[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

Lino Spiteri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Lino Spiteri
Ministru tal-Finanzi ta' Malta

29 Ottubru 1996 - 26 Marzu 1997
John Dalli - Leo Brincat (en) Translate
Ministru tal-Finanzi ta' Malta

20 Diċembru 1981 - 3 Settembru 1983
Ġużè Cassar - Wistin Abela
Ħajja
Twelid Ħal Qormi, 23 Settembru 1938
Nazzjonalità Malta
Mewt 14 Novembru 2014
Edukazzjoni
Alma mater St Peter's College (en) Translate
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kittieb
politiku
ġurnalist

Lino Spiteri (Ħal Qormi, 21 ta’ Settembru 1938 - 14 ta' Novembru 2014 ) kien ekonomista, politiku, opinjonista u kittieb Malti. Kien elett fil-Parlament ta’ 23 sena fl-1962 mal-Partit Laburista, u serva b’kollox għal 21 sena, sitta minnhom fil-kabinett, sa ma rtira mill-poliika fl-1998.

Studja fil-Liċeo ta’ Malta, u fl-Universitá ta’ Oxford, fejn iggradwa fil-Politika u l-Ekonomija.

Beda jikteb in-novelli minn kmieni, bl-ewwel waħda tiegħu, Raġel Kburi. Kiteb madwar 110 novelli, imsejsa f’realiżmu soċjali, b’madwar kwart minnhom ambjentati fil-qasam soċjo-politiku, ’il hinn mill-parteġġjaniżmu.

L-ewwel ġabra ta’ novelli mit-tmienja li ppubblika bejn l-1968 u l-2005 (waħda minnhom fantażiji bl-Ingliż) kienet Tad-Demm u l-Laħam u stejjer oħra. Fl-1970, ħareġ ġabra oħra bl-isem Ħala taż-Żgħożija. Ġabriet oħra huma Anatomija, Fejn jixrob il-qasab fis-sajf, u Mal-ħmura tas-silla.

L-iżjed ġabra għal qalbu kien jgħid li kienet Stejjer għal Valentina, fejn l-awtur, jiċċelebra l-ferħ tiegħu li hu nannu billi jkellem lin-neputijiet tiegħu bi stejjer dwar il-ħajja.

L-aktar ġabra riċenti (2005) hi Meta Jdellel il-Qamar.

Flimkien ma’ pubblikazzjonijiet oħra Spiteri ħareġ ukoll tliet ġabriet ta’ poeżija u rumanz soċjo-politiku, Rivoluzzjoni, do Minore, li jirreġistra l-ħasra u l-ħala tal-kwistjoni politiko-reliġjuża tas-Sittinijiet, li għal Spiteri kienu l-ewwel fażi tal-karriera politika tiegħu.

Fl-2005 ingħata l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għan-novelli u r-rumanzi.

Spiteri daħal fil-Parlament ta’ 23 sena fi żmien il-kwistjoni politiko-reliġjuża, u dam mill-1962 sal-1966. Wara li mar jistudja barra, fost ħwejjeġ ieħor mexxa l-Bank Ċentrali, reġa tela' fil-Parlament fl-1981 u baqa’ membru sa ma rtira mill-politika fl-1998. Tul il-21 sena li għamel fil-Parlament f’isem il-Partit Laburista kien ministru darbtejn, u serva b’kollox għal sitt snin.

