[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

Monasteru ta' Poblet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tal-Monasteru ta' Poblet

Il-Monasteru ta' Poblet, magħruf ukoll bħala l-Monasteru Rjali ta' Santa Maria de Poblet (bil-Katalan: Reial Monestir de Santa Maria de Poblet), huwa monasteru tal-Ordni taċ-Ċisterċensi li ġie stabbilit fl-1151, u li jinsab qabel il-muntanji Prades, fil-comarca ta' Conca de Barberà, fil-Katalonja, Spanja. Ġie stabbilit mill-patrijiet Ċisterċensi minn Franza. L-arkitett prinċipali tal-binja kien Arnau Bargués.

Dan il-monasteru kien l-ewwel wieħed minn tliet monasteri magħrufa flimkien bħala t-triangolu taċ-Ċisterċensi, li għenu fil-konsolidazzjoni tal-poter fil-Katalonja fis-seklu 12. Iż-żewġ monasteri l-oħra huma dak ta' Vallbona de les Monges u dak ta' Sant Creus.

Il-monasteru tniżżel bħala Sit Spanjol ta' Interess Kulturali fl-1921[1] u fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]

Il-funtana tal-Monasteru ta' Poblet

Il-Monasteru ta' Poblet kien wieħed miż-żewġ abbaziji rjali tar-rejiet tal-Kuruna ta' Aragona minn żmien Ġakbu I ta' Aragona (flimkien mal-Monasteru ta' San Juan de la Peña). Uħud mill-iżjed sepulkri rjali importanti għandhom statwi tal-alabastru fuq il-qabar. Ir-rejiet għandhom skulturi ta' ljuni ma' riġlejhom, filwaqt li l-irġejjen għandhom skulturi ta' klieb.[3]

Pietru IV ta' Aragona (1319-1387) stabbilixxa rekwiżit, taħt ġurament solenni fil-waqt tal-inkurunazzjoni, li r-rejiet Aragoniżi kollha kellhom jindifnu hemmhekk. Ferdinandu II ta' Aragona biss kiser il-ġurament, wara li r-renju tiegħu ngħaqad mar-Renju ta' Kastilja, u ndifen fi Granada.[4]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru ta' Poblet ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

L-istatwi tal-alabastru fuq l-oqbra ta' Ferdinandu I ta' Aragona u Eleanora ta' Albuquerque.

Ir-rejiet u l-irġejjen ta' Aragona li ġejjin indifnu fil-Monasteru ta' Poblet:[3]

  • Alfonso II (1196),
  • Ġakbu I (1276),
  • Pietru IV (1387), u t-tliet nisa tiegħu Marija ta' Navarra, Eleanora tal-Portugall, u Eleanora ta' Sqallija,
  • Ġwanni I (1396), u n-nisa tiegħu Marta ta' Armagnac u Violant ta' Bar,
  • Martin I (1410) u l-ewwel mara tiegħu Maria de Luna,
  • Ferdinandu I (1416) u martu, Eleanora ta' Alburquerque,
  • Alfonso V (1458),
  • Ġwanni II (1479) u t-tieni mara tiegħu Joana Enríquez.

Nies notevoli oħra li ndifnu fil-Monasteru ta' Poplet jinkludu lir-reġina Ungeriża Beatrice ta' Napli (1508), Philip Wharton, l-ewwel Duka ta' Wharton (1731) u l-Arċiduka Carlos Píus tal-Awstrija u t-Toskana (1953).

L-oqbra rjali ġew irrestawrati mill-iskultur Katalan Frederic Marés fl-1948.

Qerda u rikostruzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Filmat mill-ajru tal-Monasteru ta' Poblet

Il-monasteru, li diġà kien ġarrab xi ħsarat matul l-Ewwel Gwerra Karlista, ingħalaq minħabba l-Konfiski Ekkleżjastiċi ta' Mendizábal fl-1835 matul ir-renju ta' Isabella II ta' Spanja. Id-desamortización jew is-sekolarizzazzjoni tal-post temm il-ħajja monastika hemmhekk. Fl-24 ta' Lulju ta' dik is-sena, il-monasteru ġie misruq mir-rappreżentanti tal-gvern ta' Mendizábal u minn nies bla skrupli. Il-pitturi u l-għamara kollha ta' valur tneħħew u ttieħdu jew inbigħu. Barra minn hekk, xi partijiet mill-monasteru nqerdu min-nirien.[5]

Fis-snin ta' wara, il-Monasteru ta' Poblet ġie abbandunat u mitluq; uħud mis-soqfa prinċipali ċedew. L-oqbra tal-mexxejja tar-Renju ta' Aragona ġew vvandalizzati u l-fdalijiet ġew ittrasferiti u miżmuma għal xi żmien fil-Katidral ta' Tarragona, bis-saħħa tal-intervent tar-Reverendu Antoni Serret mir-raħal ġar ta' L'Espluga.[5]

Finalment il-monasteru ġie stabbilit mill-ġdid fl-1940 minn patrijiet Taljani tal-istess ordni u bdew it-tiswijiet u r-rikostruzzjoni. Qrib id-daħla tal-knisja nżammet binja fi stat mitluq bħala tfakkira. Il-fdalijiet tad-deċeduti fost il-familja rjali antika ta' Aragona reġgħu tpoġġew fis-sepulkri tagħha, għalkemm b'xorti ħażina issa ġew imħawdin.

Il-Monasteru ta' Poblet jagħmel parti mill-Kongregazzjoni Ċisterċensi tal-Kuruna ta' Aragona, flimkien mal-Monasteru ta' Santa Maria de Solius u ma' kunventi bħal Santa Maria de Vallbona u Santa Maria de Valldonzella. Is-Superjur tal-patrijiet tal-Monasteru ta' Poblet huwa l-president ex officio tal-Kongregazzjoni. Illum il-ġurnata, il-komunità monastika tal-Monasteru ta' Poblet hija magħmula minn 29 patri ddikjarat, oblat wieħed regolari, novizju wieħed u żewġ familjari.

L-iskulturi ta' wara l-artal tal-Monasteru ta' Poblet.

L-artal prinċipali tal-1527 ġie skolpit minn Damián Forment.

Fl-2010, l-arkitett Spanjol Mariano Bayón iddisinja l-lukanda tal-Monasteru ta' Poblet li tilqa' lill-viżitaturi bi ħlas.[6]

Superjuri tal-patrijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Superjur tal-patrijiet attwali huwa l-105 superjur.

  1. ^ "redirigeme". www.mecd.gob.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-08-21.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Poblet Monastery". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-21.
  3. ^ a b Poblet, Monestir de. "Reial Monestir de Santa Maria de Poblet". Monestir de Poblet (bil-Katalan). Miġbur 2022-08-21.
  4. ^ Màrius Domingo & Antoni Borau, Muntanyes de Prades. Paisatge i fauna, Cossetania Editions, ISBN 84-89890-06-4.
  5. ^ a b Josep M. Sugranyes, De Reus a Prades i Poblet; A peu pels camins de la història, la llegenda i l’anècdota, Cossetania Editions, ISBN 84-89890-92-7.
  6. ^ Slessor, Catherine (2010-09-22). "Hospedería de Monastario de Poblet by Bayon Arquitectós, Catalonia, Spain" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-21.