[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

San Ġużepp

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
San Ġużepp

Ġużeppi u l-Bambin Ġesù, pittura ta' Guido Reni.
Twelid
Mewt
Festa 19 ta' Marzu;
1 ta' Mejju, San Ġużepp ħaddiem
Attributi il-Bambin Ġesù, ġilju
Patrun/a Patrun tal-Knisja Universali, missierijiet, mastrudaxxi, ħaddiema, moribondi, ekonomi, prokuraturi legali

San Ġużepp (Lhudi יוֹסֵף, "Josef"; Grieg: Ἰωσήφ) kien ir-raġel tal-Madonna u l-missier putattiv ta' Ġesù Kristu.

Fit-Testment il-Ġdid

[immodifika | immodifika s-sors]

L-isem Ġużeppi bil-Lhudi huwa 'Josef' li ġejja minn 'jasaf' li tfisser tkattar. L-ewwel żewġ personaġġi li jiktbu fuq dan il-qaddis huma San Mattew u San Luqa. Skont San Mattew (1,20) San Ġużepp gej mir-razza ta' David. Ukoll skont San Luqa (2,4) jidher ċar li Ġużeppi gej minn din ir-razza. Skont San Mattew (1,16) missieru huwa Ġakobb, u skont San Luqa (3, 23) Għeli. Huwa evidenti li missieru huwa kif qal San Luqa, Għeli, għax dan qaluh in-nies ta' Ġerusalemm stess. Kien il-Kustodju msejjaħ minn Alla biex jieħu ħsieb lil Ġesù u lil Marija. Kien raġel żagħżugħ qaddis u mhux xiħ kif huwa ppreżentat f'ħafna stampi u statwi tiegħu. L-artisti jpinġuh xiħ biex tidher iżjed il-verġinità ta' Marija. Għalkemm kienu miżżewġin, it-tnejn baqgħu verġni. (Mattew 1, 18-21) San Ġużepp huwa l-Missier legali ta' Ġesù. La Marija hija ommu verġni, hekk ukoll Ġużeppi huwa Missieru Kast. Missier għax ir-raġel ta' Omm Ġesù, u kast għax ma kellux x'jaqsam mal-Inkarnazzjoni. San Ġużepp jissemma wkoll meta mar ma' Marija l-Egittu biex isalvaw lil Ġesù u meta Ġesù intilef fit-tempju u wara tlett ijiem sabuh. Xejn iżjed ma' nafu fuq il-ħajja ta' Ġużeppi. Kieku kien għadu jgħix meta Ġesù miet fuq is-salib, kieku ma kienx jgħid lil Gwanni biex jieħu ħsieb lill-Madonna.

Il-Vangelu jesprimi l-qdusija ta' dan ir-raġel b'kelma waħda li kien "ġust" (Matt. 2, 19). Allura kien innoċenti, pur, kast, virtuż. Rett, mimli setgħa biex jegħleb il-passjonijiet tiegħu, u kellu bilanċ tajjeb bejn dak li hu uman u dak li hu Divin. Kellu fidi qawwija u dan narawh fit-twemmin tiegħu lejn martu li ma ħarġitx tqila minnu. Il-Fidu u t-tama offrewlu ferh, ottimiżmu u mħabba. L-imħabba ddominatlu ħajtu.

