ġwanni Pawlu II

Wojtyla kien laħaq sar popolari u rispettat ħafna fost il-kardinali. Fis-16 ta’ Ottubru 1978, fis-6.15 p.m. ħareġ duħħan abjad miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina. Nofs siegħa wara l-Kardinal Felici ħareġ fil-gallarija ċentrali ta’ Pjazza San Pietru u qal “Habemus Papam.” L-isem kien stramb u ħawwad lill-folla preżenti: Karolum Wojtyla li kien għażel l-isem ta’ ġwanni Pawlu II. Kien l-ewwel Papa mhux Taljan wara 456 sena. (L-aħħar Papa mhux Taljan kien Adrijanu VI, Olandiż li kien sar Papa fl-1522.) Wojtyla kien ġej minn pajjiż Nisrani ħafna, il-Polonja, immexxija minn gvern ateu Komunista. L-ewwel Papa minn pajjiż tal-Lvant. Relattivament kien għadu żgħir: 58 sena.

Il-folla kienet qed tistenna l-barka tradizzjonali Urbi et Orbi iżda qabel il-Papa għamel xi ħaġa mhux tas-soltu. Tkellem mal-folla b’mod familjari, b’Taljan b’aċċent Pollakk: Carissimi fratelli e sorelle, għadna mnikkta bil-mewt tal-maħbub tagħna l-Papa ġwanni Pawlu I, u għalhekk il-Kardinali sejħu Isqof ġdid ta’ Ruma. Sejħulu minn pajjiż ‘il bogħod, ‘il bogħod iżda qrib, minħabba l-għaqda tagħna fit-tradizzjonijiet tal-Knisja. Kont imbeżża’ li naċċetta din ir-responsabbiltà, iżda qed nagħmel dan fi spirtu ta’ ubbidjenza lejn il-Mulej u b’fiduċja sħiħa f’Marija, Ommna l-iktar qaddisa.” Il-folla diġà kien ħakimha, iżda ssokta: “Ma nafx jekk nistax nesprimi lili nnifsi fil-lingwa tagħkom - le, fil-lingwa tagħna, it-Taljan. Jekk nagħmel l-iżbalji, tridu tikkoreġuni.”

Malli sar Papa, mill-ewwel wera kemm ried kuntatt dirett man-nies. Ma kinitx ħaġa tas-soltu li min ikun għadu kif intgħażel Papa jħalli l-Vatikan qabel il-quddiesa tal-inawgurazzjoni. Iżda ġwanni Pawlu II, l-għada li ntgħażel ħareġ mill-Vatikan u mar fl-Isptar Gemelli biex jara lil ħabib tiegħu Pollakk, Mons. Andrea Deskur. U la kien hemm ma rax biss lil ħabibu. Sab il-ħin ukoll biex jiltaqa’ mal-ħaddiema tal-isptar. Meta kien se jitlaq xi ħadd fakkru li ma kienx berikhom. Il-Papa bi tbissima fuq fommu qallhom: “Għax għad irrid nitgħallem inġib ruħi ta’ Papa.” Fl-ewwel quddiesa tiegħu bħala Papa, reġa’ kiser it-tradizzjoni meta fl-aħħar innu beda riesaq lejn in-nies miġburin fi Pjazza San Pietru. Jgħannaq grupp ta’ ħandikappati fuq is-siġġu tar-roti, jieħu b’idejn in-nies u jbus it-trabi. Imbagħad b’ħarstu fissa fuq il-folla entużjasta, għolla l-kurċifiss b’idejh it-tnejn u ta l-barka. Jibqa’ magħruf il-kliem tiegħu f’dik l-ewwel quddiesa: “Ħuti, tibżgħux tilqgħu lil Kristu u taċċettaw is-setgħa tiegħu. Għinu lill-Papa u lil dawk kollha li jixtiequ jaqdu lil Kristu u bis-setgħa tiegħu jaqdu lill-persuna umana u lill-umanità kollha. La tibżgħux. Iftħu beraħ il-bibien għal Kristu, għas-setgħa tiegħu li tifdi. Iftħu l-ħitan tal-Istati, tas-sistemi ekonomiċi u politiċi, tal-oqsma vasti tal-kultura, taċ-ċiviltà u tal-iżvilupp. La tibżgħux. Kristu jaf ‘x’hemm fil-bniedem'. Hu waħdu jaf”.

