[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

Palazz tas-Sajf

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Foxiang Ge (it-Torri tal-Inċens Buddist) f'Wanshou Shan (l-Għolja tal-Lonġevità).

Il-Palazz tas-Sajf (biċ-Ċiniż issimplifikat: 颐和园; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 頤和園; bil-Pinyin: Yíhéyuán) huwa kumpless enormi ta' lagi, ġonna u palazzi f'Beijing, il-belt kapitali taċ-Ċina. Fid-dinastija Qing kien ġnien imperjali. Fuq ġewwa tal-palazz hemm l-Għolja tal-Lonġevità (万寿山; 萬壽山; Wànshòu Shān), il-Lag ta' Kunming u l-Pont tas-Sbatax-il Arkata. L-erja tal-palazz hija mifruxa fuq 2.9 kilometri kwadri (1.1 mil kwadru), u tliet kwarti minnha hija ilma.

L-Għolja tal-Lonġevità hija għolja madwar 60 metru (200 pied) u fiha bosta binjiet ippożizzjonati f'sekwenza. Fuq in-naħa ta' quddiem tal-għolja hemm diversi swali u paviljuni rikki u mill-isbaħ, filwaqt li fuq in-naħa ta' wara tal-għolja hemm biss sbuħija naturali u skiet, sabiex jinħoloq kuntrast. Il-Lag ta' Kunming ċentrali, b'erja ta' 2.2 kilometri kwadri (540 akru), inħolqot għalkollox mill-bniedem u l-ħamrija li ġiet skavata ntużat biex tinbena l-Għolja tal-Lonġevità.

B'ispirazzjoni mill-ġonna fin-Nofsinhar taċ-Ċina, fil-Palazz tas-Sajf hemm iktar minn 3,000 binja antika Ċiniża li jospitaw kollezzjoni ta' iktar minn 40,000 tip ta' artefatti storiċi ta' siwi minn kull dinastija.

F'Diċembru 1998, l-UNESCO inkludiet il-Palazz tas-Sajf fil-Lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tagħha. Il-Palazz tas-Sajf ġie ddikjarat bħala "kapulavur tad-disinn pajsaġġistiku tal-ġonna Ċiniżi. Il-pajsaġġ naturali tal-għoljiet u tal-ilma fil-beraħ huwa kkombinat ma' karatteristiċi artifiċjali bħal paviljuni, swali, palazzi, tempji u pontijiet, sabiex jinħoloq kumpless armonjuż ta' valur estetiku straordinarju".[1]

B'mod partikolari fl-istorja Ċiniża, il-palazz huwa wkoll il-parti ewlenija tar-Rotta Ċentrali tal-Proġett tat-Trasferiment tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana wara li l-ilma jiġi ttrasferit għal 1,267 kilometru (787 mil) mill-Ġibjun ta' Danjiangkou, Hubei, u b'hekk jirrappreżenta l-provvista tal-ilma prinċipali ta' Beijing.

Qabel id-dinastija Qing

[immodifika | immodifika s-sors]

L-oriġini tal-Palazz tas-Sajf imorru lura għad-dinastija Jin immexxija minn Jurchen fl-1153, meta r-raba' mexxej, Wanyan Liang (li rrenja fl-1150-1161), ittrasferixxa l-belt kapitali tad-dinastija Jin mill-Prefettura ta' Huining (li llum il-ġurnata hija d-Distrett ta' Acheng, Harbin, Heilongjiang) għal Yanjing (li llum il-ġurnata hija Beijing). Huwa ordna l-kostruzzjoni ta' palazz fl-Għoljiet Fragranti u fl-Għolja tal-Fawwara tal-Ġada fil-Majjistral ta' Beijing.

Għall-ħabta tal-1271, wara li d-dinastija Yuan stabbiliet il-belt kapitali tagħha f'Khanbaliq (li llum il-ġurnata hija Beijing), l-inġinier Guo Shoujing beda proġett tal-ilma biex jiddirieġi l-ilma mill-Fawwara ta' Shenshan (神山泉) fil-villaġġ ta' Baifu (白浮村), Changping għal-Lag tal-Punent (西湖), li iktar 'il quddiem sar il-Lag ta' Kunming. Il-mira ta' Guo kienet li joħloq ġibjun tal-ilma li jiżgura provvista tal-ilma stabbli għall-palazz.