Iz-żwieġ ma kienx isir bħalma nafuh illum. Iż-żwieġ kien jinvolvi prinċipalment lil missirijiet tal-għarajjes. Jekk il-missier ikun mejjet, jigi involut l-iben il-kbir. Ir-rabbi iffissaw l-età minima li fiha wieħed seta’ jiżżewweġ. Tnax il-sena għall-bniet u tlettax għas-subien. L-għarajjes kienu jitlaqqgħu mill-ġenituri. Missier l-għarus kien jagħti ċerta somma lil missier l-għarusa (tissejjah mehar) għax peress li issa, l-familja tal-għarusa tkun se titlef persuna utli għax-xogħol, l-għarus ipatti għal dan it-telf permezz tas-somma mogħtija. F’Elfavtina, l-Eġittu, instab dokument ta' firma taż-żwieġ ta' tnejn min nies li jgħid hekk: "Hija l-mara tiegħi u jien żewġha, mil-lum għal dejjem". Anke San Ġużepp kien iffirma l-patt tiegħu hekk biex jieħu l-Marija. Mal-firma tal-kuntratt ix-xebba ssir għarusa tar-raġel li ħadd ħlief il-mewt ma tista’ tifridha minnu. Iżda skont id-drawwa Ebrajka, iż-żwieġ kien ikun komplut meta r-raġel iħalli d-dar tal-ġenituri tiegħu u jingħaqad ma' martu; dan kien isir xi sena wara l-firma tal-kuntratt. Il-festa tat-tieġ komplut tieħu xi ġimgħa u tibda billi l-għarusa tmur f'dar l-għarus. Din tidħol b'mant fuq wiċċha li jitneħħa mill-għarus fil-kamra taż-żwieġ. L-għarusa tkun akkumpanjata minn ħafna xebbiet li fil-Vanġelu jissejħu verġni (Matt. 25, 1-13) u dawn joqogħdu jkantaw kant ta' mħabba. Anke l-għarus u l-għarusa kienu jridu jkantaw u skont il-profeta Ġeremija l-kant tal-għarajjes kien l-iżjed mistenni. Meta l-Madonna ħarġet tqila kienet għadha għamlet biss l-ewwel pass taz-żwieġ. U dan jispjegah ċar ħafna San Mattew (1,18) li kiteb id-drawwiet Ebrajki bla ma spjegahom. U jkompli San Mattew (1,24) "U qam kif qallu l-anġlu tal-Mulej u ħa lil martu għandu".

L-Istorja tad-Devozzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-ewwel tliet sekli tal-Knisja, San Ġużepp intesa jew twarrab xi ftit mill-kittieba biex jispikka aktar Ġesù. San Ġużepp reġa' beda jissemma fir-raba' seklu minn San Ġwann Griżostmu, San Ġilormu u Santu Wistin. San Ġilormu enfasizza il-Verġinità ta' Marija, allura biex jiċċara dan il-punt, semma l-kastità ta' Ġużeppi. Santu Wistin tkellem fuq il-qdusija, iż-żwieġ tiegħu. Id-devozzji lejh bdiet mill-Insara Kopti fl-Eġittu. Iżda fil-Punent San Ġużepp reġa’ twarrab fis-sekli ta' wara, u kien propju fit-13 –il seklu meta reġa' ssemma minn San Tumas, li kiteb fuq iż-żwieġ qaddis ta' Ġużeppi u Marija u fuq il-Verginità tagħha. Kiteb fuqu wkoll J.Gerson (1363 - 1429). L-Arċisqof ta' Chambrai kien għamel trattat fuq it-12 il-Glorja ta' San Ġużepp fl-1495. San Bonaventura, il-kittieb Frangiskan tant magħruf, kiteb fuqu wkoll. San Bernard ta' Siena għamel studju wkoll billi ħa ħsieb jgħaqqad il-kitbiet ta' qabel biex it-tagħlim jinġabar fi ktieb wieħed. Isidoro Isolari għamel trattat ta' Teologija Ġużeppina fis-seklu ħmistax: "Summa de Donis S.Joseph".

Fl-1621, il-Papa Girgor XV għamel il-festa ta’ San Ġużepp fid-19 ta’ Marzu bl-obbligu tal-quddies.Nhar it-8 ta' Diċembru 1870, San Ġużepp ġie iddikjarat Patrun tal-Knisja Universali u d-19 ta' Marzu ntgħażlet biex tkun iddedikata lilu. Dan sar mill-Beatu Papa Piju IX. Fuq San Ġużepp kitbu wkoll San Piju X, Papa Benedittu XV, Piju XI u Piju XII. Fl-1955 il-Papa Piju XII iddedika l-ewwel ta' Mejju lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Ħaddiema. Il-Beatu Papa Ġwanni XXIII, għażel lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Konċilju Vatikan II f’ittra tiegħu tad-19 ta' Marzu 1961.