L-Attentat fuq ħajtu

[immodifika | immodifika s-sors]

Ftit iktar minn sentejn wara l-ħatra tiegħu, il-Knisja kienet se terġa’ titlef il-mexxej spiritwali tagħha. Nhar it-13 ta’ Mejju 1981, fil-5pm, il-Papa ħareġ għall-appuntament tiegħu ta’ kull ġimgħa biex jiltaqa’ mal-poplu fi Pjazza San Pietru. Kif kien qed idur fil-popemobile miftuħa, instema’ ħoss li jtarrax. Il-ħamiem kollu tal-pjazza tar. Il-Papa waqa’ fuq is-segretarju tiegħu, fdaqa. Is-segretarju nduna li l-Papa ntlaqat iżda ma kien jidher l-ebda sinjal ta’ demm jew feriti. Staqsieh fejn laqtuh. Il-Papa wieġbu, ‘F’żaqqi.’ Il-Papa kien intlaqat f’żaqqu, minkbu tal-lemin u subgħu l-werrej ta’ idu x-xellugija. Tqiegħed f’ambulanza li ħaditu malajr lejn l-isptar.

“Marija, omm tiegħi! Marija, omm tiegħi!”. Hekk irrepeta l-Papa huma u jwassluh sa l-isptar. Għajnejh kienu magħluqin, u kien qed iħoss uġigħ kbir. Fl-Isptar Gemelli, il-kundizzjoni tiegħu kienet kritika. Kien tilef ħafna demm. Tawh l-aħħar sagramenti. L-operazzjoni damet kważi ħames sigħat u nofs. L-ebda organu vitali ma kien intmiss mill-bullet sparat. Iktar tard il-Papa qal, “Id waħda sparat u id oħra mexxiet il-bullet.”

Min sparalu nqabad mill-ewwel. Kien terrorista Tork, bl-isem ta’ Ali Agca. Sentejn qabel, kien ħarab minn ħabs fit-Turkija fejn kien intefa’ għax qatel editur ta’ gazzetta. Meta ħarab bagħat ittra lil din il-gazzetta li kienet tgħid “L-uniku skop li kelli meta ħrabt kien biex noqtol lill-Papa.” Dan ġara fiż-żmien meta l-Papa kien qed jagħmel żjara fit-Turkija. Disat ijiem qabel l-attentat, il-gvern Tork wissa lill-pulizija Taljana li Agca kien qiegħed fl-Italja b’passaport falz. Imma l-pulizija ma laħqux sabuh qabel ġara l-attentat. Iżda r-raġuni vera wara l-attentat fuq il-ħajja tal-Papa saret wieħed mill-ikbar misteri mhux solvuti tas-sekli għoxrin. ħafna kienu konvinti li s-Sovjetiċi jew l-alleati Komunisti tagħhom kienu l-moħħ wara dan l-attentat. Li hu żgur hu li l-Papa kien skomdu ħafna għall-Komunisti u huma xtaqu jeħilsu minnu. Fl-1984, qorti Taljana akkużat lis-servizzi sigriet Bulgari li riedu jeħilsu mill-Papa biex iwaqqfu l-moviment tal-ħaddiema fil-Polonja.

Malli l-Papa ġie f’sensih, mill-ewwel ħafer lil min sparalu. Iżda nhar is-27 ta’ Diċembru 1983 ried jagħmel ġest mill-isbaħ li jibqa’ jsemmi fl-istorja. Ali Agca jinżel għarkubbtejh fiċ-ċella tiegħu tal-ħabs quddiem il-Papa u jbus l-id tal-bniedem li hu prova joqtol. Waqt il-laqgħa emozzjonanti ta’ bejniethom, Agca talab maħfra u l-Papa, li kien qed jagħmel żjara tal-Milied fil-ħabs Ruman ta’ Rebibbia, ħafirlu b’qalbu kollha. Meta ħareġ miċ-ċella, il-Papa li kien jidher kommoss ħafna, qal: “Tkellimt ma’ wieħed minn ħuna li fih għandi fiduċja sħiħa. Dak li għedna lil xulxin huwa sigriet bejnietna.” F’ġunju ta’ sentejn qabel Agca kien intbagħat għomru l-ħabs minn qorti Taljana.