Fl-1494, l-Imperatur Hongzhi (li rrenja fl-1487-1505) tad-dinastija Ming ordna li jinbena t-Tempju ta' Yuanjing (圓靜寺) għall-mara li rabbietu flimkien m'ommu, is-Sinjura Luo, quddiem l-Għolja tal-Buqar (瓮山), li iktar 'il quddiem ġiet imsejħa l-Għolja tal-Lonġevità. It-tempju ġie mitluq mas-snin u ġie abbandunat, u ż-żona ta' madwar l-għolja mtliet bil-veġetazzjoni. L-Imperatur Zhengde (li rrenja fl-1505-1521), li kien is-suċċessur tal-Imperatur Hongzhi, bena palazz fuq ix-xtut tal-Lag tal-Punent u kkonverta ż-żona fi ġnien imperjali. Huwa bidel l-isem tal-Għolja tal-Buqar fl-"Għolja tad-Deheb" (金山) u sejjaħ il-lag "il-Baħar tad-Deheb" (金海). Kemm l-Imperatur Zhengde kif ukoll l-Imperatur Wanli (li rrenja fl-1572-1620) kienu jieħdu pjaċir imorru bid-dgħajsa fuq il-lag. Matul ir-renju tal-Imperatur Tianqi (li rrenja fl-1620-1627), l-ikkastrat tal-qorti Wei Zhongxian ħa l-ġnien imperjali bħala l-proprjetà personali tiegħu.

Dinastija Qing

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-bidu tad-dinastija Qing, l-Għolja tal-Buqar kienet tintuża bħala s-sit għall-istalel taż-żwiemel fil-palazz imperjali. L-ikkastrati tal-qorti imperjali li kienu jikkommettu reati kienu jintbagħtu hemmhekk biex jaqtgħu l-ħaxix ħażin u l-ħaxix inġenerali.

Fil-bidu tar-renju tal-Imperatur Qianlong (li rrenja fl-1735-1796), inbnew bosta ġonna imperjali fiż-żona li llum il-ġurnata hija d-Distrett ta' Haidian f'Beijing, u b'hekk il-konsum tal-ilma żdied bil-bosta. Dak iż-żmien, il-biċċa l-kbira tal-provvista tal-ilma fil-Lag tal-Punent kienet tiġi mill-fawwara tal-ilma ħelu fuq l-Għolja tal-Fawwara tal-Ġada, filwaqt li frazzjon minnha kienet tiġi mix-xmara Wanquan (萬泉河). Kwalunkwe tfixkil fil-fluss tal-ilma mill-Għolja tal-Fawwara tal-Ġada kienet taffettwa s-sistemi tat-trasport u tal-provvista tal-ilma tal-belt kapitali.

Għall-ħabta tal-1749, l-Imperatur Qianlong iddeċieda li jibni palazz qrib l-Għolja tal-Buqar u l-Lag tal-Punent biex jiċċelebra għeluq snin ommu, l-Imperatriċi Armla Chongqing. Bil-ħsieb li jtejjeb is-sistema tal-ilma tal-belt kapitali, huwa ordna li l-Lag tal-Punent jitkabbar iktar lejn il-Punent biex jinħolqu żewġ lagi oħra, il-Lag ta' Gaoshui (高水湖) u l-Lag ta' Yangshui (養水湖). It-tliet lagi kienu jservu mhux biss bħala ġibjun għall-ġonna imperjali, iżda anke bħala sors tal-ilma għaż-żona agrikoli tal-madwar. L-Imperatur Qianlong sejjaħ it-tliet lagi kollettivament bħala l-"Lag ta' Kunming" għall-Vaska ta' Kunming (昆明池) mibnija mill-Imperatur Wu (li rrenja fl-141-187 Q.K.) fid-dinastija Han għat-taħri tal-flotta navali tiegħu. L-art skavata mit-tkabbir tal-Lag ta' Kunming intużat għat-tkabbir tal-Għolja tal-Buqar, li mbagħad issejħet l-"Għolja tal-Lonġevità". Il-Palazz tas-Sajf, li tlesta fl-1764 bi spiża ta' iktar minn 4.8 miljun tael tal-fidda, għall-bidu kien issejjaħ "Qingyiyuan" (清漪園; "il-Ġonna tal-Imwejġa Ċari").