Id-Devozzjoni tal-Maltin lejn San Ġużepp

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-devozzjoni lejn San Ġużepp hija mxerrda sew fil-gżejjer Maltin. Dan narawh fid-diversi knejjes li hawn iddedikati lil dan il-patrun, u d-diversi festi li jiġu ċċelebrati ad unur tiegħu. Il-knejjes prinċipali ddedikati lilu jinsabu fl-Imsida, fil-Manikata, l-Kalkara, fil-Qala Għawdex, f’Birkirkara, fil-Belt Valletta u fir-Rabat Malta. Kważi f’kull knisja f'Malta nsibu xi statwa, artal jew fratellanza li huma iddedikati li San Ġużepp.

Id-Devozzjoni lejn San Ġużepp ix-Xiħ tar-Rabat

[immodifika | immodifika s-sors]

Fir-Rabat insibu statwa Inkurunat magħrufa mir-Rabtin u l-Maltin bħala San Ġużepp ix-Xiħ għaliex hija l-eqdem xbieha f'dawn il-gżejjer. L-oriġini ta' din l-istatwa kienet bħala dekorazzjoni fuq xini tal-ordni ta' San Ġużepp mall-Karrakka Sant' Anna. L-Istatwa ġiet regalata lil Arċikonfraternita' ta' San Ġużepp mill-Ewwel Gran Mastru ta' Malta Philippe Villiers de L'Isle Adam. Maż-żmien kibret id-devozzjoni lejha. L-Istatwa ħarġet f'bosta pellegrinaġġ meta kien ikun hawn nuqqas ta' xita, li f'dan il-kas kienu iliebsuh Kapożża għaliex waqt jew wara l-pellegrinaġġ kienet tagħmel ix-xita. Meta Malta kellha il-mard tal-Pesta u l-Kolera il-poplu irrikorra bi ħġaru jitlob l-interċessjoni ta' San Ġużepp. Matul il-bidu tas-seklu 20 bdiet tinħass il-ħtieġa għall-Inkurunazzjoni tal-Vara Devota u Mirakoluża ta' San Ġużepp ix-Xiħ. Il-proċess li wassal għall-Inkurunazzjoni tal-Vara ta' San Ġużepp:- 3 t’ April 1949: F’konsulta Ġenerali Strordinarja ta’ l-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp, li saret fl-Oratorju tal-istess Fratellanza fil-Knisja ta' Santa Marija ta' Ġesù fir-Rabat ta' Malta ġie imħabbar mir-Rettur Mons. Dun Ġiuseppe Vassallo, biex tinħatar kummissjoni mill-istess Fratellanza, sabiex taħdem ħalli jkun jista jinkiseb il-permess meħtieġ mis-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti, biex l-istatwa antika ta’ San Ġużepp tiġi inkurunata. Din l-aħbar ġiet milqugħa b’akklamazzjoni kbira u b’ċapċip kbir mill-membri preżenti li kienu ilaħqu il-fuq minn mitejn ruħ. 1 ta’ Ġunju 1949: fl-laqgħa li kienet satet fl-Oratorju ta’ San Ġużepp fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’. Intaqet għall-ewwel darba l-Kummissjoni tal-Inkurunazzjoni biex din tagħmel it-talba tal-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp, tal-poplu tar-Rabat, tal-Imdina u tal-Poplu malti kollu biex tiġi inkurunata l-Istatwa ta’ San Ġużepp. 10 ta’ Diċembru 1949: fl-laqgħa li kienet satet fl-Oratorju ta’ San Ġużepp fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’. Ġie deċiż li għandha tintbgħat petizzjoni lill-Qdusija Tiegħu l-Papa mill- Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp tar-Rabat ta' Malta f’isem il-poplu malti iffirmata minn Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi. 10 ta’ Jannar 1950: fl-laqgħa li saret għall-membri tal-Kummissjoni tal-Inkurunazzjoni, Oratorju ta’ San Ġużepp fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’. Il-President tal-imsemmija Kummissjoni n-Nobbli Kavallier Alexander dei Marchesi Apap Bologna, stieden lir-Rev. Patri Mro. Benedetto Pirotta O.S.A.biex jaqra’ l-petizzjoni li kien ħejja, biex din warali ġiet iffirmata mill-membri tal-imsemmija Kummissjoni, intbgħatet lis-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti fuq rakkomandazzjoni ta’ Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi. Fil-fatt din il-petizzjoni ġiet mibgħuta fit-12 ta’ Jannar 1950. 