Il-Papa jgħid li kienet il-Madonna ta’ Fatima li salvatu minn dak l-attentat. Fil-fatt kien fit-13 ta’ Mejju ta’ 64 sena qabel (1917) li l-Madonna dehret lil tliet itfal u qaltilhom tliet sigrieti, fosthom li “Ir-Russja għad tikkonverti, fl-aħħar tirbaħ il-qalb tiegħi.” Il-Papa jgħid li “ma setgħux kienu huma li vvintaw din it-tħabbira. La kienu jafu l-istorja u lanqas il-ġeografija, u wisq anqas kellhom tagħrif dwar movimenti soċjali u żvilupp ta’ ideoloġiji. U b’danakollu seħħ kulma kienu ħabbru.” Il-Papa żar is-santwarju ta’ Fatima darbtejn: L-ewwel darba fl-1982 biex jirringrazzja l-Madonna li salvatu eżattament sena qabel. Il-bullet li t-tobba qalgħu mill-ġisem tal-Papa tpoġġa mad-djamanti tal-kuruna li titqiegħed fuq ras il-Madonna f’okkażjonijiet speċjali. F’din iż-żjara, raġel b’sikkina prova joqtlu. Reġa’ mar fl-1991 wara li spiċċa l-Komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant u kkonsagra d-dinja kollha lill-Verġni Marija.

Ħajja Spiritwali

[immodifika | immodifika s-sors]

Papa Ġwanni Pawlu II kien iqatta’ ljieli mixħut minn tulu għall-qiegħa tal-art, kien isum qabel l-ordinazzjoni saċerdotali u episkopali u kien jiflaġella lilu nnifsu. Dan iddikjarah il-promutur tal-kawża tal-kanonizzazzjoni tiegħu Mons Slawomir Oder. Meta kien qed jindirizza lill-ġurnalisti fit-tnedija tal-ktieb WHY HE’S A SAINT: THE REAL JOHN PAUL II ACCORDING TO THE POSTULATOR OF HIS BEATIFICATION CAUSE, Mons Oder qal li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien juża l-mortifikazzjoni fuqu nnifsu fost affarijiet oħra biex jimxi iktar 'il quddiem fil-ħajja tal-perfezzjoni.

Il-Kult Marjan

[immodifika | immodifika s-sors]

L-unika ħaġa li l-Papa żied meta daħal fl-appartament tiegħu fil-Vatikan kienet xbieha tal-Madonna s-Sewda ta’ Ċestekova. Il-Papa jgħid hekk: “Il-Verġni ta’ Jasna Gora ilha mijiet ta’ snin meqjuma bħala s-Sultana tal-Polonja. Dan hu s-Santwarju tan-nazzjon kollu kemm hu. Mis-Sidt u s-Sultana tagħha, il-Polonja, tul mijiet ta’ snin, fittxet u għadha tfittex għajnuna u qawwa għal twelid spiritwali ġdid.” Il-motto li kien għażel meta sar isqof kien Totus Tuus (Kollni tiegħek) indirizzat lil Marija. Devot kbir tal-Madonna, il-Papa ddedika l-1987 bħala s-sena Marjana bi thejjija għall-millenju l-ġdid: bħalma Marija hejjiet għal ġesù f’ġufha, hekk issa tistenna magħna l-elfejn anniversarju tat-twelid ta’ binha. Fl-istess sena ħareġ l-enċiklika sabiħa tiegħu, Redemptoris Mater (Omm il-Feddej, 1987).

Il-Ġlieda kontra l-Komuniżmu

[immodifika | immodifika s-sors]

Għalkemm il-Papa Ġwanni Pawlu II baqa' msemmi fl-istorja bħala wieħed minn dawk li għen biex jispiċċa l-Komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant, hu jgħid: “Ma kontx jien li għamilt dan. Is-siġra kienet diġà mħassra. Jiena tajt skoss tajjeb, u t-tuffieħ imħassar waqa’.”

Lech Walesa, kien mexxej ta’ Solidarnosc (Solidarjetà) għaqda Pollakka tal-ħaddiema li sfidat ir-reġim Komunista tal-Polonja. Mill-bidu nett tal-ġlieda tiegħu, Walesa kellu l-appoġġ sħiħ tal-Papa li ltaqa’ miegħu kemm -il darba kemm f’Ruma kif ukoll fil-Polonja. Meta mar Ruma f’Jannar 1981, Walesa qal,“L-iben ġie jara lil missieru.” F’Mejju seħħ l-attentat fuq il-Papa. F’Diċembru r-reġim Pollakk daħħal il-liġi marzjali għax kien qed jibża’ minn gwerra ċivili. Walesa ntefa’ l-ħabs fejn dam kważi sena. Wara 8 snin Walesa rnexxielu jġib elezzjonijiet demokratiċi li waqqgħu l-gvern Komunista u ħolqu demokrazija Pollakka ġdida fl-1989.