Id-disinn tal-Palazz tas-Sajf ġie bbażat fuq leġġenda fil-mitoloġija Ċiniża dwar tliet muntanji divini fil-Baħar tal-Lvant, Penglai, Fangzhang (方丈) u Yingzhou (瀛洲). It-tliet gżejjer fil-Lag ta' Kunming – il-Gżira ta' Nanhu (南湖島), il-Gżira ta' Tuancheng (團城島) u l-Gżira ta' Zaojiantang (藻鑒堂島) – ġew iddisinjati biex jirrappreżentaw it-tliet muntanji mitoloġiċi, filwaqt li l-lag innifsu ġie ddisinjat abbażi tal-Lag tal-Punent f'Hangzhou. Barra minn hekk, bosta karatteristiċi arkitettoniċi fil-palazz inbnew ukoll bħala emulazzjoni ta' diversi attrazzjonijiet ta' madwar iċ-Ċina. Pereżempju: il-Moll tal-Feniċi (鳳凰墩) jirrappreżenta l-Lag ta' Tai; it-Torri ta' Jingming (景明樓) huwa simili għat-Torri ta' Yueyang, Hunan; il-Paviljun ta' Wangchan (望蟾閣) huwa simili għat-Torri tal-Grawwi Isfar; it-toroq tal-ħwienet ġew iddisinjati bħala imitazzjoni ta' dawk f'Suzhou u f'Yangzhou. Il-binja prinċipali tal-Palazz tas-Sajf hija t-"Tempju l-Kbir tal-Gratitudni u tal-Lonġevità" (大報恩延壽寺). Kien hemm ukoll Kuritur Twil li kien itwal minn 700 metru (2,300 pied) u li kien mgħammar b'tiżjin artistiku. Peress li l-palazz ma kienx mgħammar b'faċilitajiet għal soġġorn fit-tul u għall-amministrazzjoni fuq bażi ta' kuljum tal-affarijiet statali, l-Imperatur Qianlong bilkemm għex hemmhekk u kien jibqa' biss binhar kull meta kien iżuru.

Malli l-Imperu Qing beda t-triq tan-niżla wara r-renju tal-Imperatur Daoguang (li rrenja fl-1820-1850), il-Palazz tas-Sajf gradwalment beda jiġi ttraskurat u ġie ordnat li l-karatteristiċi arkitettoniċi fit-tliet gżejjer jiżżarmaw għaliex l-ispejjeż tal-manutenzjoni kien għoljin wisq.

Fl-1860, l-Alleanza ta' Tmien Nazzjonijiet serqet ir-rikkezzi tal-Palazz tas-Sajf fl-aħħar tat-Tieni Gwerra tax-Xaħxieħa u fit-18 ta' Ottubru 1860 il-Brittaniċi ħarqu l-Palazz tas-Sajf l-Antik fil-qrib (imsejjaħ Yuanmingyuan biċ-Ċiniż). Il-qerda tal-palazz ġiet ordnata minn Lord Elgin, il-Kummissarju Għoli Brittaniku għaċ-Ċina, u twettqet b'rispons għat-tortura u t-tfigħ il-ħabs ta' żewġ mibgħuta Brittaniċi, ġurnalist ta' The Times u l-iskorti tagħhom. Il-qerda ta' partijiet kbar mill-Palazz tas-Sajf għadha tqanqal għadab sa llum fiċ-Ċina.[2][3][4]

Bejn l-1884-1895, matul ir-renju tal-Imperatur Guangxu (li rrenja fl-1875-1908), l-Imperatriċi Armla Cixi x'aktarx li ordnat sa 22 miljun tael tal-fidda[5], li oriġinarjament kienu allokati għall-immodernizzar tal-flotta navali tad-dinastija Qing (il-Flotta ta' Beiyang), biex minflok jintużaw għar-rikostruzzjoni u għat-tkabbir tal-Palazz tas-Sajf f'għeluq is-60 sena tagħha; madankollu xi sorsi oħra jiddikjaraw li ġew allokati massimu ta' sitt miljun tael, u l-ebda minnhom ma ġew mill-baġit kapitali tal-flotta navali, iżda l-imgħax li kien ġie ġġenerat biss.[6] Peress li l-fondi kienu limitati, ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ġew ikkonċentrati fuq il-binjiet quddiem l-Għolja tal-Lonġevità u d-digi madwar il-Lag ta' Kunming. Il-Palazz tas-Sajf ingħata wkoll l-isemm attwali biċ-Ċiniż, "Yiheyuan" (頤和園), fl-1888.