30 ta’ Marzu 1950: fl-laqgħa li saret għall-membri tal-Kummissjoni tal-Inkurunazzjoni, Oratorju ta’ San Ġużepp fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’. Il-President tal-imsemmija Kummissjoni, qara l-ittra tat-18 ta’ Marzu 1950, maħruġa mis-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti. Li ġiet mibgħuta lill-Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi, b’risposta għar-rikors li kienet għamlet l- Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp. Fejn fl-imsemmija ittra, il-Kongregazzjoni tar-Riti, ċaħdet it-talba ta’ l-Inkurunazzjoni ta’ l-Istatwa ta’ San Ġużepp. 30 ta’ November 1950: Reġa’ sar tentativ ieħor biex it-talba tal-Arċikonfraternitata’ San Ġużepp u tal-Poplu Malti; sabiex tiġi inkurunata l-istatwa ta’ San Ġużepp tiġi aċċettata mis-Sagra Kongregazzjini tar-Riti permezz tal-Wisq Rev. Patri Provinċjal Anġeliku Azzopardi O.F.M. flimkien mal-Mastru Ġenerali tal-istess Ordni, l-wisq Rev. Patri Pacifica Perantoni, bil-permess tal-Kummissjoni ta’ l-Inkurunazzjoni. 28 ta’ Diċembru 1950: fl-ittra maħruġa mis-sagra Kongregazzjoni tar-Riti, fid-data imsemmija reġet ċaħdet it-Talba tal-Inkurunazzjoni. 29 ta’ Mejju 1956:fl-laqgħa li saret għall-Kummissjoni tal-Inkurunazzjoni, inqara id-dokument fejn fih reġġet saret mill-ġdid it-talba lis-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti, għall-Inkurunazzjoni ta’ l-istatwa ta’ San Ġużepp. Fejn nhar l-1 ta’ Ġunju 1956, l-imsemmi dokument (rikors)ġie ffirmat mill-membri tal-isemmija Kummissjoni u minn Mons. Arċisqof Gonzi. Wara dan id-dokument ġie mibgħut mill-Ministru Provinċjal tal-Minuri Patri Alfonfs Camilleri lill-Prokuratur Ġenerali tal-Ordni, l-Wisq Rev. Patri Ferdinando Antonelli (Konsultur Kwalifikat tal-Kongregazzjoni tar-Riti). Fejn dan id-dokument ġie preżentat lis-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti. Fil-Fatt ftit jiem wara l-Imsemmi rikors ġie aċċettat mill-istess Kongregazzjoni. 27 ta’ Lulju 1956: Ġewwa Castell Gandolfo l-Q.T l-Papa Piju XII, ħareġ id-Digriet tal-Inkurunazzjoni tal-Istatwa ta’ San Ġużepp. 3 ta’ Settembru 1956:il-Ministru Provinċjal l-Wisq Rev. Patri Alfons Camilleri O.F.M. irċiva l-aħbar mingħand il-Prokuratur Ġenerali l-Wisq Rev. Patri Ferdinando Antonelli O.F.M., li l-Kardinal Preffet tas-sagra Kongregazzjoni tar-Riti kien laqgħa t-talba biex l-istatwa ta’ San Ġużepp tiġi inkurunata. Wara t-talba ġiet moqrija quddiem is-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti, biex imbgħad il-Papa ta l-approvazzjoni tiegħu u ħareġ id-Digriet taħt forma ta’ Brevi. 27 ta’ Settembru 1956: il-Ministru Provinċjal Patri Alfons Camilleri O.F.M. irċiva d-digriet “Brevi Appostoliku” mingħand il-qdusija Tiegħu l-Papa Piju XII, li bih l-istatwa ta’ San Ġużepp setgħet tiġi inkurunata. 7 t’ Ottubru 1956: fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ fl-10 u kwart ta’ filgħodu il-wisq Rev. Patri Provinċjal Alfons Camilleri O.F.M. qara’ il-Brevi Appostoliku tal-Papa Piju XII, quddiem folla kbira ta’ nies li nġabret fil-Knisja u wara tkanta “Te Deum” b’ringrazzjament lil-Alla ta’ dan il-Privileġġ hekk kbir.