Fl-1 ta’ Diċembru 1989, fil-Vatikan, seħħet il-laqgħa storika bejn Mikhail Gorbachev, il-mexxej tal-Unjoni Sovjetika u l-Papa. Laqgħa “mhejjija mill-Providenza” li temmet sebgħin sena ta’ nuqqas ta’ fiduċja bejn il-Knisja u l-eqdem stat ateu fid-dinja. Gorbachev wiegħed li jdaħħal liġijiet dwar il-libertà sħiħa reliġjuża liċ-ċittadini Sovjetiċi, wegħda li saret realtà f’inqas minn sena. Il-Papa bierek ir-riformi li kien qed iwettaq Gorbachev f’pajjiżu. Jumejn wara, saret f’Malta l-laqgħa storika bejn Gorbachev u George Bush, il-President Amerikan. Iżda iktar ma għadda żmien, Gorbachev ikter beda jitlef il-popolarità tiegħu, u Boris Yeltsin beda jsib appoġġ ikbar. Dan kompla kiber f’Awissu 1991 meta sar kolp ta’ stat kontra Gorbachev li ġie fi tmiemu bis-saħħa ta’ Yeltsin. Waqt li Gorbachev kien arrestat, il-Papa appella għall-ħelsien tiegħu. F’Diċembru l-Unjoni Sovjetika spiċċat, Gorbachev irriżenja u Yeltsin sar President. Fl-ewwel tas-sena 1996 Yeltsin u l-Papa bagħtu messaġġi ta’ awguri lil xulxin fejn assiguraw lil xulxin li kienu rkupraw, wara li matul dik is-sena it-tnejn li huma kellhom interventi mediċi.

Kontra l-Gwerra

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-2 t’Awissu 1990 l-Iraq okkupa l-Kuwajt, pajjiż żgħir iżda sinjur għax produttur taż-żejt. Il-Papa mill-ewwel ikkundanna din l-okkupazzjoni għax kull nazzjon għandu d-dritt għall-eżistenza ħielsa tiegħu. Iżda meta l-Amerika flimkien ma’ pajjiżi bdew jippreparaw għal gwerra kontra l-Iraq, il-Papa tkellem ċar u tond kontra l-gwerra għax “Alla jikkundanna l-gwerra” li hi mewt u vjolenza. Il-Papa ħass id-dulur ta’ dawk kollha li sofrew matul il-gwerra li seħħet f”Jannar 1991: in-nies tal-Kuwajt, is-suldati joqtlu lil xulxin, il-vittmi innoċenti tal-eħrex bumbardamenti li qatt rat l-istorja tal-bniedem. Wara din il-gwerra l-ġnus Magħquda mponiet embargo fuq l-Iraq. Il-Papa kkundanna dan l-embargo, li fih il-poplu Iraqi safa nieqes mill-iktar ħwejjeġ essenzjali, bħal ikel u mediċini.

Id-Dinjità tal-Bniedem

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-waqgħa tal-Komuniżmu, il-Papa nsista li jridu jsiru sforzi ġodda biex jiġu mgħejjuna l-foqra. Il-flus li jintefqu għall-armamenti ikun aħjar jekk jintefqu fi żvilupp u għajnuna lill-pajjiżi foqra. “Il-waqgħa tal-ħitan li kienu jifirdu l-Lvant mill-Punent ħarġu fil-beraħ il-ħitan tal-faqar, vjolenza u inġustizzja politika li għadhom jifirdu parti kbira mill-umanità.” Fil-bosta vjaġġi li għamel f’pajjiżi foqra fl-Afrika, fl-Amerika Latina u fl-inħawi l-iktar iżolati tad-dinja, dejjem saħaq li l-bniedem għandu jiġi rrispettat fid-dinjità kollha tiegħu. Il-faqar, fil-forom kollha tiegħu, imur kontra d-dinjità tal-bniedem. Il-Knisja “tkompli tgħolli l-vuċi tagħha, tikkundanna l-inġustizzji, il-ħruxija kontra l-aktar fqar u sempliċi, mhux f’isem xi ideoloġija, hi liema hi, imma f’isem Kristu, l-Evanġelju Tiegħu, il-messaġġ tiegħu ta’ mħabba u pài, ta’ ġustizzja, verità, u libertà.”