Fl-1900, lejn l-aħħar tar-Ribelljoni tal-Lottaturi, il-Palazz tas-Sajf ġarrab xi ħsarat mill-ġdid meta l-forzi tal-Alleanza ta' Tmien Nazzjonijiet qerdu l-ġonna imperjali u ħatfu bosta artefatti maħżuna fil-palazz. Il-palazz ġie rrestawrat sentejn wara.

Wara d-dinastija Qing

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1912, wara l-abdikazzjoni ta' Puyi, l-Aħħar Imperatur, il-Palazz tas-Sajf sar il-proprjetà privata tal-eks familja imperjali tal-Imperu Qing. Sentejn wara, il-Palazz tas-Sajf infetaħ għall-pubbliku u bdew jinbigħu l-biljetti għad-dħul. Fl-1924, wara t-tkeċċija ta' Puyi mill-Belt Projbita minn Feng Yuxiang, il-gvern muniċipali ta' Beijing ħa f'idejh l-amministrazzjoni tal-Palazz tas-Sajf u kkonvertih f'park pubbliku.

Wara l-1949, għal żmien qasir il-Palazz tas-Sajf ospita l-Iskola tal-Parti Ċentrali tal-Partit Komunista taċ-Ċina. Ħafna mill-ħbieb ta' Mao Zedong u esponenti ewlenin fil-Partit Komunista, bħal Liu Yazi u Jiang Qing, għexu hemm ukoll. Mill-1953 'l hawn, saru bosta xogħlijiet ta' restawr u ta' rinnovazzjoni fil-Palazz tas-Sajf, u issa huwa miftuħ għall-pubbliku bħala attrazzjoni turistika u park.

Il-Palazz tas-Sajf fl-1888.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz tas-Sajf ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1] Lejn l-aħħar tal-2006, il-gvern Ċiniż beda jiċċirkola wkoll muniti kommemorattivi sabiex jiċċelebra l-Palazz tas-Sajf bħala relitt kulturali tad-dinja.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Attrazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz tas-Sajf huwa ċċentrat madwar l-Għolja tal-Lonġevità u l-Lag ta' Kunming, u dan tal-aħħar ikopri kważi tliet kwarti mill-erja tal-kumpless. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet importanti nbnew tul l-assi tat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Għolja tal-Lonġevità, li hija maqsuma fin-naħa ta' quddiem u n-naħa ta' wara. Hemm tliet gżejjer żgħar fil-Lag ta' Kunming: il-Gżira ta' Nanhu, il-Gżira ta' Zaojiantang u l-Gżira ta' Zhijingge. Id-Diga tal-Punent tal-Lag ta' Kunming taqsam il-lag fi tnejn. Id-Diga tal-Lvant inbniet matul ir-renju tal-Imperatur Guangxu. L-attrazzjonijiet fil-Palazz tas-Sajf jistgħu jinqasmu f'sitt sezzjonijiet differenti jew żoni xeniċi: is-Swali, l-Għolja tal-Lonġevità, il-Lag ta' Kunming, iż-Żona Xenika tal-Bieda u tal-Insiġ, il-Kuritur Twil, u ż-żona tal-Assi Ċentrali. Il-Palazz tas-Sajf huwa fost l-iżjed destinazzjonijiet li jżuruh nies fiċ-Ċina, u jikklassifika fost l-ogħla ħamsa, u jattira madwar 10 miljun turist kull sena.[7]

It-Torri ta' Wenchang.
Dettall tat-tiżjin tas-soqfa imperjali.
Paiyun Dian (is-Sala tal-Għejbien tas-Sħab) u Foxiang Ge (it-Torri tal-Inċens Buddist) f'Wanshou Shan (l-Għolja tal-Lonġevità).
Wieħed mill-pontijiet tal-Palazz tas-Sajf.