Il-kriżi fil-Partit Laburista tal-1998

[immodifika | immodifika s-sors]

Spiteri jammetti li l-ikbar żball politiku li għamel kien dak li kkontesta l-elezzjoni tal-1996 minkejja li ma qabilx mal-pożizzjoni tal-partit Laburista favur it-tneħħija tal-VAT.F'intervista li ta fl-2007, qal: "Ħassejt li kieku tlaqt mill-partit qabel l-elezzjoni kienet issir iktar ħsara lill-MLP. Tista’ tgħidli li l-ħsara xorta waħda saret wara, tant li l-Gvern dam biss 22 xahar. Jista’ jkun ukoll. Iżda sal-lum għadni ma nistax nifhem kif il-maġġoranza li kellu l-MLP fl-1996 żvintat fix-xejn u saħansitra l-PN kabbar dik il-maġġoranza fl-1998. Alfred Sant kellu raġun jgħid li ma setax jiggverna b’Mintoff jorbotlu jdejh wara dahru. Iżda nħoss li t-timing tal-elezzjoni bikrija kien ħażin. Alfred kien konvint li seta jirbaħ dik l-elezzjoni għax ħass li bir-rabja li kien hemm kontra Mintoff fost il-Laburisti l-mument kien opportun biex tisfruttah. Nemmen li dak kien l-iktar kalkolu politiku żbaljat ta’ Alfred Sant... Nemmen li Mintoff ma ridx iwaqqa’ Gvern. Ried iġib sitwazzjoni fejn Alfred Sant iwarrab biex minfloku jmexxi xi ħaddieħor li kien ikollu maġġoranza Laburista garantita fil-Parlament. Iżda Mintoff ma sab lil ħadd jilgħablu l-logħba..."

Dak iż-żmien kienu ħafna li spekulaw dwar dan dan l-oġġettiv ta’ Mintoff u l-possibbiltà li Lino Spiteri jieħu post Sant fit-tmexxija tal-partit. Spiteri kien jgħid bla tlaqliq li probabbilment l-oġġettiv ta’ Mintoff kien li jħajjar lilu biex jieħu post Sant. “Mintoff kien bagħat għalija biex niltaqa’ miegħu. Ma kontx aċċettajt u ma nafx x’ried jgħidli iżda nista’ nobsor x’kien it-tir tiegħu. Dakinhar kont anki rrappurtajt lil Alfred Sant li l-Perit ried jiltaqa’ miegħi.”

L-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Laburista tal-1992

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Mejju 2000, Lino Spiteri allega li fl-elezzjoni għall-ħatra ta' mexxej ġdid tal-Partit fl-1992, Pawlu Muscat, sindku Laburista ta' Bormla, kien bagħbas fil-voti biex ma jitlax hu, tbagħbis li Spiteri qal, u anke Muscat qal, Alfred Sant ma kellux x'jaqsam miegħu u lanqas kien jaf bih. Muscat kien tressaq quddiem il-Bord ta' Viġilanza u Dixxiplina tal-Partit Laburista u rtira dak li kien qal.

Huwa jirrakkonta xi episodji tal-ħajja politika tiegħu fil-ktieb Jiena u għaddej fil-politika, li ħarġu fl-2007.

Ġurnaliżmu, Ekonomija u Finanzi

[immodifika | immodifika s-sors]

Oqsma li ħadem fihom ukoll b’mod paralleli huma dawk tal-ġurnaliżmu u ta’ l-ekonomija u l-finanzi. Għadu attiv f’dawn l-oqsma, fil-gazzetti bħala opinjonist b’kolonni regolari f’The Times u The Sunday Times, u fil-qasam ekonomiku bħala direttur fuq għadd ta’ bordijiet.

Meta kien Ministru tal-Kummerċ fis-snin 80 ta l-permess, kontra l-parir li ngħatalu minn diriġent fiċ-ċivil, biex Farsons ikun jista’ jdaħħal makkinarju iktar modern f’Malta biex jaħdem il-birra u jtejbilha l-kwalità. Spiteri kien issuġerixxa l-isem Easysell lil Tumas Fenech meta bena l-ewwel showroom tiegħu. Kien ukoll dak li ħareġ bl-ismijiet ta’ Mid-Med Bank, minflok l-ewwel suġġeriment ta’ Dom Mintoff li jkun Mid-Mediterranean Bank, u MV Pinto, vapur tas-Sea Malta li kien “varat fuq l-għatba ta’ forn” fi Triq Pinto f’Ħal Qormi.