Il-Papa minn dejjem ħass il-bżonn li jkun djalogu bejn il-Lhud u l-Insara. Fit-13 t’April 1986 għamel l-ewwel żjara li qatt għamel Papa f’sinagoga, wara San Pietru. Huwa żar is-sinagoga ta’ Ruma, komunità eqdem mill-eqdem knisja Nisranija f’Ruma. Meta San Pietru u San Pawl waslu Ruma, sabu li hemm hekk diġà kien hemm komunità Lhudija. Waqt li kien qed jitkellem fis-sinagoga, il-Papa, li sejjaħ lill-Lhud “ħutna l-kbar” kien kważi se jibki. Meta kien żgħir il-Papa tilef bosta ħbieb (Lhud Pollakki) li ttieħdu fil-kampijiet ta’ Auschwitz. Darba, meta kien żgħir, kien mar f’sinagoga fir-raħal tiegħu ma’ missieru biex jisma’ kantur magħruf. Issa kien bilqiegħda jisma’ kor ikanta “Ani Maamin” (Jiena nemmen) li kienet titkanta mil-Lhud ikkundannati fil-kampijiet Nażisti fi triqthom lejn il-kmamar tal-gass. Il-Papa kkundanna kemm -il darba l-anti-semitiżmu u talab maħfra għal dawk il-membri tal-Knisja li matul l-istorja baqgħu passivi quddiem ġrajjiet li ħallew miljuni ta’ Lhud mejta.

L-għada li ġie elett Papa, Ġwanni Pawlu kkometta ruħu kollu kemm hu għall-għaqda tal-Insara. Huwa wera t-tama tiegħu li bi sforzi komuni “nistgħu naslu għal għaqda sħiħa”. Waħda mill-ewwel żjarat tiegħu kienet fit-Turkija, fl-1979, meta għall-ewwel darba Papa qaddes mal-Patrijarka ta’ Kostantinopli, il-mexxej tal-Knejjes Ortodossi. Ix-xewqa tal-Papa għadha tidher ‘il bogħod għax id-differenzi f’ċerti każi kibru flok naqsu bħall-ordinazzjoni tal-qassisin nisa fil-Knejjes Protestanti. Fl-enċiklika tiegħu Ut Unum Sint (Li Jkunu ħaġa Waħda, 1995) il-Papa jitkellem dwar il-kwistjonijiet li għadhom jifirdu l-knejjes Insara bħall-Ewkaristija, l-irwol tal-Verġni Marija, u r- relazzjoni bejn l-Iskrittura u t-tradizzjoni. Fl-istampa jidher, l-Arċisqof ta’ Canterbury Robert Runcie, mexxej tal-Knisja Anglikana, li bejn l-1980 u l-1989 iltaqa’ mal-Papa ħames darbiet u saru ħbieb kbar.

Vjaġġi Papali

[immodifika | immodifika s-sors]

Żgur li dan il-Papa ma setax jissejjaħ “priġunier tal-Vatikan”. Ma kienx l-ewwel Papa li ħareġ mill-Vatikan. Iżda żgur kien l-aktar Papa li vjaġġa, iktar minn tmenin vjaġġ. Jagħmel dan għax “Il-missjoni ta’ Pietru hija li nkun pastoralment responsabbli tal-Knisja kollha” u “Nimxi t-toroq tad-dinja kollha biex insir naf il-bżonnijiet tal-bnedmin.” X’jistenna l-Papa mill-vjaġġi? Il-Papa jgħid li l-iktar importanti fil-ministeru tiegħu huwa li “niftaħ it-triq għall-Ispirtu s-Santu.”

Fl-1990. F’Mejju 1990 il-Papa għamel żjara ta’ tlett ijiem f’Malta. Il-Papa baqa’ impressjonat b’din iż-żjara. Meta wasal lura fil-Vatikan, il-Papa qal li fil-kuntatt dirett li kellu mal-poplu Malti seta’ jara kemm il-Maltin huma nies kburin u nobbli. Qal li l-laqgħa kordjali li rċieva f’Malta għadha ħajja f’qalbu. Il-Papa qal li minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta għandha importanza kbira internazzjonali waqt li fakkar li għandha vokazzjoni speċjali biex tagħmilha ta’ medjatriċi bejn il-popli li jgħixu fuq ix-xtut tal-Mediterran. Il-Papa awgura li Malta ma twarrab qatt il-wirt prezzjuż tal-valuri miġbura mill-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija. Folol enormi ta’ Maltin u Għawdxin kienu tawh merħba mimlija entużjażmu matul il-Konċelebrazzjoni Solenni li saret fuq il-Fosos tal-Floriana. Għal dan l-avveniment, kienu attendew aktar minn 120,000 ruħ, u ħadu sehem iżjed minn 800 saċerdot. Is-sostitut segretarju tal-Istat tal-Vatikan Mons Giovanni Battista kien qal li “l-akkoljenza li l-Papa ngħata f’Malta ftit li xejn rajt bħalha.” Tmien snin wara, meta kien qed jitkellem man-Nunzju għal Malta, Mons. Josè Sebastian Laboa, huwa qallu li għandu impressjoni straordinarja dwar Malta u li għalih, mill-pajjiżi kollha li żar fil-Mediterran, Malta kienet qisha ħolma.