In-naħa ta' quddiem tal-għolja

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Id-Daħla tal-Lvant (biċ-Ċiniż issimplifikat: 东宫门; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 東宮門; bil-Pinyin: Dōnggōngmén): id-daħla prinċipali tal-Palazz tas-Sajf. Iż-żewġ iljuni tal-bronż fuq kull naħa tad-daħla huma ppreservati minn żmien l-Imperatur Qianlong filwaqt li t-Taraġ tad-Dragun tas-Sħab quddiem id-daħla huma relitti mill-Palazz tas-Sajf l-Antik. It-tliet karattri Ċiniżi "Yiheyuan" fuq it-tabella ta' fuq id-daħla nkitbu mill-Imperatur Guangxu.
  • Is-Sala tal-Benevolenza u tal-Lonġevità (仁寿殿; 仁壽殿; Rénshòudiàn): is-sala fejn kienu jsiru s-seduti tal-qorti. Kienet imsejħa wkoll is-"Sala tal-Governanza t-Tajba" (勤政殿) fi żmien l-Imperatur Qianlong iżda l-Imperatur Guangxu taha l-isem attwali. Il-bir fit-Tramuntana tas-sala huwa magħruf bħala l-"Bir tad-Dewmien tas-Sena" (延年井), filwaqt li l-pajsaġġ bil-blat wara s-sala ġie ddisinjat bħala imitazzjoni tal-Ġnien tal-Iljuni f'Suzhou. L-istalaktiti huma relitti mill-Palazz tas-Sajf l-Antik.
  • Is-Sala tas-Sħab tal-Ġada (玉澜堂; 玉瀾堂; Yùlántáng): tinsab fil-Punent tas-Sala tal-Benevolenza u tal-Lonġevità. Hija l-post fejn kienu jgħixu l-imperaturi tad-dinastija Qing. L-Imperatur Guangxu fl-imgħoddi ġie kkonfinat hemmhekk mill-Imperatriċi Armla Cixi.
  • Is-Sala ta' Yiyun (宜芸馆; 宜芸館; Yíyúnguǎn): tinsab fit-Tramuntana tas-Sala tas-Sħab tal-Ġada. Oriġinarjament kienet librerija fi żmien l-Imperatur Qianlong, iżda mbagħad saret il-post fejn kienet tgħix l-Imperatriċi Longyu fi żmien l-Imperatur Guangxu. Kienet tospita kollezzjoni ta' skulturi ta' kalligrafija miktuba mill-Imperatur Qianlong.
  • Il-Ġnien ta' Dehe (德和园; 德和園; Déhéyuán): jospita s-Sala l-Kbira tal-Opri li fiha tliet sulari (大戏楼; 大戲樓), fejn kienu jittellgħu l-ispettakli tal-opri.
  • Is-Sala tal-Hena u tal-Lonġevità (乐寿堂; 樂壽堂; Lèshòutáng): il-post fejn kienet tgħix l-Imperatriċi Armla Cixi.
  • Il-Kuritur Twil (长廊; 長廊; Chángláng): estiż mis-Sala tal-Hena u tal-Lonġevità fil-Lvant sal-Paviljun ta' Shizhang fil-Punent. Il-kuritur kollu huwa twil 728 metru (2,388 pied) u jinkludi tiżjin artistiku, inkluż pitturi ta' postijiet famużi fiċ-Ċina, u xeni mill-mitoloġija u mill-folklor Ċiniżi, L-Erbgħa u Għoxrin Eżemplar Filjali u l-Erba' Rumanzi Klassiċi l-Kbar.
  • Is-Sala tal-Għebien tas-Sħab (排云殿; 排雲殿; Páiyúndiàn): tinsab fiċ-ċentru tal-assi ċentrali tal-Għolja tal-Lonġevità. Oriġinarjament kienet it-Tempju l-Kbir tal-Gratitudni u tal-Lonġevità (大報恩延壽寺), u fl-1892 ġiet rinnovata u saret il-post fejn l-Imperatriċi Armla Cixi kienet tilqa' l-mistednin, tospita ċerimonji grandjużi, u tiċċelebra għeluq sninha.