Nhar l-1 ta' Mejju 1963 l-Arċisqof Sir Mikiel Gonzi Inkuruna Solennament il-Vara ta' San Ġużepp b'żewġ kuruni ta' deheb fin u ħaġar prezjuz waħda fuq ras il-Bambin u l-oħra fuq ras San Ġużepp. L-Inkurunazzjoni saret fuq il-Fosos tal-Floriana quddiem folla numeruza ta' mitt elf ruħ.


Kappelli ddedikati lil San Ġużepp

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Birżebbuġa nbniet kappella ddedikata lil San Ġużepp li għadha tezisti sal-lum għalkemm m’hiex aċċesibli għan-nies għax tinsab ġo dar privata u għalhekk ftit jista' wieħed jidħol fiha. Minn barra, wieħed jista' jaraha u jagħrafha żgur billi l-kampnar tagħha li hu ta’ stil Korint jisboq bini iehor. Ġewwa hija kappella sempliċi u żgħira. Hemm kwadru li juri lil San Ġużepp bil-Bambin u li hu ċert hu li mal-bieb ta’ barra hemm kitba li tgħid li kull min jgħid Pater, Ave u Gloria quddiem ix-xbieha ta’ San Ġużepp li hemm ġewwa l-knisja għal erbgħin jum jaqla' indulġenza.

Kappella oħra ċkejkna ddedikata lil San Ġużepp li wieħed ukoll diffiċli jkollu aċċess għaliha hija dik li tinsab ġewwa Wied il-Għajn. Din tinsab ħdejn ix-xatt ta’ Wied il-Għajn. Kien bniha ċertu wieħed jismu Wenzu Bigeni għaliex kien devot ta’ San Ġużepp u x-xewqa tiegħu kienet li meta jmut jindifen fiha kif fil-fatt hekk ġara. Din il-kappella nbniet fuq il-pjanta tal-Perit Solar. Maż-żmien din il-knisja saret privata u mbagħad inħattet biċċa sew minnha. Illum il-ġurnata qed tintuża biss għal skop turistiku.

F'Ħaż-Żabbar insibu knisja u wkoll istitut li hu ddedikat ukoll lil San Ġużepp. Dawn għadhom jeżistu sal-lum u wieħed faċli jkollu aċċess għalihom. L-Istitut u l-knisja jinsabu inti u diehel f’Ħaż-Żabbar. L-Istitut kien jintuża biex jilqa' fih bniet iltiema u kien f’idejn is-sorijiet Dumnikani. Il-fundatur tiegħu kien Patri Feliċjan Grech li kien Dumnikan. L-ewwel ġebla tiegħu tqiegħdet fit-2 ta’ Lulju 1930 fuq il-pjanta tal-Perit Ġużeppi Pace u x-xogħol intemm fis-7 ta’ Novembru 1937. Il-knisja ukoll inbniet ma’ dan l-istitut fuq pjanta ta’ l-istess perit. Kienet ikkonsagrata mill-Arċisqof Gonzi fl-14 ta’ April 1961. Fiha artal wieħed li naturalment huwa iddedikat lil San Ġużepp. Minn ġewwa hija mżejna b’diversi pitturi sbieħ li huma maħduma mill-pittur Ġużeppi Briffa. It-titular juri lil San Ġużepp. Fl-arzella li hemm fil-ġenb hemm kwadru ieħor li juri d-dehra tal-Madonna lil San Duminku. Fuq iż-żewġt iġnub l-oħra hemm żewġ kwadri żgħar li juru lil San Vinċenz Ferreri (1937) u ż-żwieġ ta’ Santa Katerina.