Fl-1 ta’ Settembru 1990, il-Papa għamel waqfa ta’ siegha u ftit minuti f'Malta, sakemm l-ajruplan li kien fuqu fi triqtu lejn it-Tanżanija ngħata l-fuel. Bosta nies kienu nġabru fil-gallarija tal-ajruport filwaqt li d-diversi ħaddiema tal-Air Malta inġabru madwar l-ajruplan tal-Papa. Dakinhar, il-Papa ma niżilx l-art, iżda ħareġ biss mill-ajruplan, sellem u bierek lill-poplu Malti.

Huwa reġa' żar Malta f'Mejju 2001 biex ibbeatifika l-ewwel tliet beati Maltin, Dun Ġorġ Preca, Marija Adeodata Pisani u Nazju Falzon.

Fl-aħħar tlettax -il sena ta' ħajtu Karol Woutyla ,li meta sar Papa fl-1978 kien bniedem sportiv u enerġetiku, kellu jċedi għat-tbatijiet tal-marda Parkinson's. Minkejja t-tbatijiet imqanqla minn din il-marda, huwa kompla bil-vjaġġi tieghu. Kemm -il darba alluda għat-tbatijiet tiegħu fil-metafora Kristjana tas-salib. Xbieha li kompliet toħroġ tul l-aħħar jiem.

Il-mewt ta’ Ġwanni Pawlu II tħabbret fid-9.37pm tas-Sibt 2 ta' April 2005, wara li fil-bulettin mediku tas-7.00 pm, il-kundizzjoni ta’ saħħtu kienet deskritta bħala li qalbet għall-agħar. Żdiedlu id-deni, u l-perjodi li fihom ma jkunx konxju komplew isiru aktar spissi. Sorsi kkwotati minn mezzi tax-xandir Taljani qalu li l-Papa qabad it-triq tal-mewt: “Diġà qiegħed imiss lill-Kristu.” L-aħbar tal-mewt kienet ikkonfermata mill-Vatikan madwar l-9.50pm. Sa mill-Ġimgħa, l-1 ta' April madwar 70,000 ruħ kienu nġabru fi Pjazza San Pietru, f’Ruma, biex jitolbu, ikantaw u jimmeditaw l-aħħar sigħat ta’ Ġwanni Pawlu II. Fid-dinja kollha sar talb fil-knejjes, anke fiċ-Ċina, fejn il-gvern ma jagħrafx l-awtorità tal-Vatikan fuq il-qassisin tal-pajjiż. Sar talb għall-Papa kemm f’komunitajiet Ortodossi, kif ukoll dawk Iżlamiċi. F’Kuba, il-Prelat tal-pajjiż tħalla iwassal il-kundizzjoni tal-Papa lill-poplu minn fuq ir-radju, f’konċessjoni unika mogħtija mill-gvern Komunista. F’messagg li għadda lill-ġurnalisti, il-portavuċi Navarro Valls qal li l-Papa ipprova jitkellem meta kien mgħarraf bin-numru ta’ nies li kien hemm jitlobu għalih fi pjazza San Pietru. Skond Navarro Valls, il-Papa tenna l-kliem: “Jiena ġejt għandkom, u issa ġejtu intom għandi... Grazzi...”

Reazzjonijiet għall-aħbar ta' mewtu

[immodifika | immodifika s-sors]

Waqt konferenza stampa li saret fil-White House, il-President Amerikan George W. Bush qal li l-“Knisja Kattolika tilfet lir-ragħaj tagħha. Id-dinja tilfet paladin tal-ħelsien tal-bniedem... nirringrazzjaw lil Alla li bagħat persuna bħalu... eroj ta’ żminijietna”. Bħala sinjal ta’ rispett, Bush ordna li l-bnadar Amerikani kollha jittajru mezz’asta.

Kofi Annan, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, qal li “l-Papa kien imħasseb ħafna dwar id-dinja li ngħixu fiha u bħali kien jemmen li fil-gwerer, kulħadd hu tellief”.

Lech Walesa, li mexxa l-moviment Solidarjetà fi żmien meta l-Polonja kienet qiegħda tiġġieled biex tneħħi r-reġim Komunista, qal li “mingħajru ma kienx ikun hemm tmiem il-Komuniżmu, jew inkella kieku seħħ iktar tard, it-tmiem kien ikun wieħed imdemmi”.

Mikhail Gorbachev, eks-mexxej tal-Unjoni Sovjetika, qal li “bħala bniedem kien in-numru wieħed. Ma kien hemm l-ebda konflitt li ħarab mill-attenzjoni tiegħu”.