  • It-Torri tal-Inċens Buddist (佛香阁; 佛香閣; Fóxiānggé): jinsab fiċ-ċentru tan-naħa ta' quddiem tal-Għolja tal-Lonġevità. It-torri oriġinarjament kien maħsub biex ikun pagoda Buddista ta' disa' livelli bħala imitazzjoni tat-Torri tal-Grawwi Isfar. L-Imperatur Qianlong ordna li l-kostruzzjoni titwaqqaf ħesrem wara li kien inbena t-tmien livell. It-torri nbena fuq bażi tal-ġebel għolja 20 metru (66 pied), u b'kollox kien għoli tliet sulari u 41 metru (135 pied), mirfud minn tmien pilastri tal-injam imsaħħaħ bil-ħadid. L-Imperatriċi Armla Cixi żaret it-torri biex toffri l-inċens u titlob.
  • Il-Baħar tal-Għerf (智慧海; Zhìhuìhǎi): jinsab fil-quċċata tal-Għolja tal-Lonġevità. Inbena bil-ħġieġ ikkulurit u jospita iktar minn 1,000 statwa ta' figuri Buddisti. Parti minnu ġġarraf matul ir-Rivoluzzjoni Kulturali.
  • L-Istele tal-Għolja tal-Lonġevità u tal-Lag ta' Kunming (万寿山昆明湖碑; 萬壽山昆明湖碑; Wànshòushān Kūnmínghú Bēi): tinsab fil-Lvant tas-Sala tal-Għebien tas-Sħab. L-istele fiha sitt karattri Ċiniżi miktuba mill-Imperatur Qianlong.
  • Il-Paviljun tas-Sħab Prezzjuż (宝云阁; 寶雲閣; Bǎoyúngé): jinsab fil-Punent tat-Torri tal-Inċens Buddist. Oriġinarjament kien magħruf bħala l-"Paviljun tal-Bronż" (铜亭; 銅亭) u nbena fl-1755. Il-bibieb u t-twieqi kienu nsterqu mis-suldati tal-Alleanza ta' Tmien Nazzjonijiet fl-1900. Fis-snin 80 tas-seklu 20, inxtraw minn xi Ċiniżi li kienu jgħixu barra l-pajjiż u ngħataw mill-ġdid b'donazzjoni lill-Palazz tas-Sajf.
  • Id-Dgħajsa tal-Ġebel (石舫; Shífǎng): din l-istruttura hija twila 36 metru (118-il pied). Id-dgħajsa oriġinali tal-injam ingħatat in-nar fl-1860 u ġiet sostitwita b'kopja tal-irħam b'roti tal-ilma bi stil tal-Punent.
  • Is-Sala tas-Smigħ tat-Tajra Safra (听鹂馆; 聽鸝館; Tīnglíguǎn): tinsab fil-Punent tal-Għolja tal-Lonġevità. Kienet il-post fejn l-Imperatriċi Armla Cixi kienet tara l-ispettakli tal-opri. Is-sala issa ġiet ikkonvertita f'ristorant li jispeċjalizza fil-kċina imperjali tad-dinastija Qing.
  • Huazhongyou (画中游; 畫中游; Huàzhōngyóu): fil-Punent tal-Għolja tal-Lonġevità.
  • Il-Lvant tal-Għolja tal-Lonġevità (前山东部; 前山東部; Qiánshān Dōngbù): waħda miż-żewġ naħat fejn hemm bosta paviljuni u swali.
  • Il-Punent tal-Għolja tal-Lonġevità (前山西部; Qiánshān Xībù): waħda miż-żewġ naħat fejn hemm bosta paviljuni u swali.
  • Il-Punent tal-Kuritur Twil (长廊西端; 長廊西端; Chángláng Xīduān): hemm is-"Sala Erbgħa" (西四厅; 西四廳) li tinsab fit-Tramuntana tal-Paviljun ta' Shizhang. Zhen, il-Konsorti tal-Imperatur Guangxu kienet ikkonfinata fis-sala mill-Imperatriċi Armla Cixi. Fl-imgħoddi kienet tintuża bħala d-daħla tal-Punent tal-Palazz tas-Sajf fi żmien l-Imperatur Qianlong.
Il-Paviljun ta' Wenchang.
Riljiev ta' tliet draguni Ċiniżi.