F’Santa Venera l-knisja għadha daqs daqsxejn kbir meta tqabbilha ma' dawk li diġà ssemmew. Din il-knisja bnieha Dun Ġorġ Bugeja fl-1906 u magħha bena ukoll istitut li kien jintuża biex fih jilqa' dawk it-tfal li kienu jiġġerrew fit-toroq. Il-flus biex tinbena din il-knisja kienu inġabru u ingħataw minn Dun Ġorġ stess bl-għajnuna ta’ xi benefatturi. Infatti benefattur li għen ħafna biex tinbena din il-knisja kien Karmenu Bugeja li kien qarib ta’ Dun Ġorġ. Meta wieħed jidħol ġo din il-knisja jinduna li tikkonsisti minn kor, żewġ kappelluni u korsija. Għandha tliet artali u fiha għamla ta’ salib Latin. Fil-ġenb għandha kampnar. Nhar l-14 ta’ Mejju 1916 Mons. Mawru Caruana l-Isqof ta’ Malta ikkonsagra din il-knisja u fl-artal maġġur qiegħed ir-relikwi tal-qaddisin Ġuswar, Beninju u Vittorju. Ġo din il-knisja wieħed jista' jammira żewġ kwadri, xogħol iż-Żebbuġi Lazzaro Pisani, li juru tar-Rużarju (1919) u lil Kristu fl-Ort (1920).

F'San Pawl il-Baħar hemm knisja li kien berikha Mons. Mikiel Gonzi u qiegħed l-ewwel ġebla tagħha fis-6 ta’ Dicembru 1959. Din il-knisja tellgħuha l-patrijiet Kappuċċini u kienet taħt ittitlu ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Il-pjanta saret mill-magħruf Kavallier Ġuże D’Amato. Il-knisja kellha koppla, għamla ottagonali, b'djametru ta’ 90 pied u kienet mibnija fuq stil modern. Kien fiha tliet artali. Fost l-iktar kwadri popolari kont issib dawk li kienu jinsabu ħdejn l-artal tax-xellug l-kwadru ta’ San Antnin qed jippriedka lill-ħut, il-kwadru ta’ San Ġużepp u l-Bambin u l-kwadru ta’ San Franġisk ma’ l-annimali. Imbagħad kien hemm kwadri oħra fl-artal tal-lemin dak ta’ San Pawl, dak tal-Madonna madwar l-Appostli u dak ta’ Sant’Andrija. Dawn kollha għamilhom il-pittur Pietru Camilleri Cauchi. Statwi kien hemm dik ta’ San Ġużepp u l-Bambin, San Guda Taddew u l-Kuncizzjoni li ħadimhom Wistin Camillieri. Din il-knisja telgħet fuq il-lok fejn il-kappuccini kienu jagħmlu s-servizz tagħhom f’daqsxejn ta’ kamra rranġata f'kappella. Imma din il-knisja ħelwa ma kellhiex tgawdi wisq għaliex ftit snin wara li nbniet bdew jidhru xi xquq li ħassbu sewwa lill-patrijiet. Sar studju fuq l-art li fuqha inbniet il-knisja u instab li l-art kienet taflija u kollha xquq kbar. B’hekk kien ġie deċiż li titwaqqa qabel ma taqa weħidha bilkaġun ta’ xi diżgrazzja. Għalhekk f’Gunju 1988 inbeda x-xogħol ta’ twaqqiegħ ġebla ġebla li bdiet mill-koppla. Il-haddiema ma laħqux ħattew wisq għaliex parti l-kbira minnha waqgħet weħidha u hekk illum tidher biss qisha qafas.