Il-President Russu Vladimir Putin qal li “l-umanità se tibqa’ tgħożż il-wirt storiku u politiku li ħalla l-Papa Gwanni Pawlu II”.

Il-President Palestinjan Mahmoud Abbas iddeskriva lill-Papa bħala “figura reliġjuża kbira li ddedika ħajtu kollha biex jiddefendi l-valuri tal-paċi, ħelsien, ġustizzja u ugwaljanza għar-razez u r-reliġjonijiet kollha, kif ukoll id-dritt tal-poplu Palestinjan li jkollu l-istat indipendenti tiegħu”.

Ir-Rabbi Marvin Hier, il-fundatur taċ-Ċentru Simon Wiesenthal f’Los Angeles, qal li “l-ebda Papa m’għamel daqshekk ġdid mal-Lhud daqs Ġwanni Pawlu II“. Dwar iż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Art Imqaddsa f’Marzu tas-sena 2000, il-mexxej tal-Knisja Kattolika talab quddiem il-ħajt tal-Punent ta’ Ġerusalemm u talab maħfra ghad-dnubiet tal-Kattoliċi kontra l-Lhud. Il-Prim Ministru Iżraelit Ariel Sharon qal li “Ġwanni Pawlu II kien ħabib tal-poplu Lhudi u li d-dinja tilfet wieħed mill-aqwa mexxejja ta’ din il-ġenerazzjoni”.

Anki jekk il-Papa Ġwanni Pawlu II ma rnexxielux jirranġa l-qasma bejn il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa Russa, il-Patrijarka Alexiy ammetta li l-“personalità u x-xogħol u l-ideat tiegħu ħallew impatt kbir fuq l-istorja tad-dinja”.

L-awtoritajiet Kubani ħallew lill-poplu juri s-sogħba tiegħu għall-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-waqt li ċ-Ċina esprimiet il-kondoljanzi tagħha għall-mewt tal-mexxej tal-Knisja Kattolika.

Il-Kattoliċi Afrikani wkoll urew is-sogħba tagħhom għall-mewt ta’ Papa li t-tagħlim tiegħu dejjem intlaqa’ pożittivament minnhom. Eluf ta’ Insara Niġerjani bkew waqt quddiesa li saret f’Onitsha fin-Niġerja. Mary Jovita Ezeani, soru ma’ l-ordni tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, qalet li huma qegħdin jibku t-telfa tal-Papa minhabba li Ġwanni Pawlu II s’issa kien l-uniku mexxej tal-Knisja Kattolika li qatt żar ir-reġjun ta’ Onitsha, iċ-ċentru tal-komunità Nisranija Niġerjana.

Il-Prim Ministru Ingliż Tony Blair qal li “anki jekk ma jkollokx fidi reliġjuża, kulħadd seta’ jinnota li Ġwanni Pawlu II kien bniedem b’fidi spiritwali vera u profonda ħafna”.

Id-Dalai Lama, il-mexxej spiritwali tal-Buddisti fit-Tibet, qal li hu kellu l-istess valuri tal-Papa: il-battaja kontra r-reġimi Komunisti, armonija bejn ir-reliġjonijiet u tħassib dwar il-fatt li l-valuri materjali kienu qegħdin jitpoġġew qabel dawk spiritwali.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Josè Manuel Barroso, qal li l-Papa Ġwanni Pawlu II se jibqa’ magħruf bħala bniedem li ħadem biex jerġa’ jġib l-għaqda fl-Ewropa u biex jinfirxu madwar l-istess kontinent il-ħelsien u d-demokrazija. “L-Ewropej m’huma se jinsew qatt il-ħidma tiegħu favur il-paċi u d-dinjità umana”, hu stqarr f’messaġġ li ħareġ bħala tislima għall-mewt tal-Mexxej tal-Knisja Kattolika. Minbarra l-kondoljanzi lill-Vatikan u lill-Knisja Kattolika, Barroso bagħat messaġġ ta’ solidarjetà lill-pajjiż li minnu ġej il-Papa, il-Polonja.

Beatifikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-investigazzjoni djoċesana tal-kawża ta’ beatifikazzjoni bdiet f’Ġunju 2005 u ntemmet f’April 2007. F’Diċembru 2009, Benedittu XVI awtorizza l-promulgazzjoni tad-digriet tal-virtujiet erojċi tal-predeċessur tiegħu. Il-Kongregazzjoni, eventwalment eżaminat il-każ ta’ fejqan mirakoluż bl-interċessjoni ta’ dan il-Papa; każ ta’ Swor Marie Simon Pierre Normand li fieqet mill-marda tal-Parkinson’s, l-istess marda li kien ibati minnha l-istess Papa Pollakk.