In-naħa ta' wara tal-għolja

[immodifika | immodifika s-sors]
  • It-Triq ta' Suzhou (苏州街; 蘇州街; Sūzhōujiē): fl-1762, wara li reġa' lura miż-żjara tar-reġjun ta' Jiangnan, l-Imperatur Qianlong ordna l-kostruzzjoni ta' triq bil-ħwienet simili għat-Triq ta' Shantang f'Suzhou. It-triq inqerdet mill-Brittaniċi u mill-Franċiżi fl-1860 u ġiet restawrata biss fl-1988.
  • Il-Ġnien tal-Pjaċiri Armonjużi (谐趣园; 諧趣園; Xiéqùyuán): jinsab fil-Grigal tal-Palazz tas-Sajf. Fl-1751, meta l-Imperatur Qianlong żar ir-reġjun ta' Jiangnan, tant baqa' impressjonat bil-Ġnien ta' Jichang f'Wuxi li ordna li jinbena l-Ġnien ta' Huishan (惠山園) fil-Palazz tas-Sajf immudellat fuq il-Ġnien ta' Jichang. Il-Ġnien ta' Huishan ingħata l-isem ta' "Ġnien ta' Xiequ" fl-1811.
  • L-Erba' Reġjuni Kbar (四大部洲; Sìdàbùzhōu): l-istruttura tinsab fiċ-ċentru tal-assi ċentrali tan-naħa ta' wara tal-għolja. Ġiet iddisinjata bħala imitazzjoni tal-Monasteru ta' Samye fit-Tibet, u kienet tospita statwi ta' Bhaisajyaguru, Gautama Buddha u Amitābha. Inqerdet mill-Brittaniċi u mill-Franċiżi fl-1860 iżda mbagħad ġiet irrestawrata iktar 'il quddiem.
  • Il-Paviljun tal-Fjuri u t-Torri tal-Ħġieġ (花承阁琉璃塔; 花承閣琉璃塔; Huāchénggé Liúlítǎ): jinsabu fil-Lvant tan-naħa ta' wara tal-għolja. Il-paviljun inqered mill-Brittaniċi u mill-Franċiżi fl-1860; u baqa' biss it-Torri tal-Ħġieġ. Matul ir-Rivoluzzjoni Kulturali, l-istatwa Buddista fin-naħa t'isfel tat-torri ġiet sfigurata mill-Gwardji Ħomor.
  • L-Eks Sit ta' Gaichunyuan (赅春园遗址; 賅春園遺址; Gāichūnyuán Yízhǐ): jinsab fil-Punent tan-naħa ta' wara tal-għolja. Matul żmien l-Imperatur Qianlong hemmhekk inbena ġnien żgħir u l-imperatur kellu wkoll l-kamra tal-istudju personali tiegħu. Il-biċċa l-kbira tas-sit ġie meqrud mill-Brittaniċi u mill-Franċiżi fl-1860.
  • L-Eks Sit tal-Paviljun ta' Qiwang (绮望轩遗址; 綺望軒遺址; Qǐwàngxuān Yízhǐ): jinsab fil-Punent tan-naħa ta' wara tal-għolja maġenb il-lag. Matul żmien l-Imperatur Qianlong hemmhekk inbena ġnien żgħir.
Il-Lag ta' Kunming.
Il-Pont tas-Sbatax-il Arkata.

Diga tal-Lvant

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Paviljun ta' Zhichun (知春亭; Zhīchūntíng): jinsab fix-xatt tal-Lvant tal-Lag ta' Kunming fin-Nofsinhar tas-Sala tas-Sħab tal-Ġada.
  • It-Torri ta' Wenchang (文昌阁; 文昌閣; Wénchānggé): inbena qisu daħla tal-belt. Intuża bħala punt importanti ta' daħla għall-Palazz tas-Sajf mil-Lvant u min-Nofsinhar matul ir-renju tal-Imperatur Qianlong. Is-Sala ta' Wenchang (文昌院), spiss imsejħa Gallerija, tinsab maġenb it-Torri ta' Wenchang u tospita diversi artefatti kulturali mill-Palazz tas-Sajf.
  • Il-Paviljun ta' Kuoru (廓如亭; Kuòrútíng): jinsab fin-nofs tad-Diga tal-Lvant, fil-Lvant tal-Pont tas-17-il Arkata, b'erja ta' 130 m2 (1,400 pied kwadru).
  • Il-Gendus tal-Bronż (铜牛; 銅牛; Tóngniú): statwa tal-bronż ta' gendus li nbniet fl-1755.
  • Is-Santwarju ta' Yelü Chucai (耶律楚材词; 耶律楚材祠; Yēlǜ Chǔcái Cí): santwarju mibni mill-Imperatur Qianlong biex jikkommemora lil Yelü Chucai, statista influwenti fl-Imperu tal-Mongoli. Ingħalaq wara l-2003 u s-sezzjoni ta' quddiem tiegħu ġiet ikkonvertita f'ħanut tat-tifkiriet għat-turisti.

Gżira ta' Nanhu

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Pont tas-17-il Arkata (十七孔桥; 十七孔橋; Shíqīkǒngqiáo): li jinkorpora karatteristiċi tal-Pont taċ-Ċintorin Prezzjuż f'Suzhou u tal-Pont ta' Lugou f'Beijing. Il-pont kollu huwa twil 150 metru (490 pied) u wiesa' tmien metri (26 pied).
  • It-Tempju tar-Re Dragun (龙王庙; 龍王廟; Lóngwángmiào): tempju li nbena għall-qima tar-Re Dragun.
  • Is-Sala ta' Hanxu (涵虚堂; 涵虛堂; Hánxūtáng): li tinsab fit-Tramuntana tal-Gżira ta' Nanhu, eżatt faċċata tat-Torri tal-Inċens Buddist fix-xatt tat-Tramuntana.
Parti minn affresk ta' paviljun tal-Palazz tas-Sajf.

Diga tal-Punent

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Pont li Jiddividi l-Lag (界湖桥; 界湖橋; Jièhúqiáo): il-pont li jissepara l-Lag ta' Kunming mil-lag tat-Tramuntana.
  • Il-Pont taċ-Ċintorin tal-Ġada (玉带桥; 玉帶橋; Yùdàiqiáo)
  • Il-Pont ta' Binfeng (豳风桥; 豳風橋; Bīnfēngqiáo)
  • It-Torri ta' Jingming (景明楼; 景明樓; Jǐngmínglóu): inqered mill-Brittaniċi u mill-Franċiżi fl-1860 u ġie rrestawrat biss fl-1992. Ġie ddisinjat biex jimita t-Torri ta' Yueyang.
  • Il-Pont tal-Mera (镜桥; 鏡橋; Jìngqiáo)
  • Il-Pont tal-Ħarir Abjad (练桥; 練橋; Liànqiáo)
  • Il-Pont taż-Żafżafa (柳桥; 柳橋; Liǔqiáo): li jinsab l-iktar fin-Nofsinhar tad-Diga tal-Punent.
  • Iż-Żona Xenika tal-Biedja u tal-Insiġ (耕织图景区; 耕織圖景區; Gēngzhítú Jǐngqū): li nbniet matul ir-renju tal-Imperatur Qianlong, u li ġiet iddisinjata biex tagħti l-ħajja lil xena mill-ħajja ta' kuljum tar-raħħala. Din iż-żona kienet eskluża mill-Palazz tas-Sajf wara li ġiet rinnovata mill-Imperatriċi Armla Cixi. Fl-1949, iż-żona ġiet okkupata mill-Armata tal-Liberazzjoni tal-Poplu u nbniet fabbrika tal-produzzjoni tal-karta hemmhekk. Fl-2003, iż-żona reġgħet ġiet inkorporata fil-Palazz tas-Sajf u xi binjiet antiki ġew irrestawrati.
  • L-istazzjon ta' Beigongmen fuq il-Linja 4 tal-Metro ta' Beijing, qrib id-Daħla tat-Tramuntana.
  • L-istazzjon tad-Daħla tal-Punent fuq il-linja ta' Xijiao tal-Metro ta' Beijing, qrib id-Daħla tal-Punent.
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Summer Palace, an Imperial Garden in Beijing". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-07.
  2. ^ E. W. R. Lumby, "Lord Elgin and the Burning of the Summer Palace." History Today (Lulju 1960), pp. 479-48.
  3. ^ "The palace of shame that makes China angry" (bl-Ingliż). 2015-02-02. Miġbur 2022-12-11.
  4. ^ Ringmar, Erik (2013). Liberal Barbarism: The European Destruction of the Palace of the Emperor of China. New York: Palgrave Macmillan.
  5. ^ Zhu, Weizheng (2015). Rereading Modern Chinese History. p. 351. ISBN 9789004293311.
  6. ^ Chang, J. (2014). Empress Dowager Cixi: The concubine who launched modern China. Anchor Books.
  7. ^ Su, Ming Ming; Wall, Geoffrey (2014-01-01). "Residents' use and perceptions of the Summer Palace World Heritage Site in Beijing, China". International Journal of Tourism Anthropology. 3 (4): 357–369.