Ir-rapporti tal-periti legali u mediċi dwar dan il-fejqan ġew sottomessi lill-Kongregazzjoni għall-investigazzjoni xjentifika tagħha fil-21 ta’ Ottubru 2010. Eventwalment fl-14 ta’ Diċembru daħlu jistudjaw il-każ il-konsulturi teoloġiċi. Nhar it-Tlieta 11 ta’ Jannar 2011, unanimament, il-Kongregazzjoni qablet li l-fejqan ta’ Swor Marie Simon Pierre, "inkiseb minn Alla b’mod mhux xjentifikament possibbli wara l-interċessjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II, li b’tama kien invokat mill-istess Swor Simon u bosta fidili oħra”.

Ġwanni Pawlu II kien ibbeatifikat fl-1 ta' Mejju 2011, Ħadd fuq l-Għid il-Kbir, jum li fih titfakkar il-festa tal-Ħniena Divina. Kien Ġwanni Pawlu II innifsu li istitwixxa din il-festa. Huwa kien miet fil-vġili tal-istess festa fl-2005. Il-komunikat maħruġ mill-Vatikan fakkar li l-kawża ta’ beatifikazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II bbenefikat minn dispensa pontifiċja li ppermettiet li l-kawża tibda qabel il-perijodu ta’ ħames snin mill-mewt tal-individwu li statutorjament huma neċessarji. Fl-istess ħin, saħaq l-istess komunikat, in-normi kanoniċi dwar il-kawża ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni kienu osservati b’mod rigoruż.

Madwar miljun pellegrin ħonqu Pjazza San Pietru u t-toroq tal-madwar hekk kif il-Papa Benedittu XVI ibbeatifika lill-predeċessur tiegħu Ġwannu Pawlu II. Il-ġisem ta’ Ġwanni Pawlu II ittieħed mill-kripta għall-Bażilika ta’ San Pietru proprja, fejn skont it-tradizzjoni jitpoġġew l-iġsma tal-papiet beatifikati, traspożizzjoni li saret mingħajr eżumazzjoni, jiġifieri l-ġisem tal-papa Pollakk ma kienx jidher. Minflok, il-qabar kien magħluq b’irħama sempliċi bil-kitba Beatus Ioannes Paulus II. Il-ġisem ta’ Ġwanni Pawlu II tqiegħed fil-kappella ta’ San Sebastjan, li tinsab bejn il-kappella tal-Pietà u dik tas-Sagrament Imqaddes.

Din kienet l-ewwel darba fl-aħħar elf sena li Papa iddikjara beatu lill-predeċessur tiegħu. Għal din iċ-ċerimonja kien hemm 90 delegazzjoni uffiċjali minn diversi pajjiżi, fosthom membri ta’ ħames familji Rjali Ewropej u sittax –il Kap ta’ stat fosthom il-mexxej kontroversjali taż-Żimbabwe, Robert Mugabe.

Fl-omelija tiegħu, il-Papa Benedittu semma s-sofferenza u l-fidi qawwija u ġeneruża li dejjem wera Ġwanni Pawlu II, saħħa ta’ ġgant li kienet ġejja minn Alla sabiex biddel soċjetà, kulturi kif ukoll sistemi politiċi u ekonomiċi. Semma kif sitt snin ilu, malli tħabbret il-mewt tiegħu, diġa’ kienu bdew is-sejħiet għall-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni u qal li dan il-jum fl-aħħar wasal. Semma lill-Verġni Marija li Ġwanni Pawlu dejjem afda lilu nnifsu għal kollox f’idejha, u din kienet raġuni oħra għaliex intgħażel l-ewwel Ħadd tax-xahar Marjan barra għax il-Ħadd tal-Ħniena Divina.

Kanonizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-miraklu li wassal għall-kanonizzazzjoni kien dak ta’ Floribeth Mora, mara mill-Kosta Rika li fieqet minn anewriżma ċelebrali bl-interċessjoni ta’ Ġwanni Pawlu II ftit wara l-beatifikazzjoni tieħu. Dan kien approvat fit-2 ta’ Lulju 2013 u kkonfermat minn Papa Franġisku jumejn wara.

Il-Kanonizzazzjoni tiegħu flimkien ma' dik ta' Papa Ġwanni XXIII saret il-Ħadd 27 ta’ April 2014, dakinhar ukoll Festa tal-Ħniena Divina, fi Pjazza San Pietru.

Ħoloq Esterni

[immodifika | immodifika s-sors]