Ħajja Personali

[immodifika | immodifika s-sors]

Spiteri kellu diżabiltà fiżika għax twieled bi driegħ wieħed iżda din kienet fattur importanti fl-għaġna tal-karattru assertiv u ‘ġellied’ tiegħu li anki għenu jkun indipendenti fiżikament u fil-ħsieb. “Kelli nirreżisti kemm-il darba għall-inkejja u t-tinbix tan-nies u allura sawwart karattru daqxejn supperv anki biex inpatti għall-mistħija. Iżda anki fuq livell fiżiku qatt ma bżajt nieqaf lil min ipprova jweġġagħni”, qal f'intervista fl-2007. “Inħobb nuża lili nnifsi bħala eżempju biex ninkoraġġixxi lil ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà ħalli jemmnu f’uliedhom bħalma emmnu fija l-ġenituri tiegħi li rabbewni indipendenti minkejja kollox.”

Fl-2008 Spiteri nghata Ġieħ ir-Repubblika u nħatar Kumpann tal-Ordni tal-Mertu.

Lino Spiteri iźźewweġ lil Vivienne neé Azzopardi fl-20 t’Awwissu, 1964 u kellhom erbat itfal, Noelle, Bertrand, Lara u Lincoln.

Fi stqarrija, l-Gvern Malti qal li pajjiżna tilef personaġġ importanti fil-qasam politiku, soċjali u letterarju. Il-mewt tal-eks Ministru Lino Spiteri iħalli sentiment ta’ sogħba u dieqa fost il-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu.

“Lino Spiteri se jibqa' mfakkar għall-impenn u d-dedikazzjoni tiegħu tul karriera politika twila li matulha ħadem bla distinzjoni partiġjana lejn min kien jagħti s-servizz. Kellu analiżi profonda tal-ġrajjiet kurrenti lokali u internazzjonali kif ukoll talent li ssarraf f'kitbiet kritiċi li ftit kien hawn bħalhom. Kien persuna qrib in-nies anke fil-kontribut volontarju tiegħu li fih dejjem ħaddan valuri soċjali. Lino Spiteri kien punt ta’ referenza li l-pajjiż se jħoss bil-kbir in-nuqqas tiegħu,” qal il-Gvern fi stqarrija.

Fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser lil Lino Spiteri bħala wieħed mill-aktar membri eżemplari li qatt kellha din il-Kamra għall-konsistenza li ta fil-ħajja pubblika u fil-Parlament. Muscat fisser lil Lino Spiteri bħala wieħed minn dawk in-nies importanti fil-familja politika li jmexxi hu, li rnexxielu jżewweġ il-ħsibijiet tad-dinja tan-negozju mal-prinċipji Soċjalisti demokratiċi. Fakkar ukoll fiż-żminijiet diffiċli tal-politika Maltija, meta baqa’ jemmen li dak li hu tajjeb għan-negozju jkun tajjeb ukoll għall-ġid tal-ħaddiema u tas-settur tax-xogħol filwaqt li qatt ma mar kontra l-ħsieb soċjalista demokratiku.

Fuq l-att politiku, jibqa’ msemmi bħala awtur tal-qasam tas-servizzi finanzjari f’pajjiżna u biex ikun hemm kunsens bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra meta beda jitwaqqaf dan is-settur tas-servizzi finanzjarji. Fisser dan il-kunsens bħala għodda importanti għall-iżvilupp li sar fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan hu wkoll qasam storiku fil-Parlament li dwaru l-Kamra dejjem ivvutat favur u mingħajr ħadd kontra.

Muscat qal li t-tmiem tal-politika ta’ Lino Spiteri ma kienx daqstant feliċi u rrimarka li kien spiċċa wkoll bil-banda mal-partit tiegħu, iżda baqa’ jżomm ir-rispett lejn l-elettorat. Fisser lil Lino Spiteri wkoll bħala bniedem rispettat minn kulħadd u fakkar fl-okkażjonijiet meta Lino Spiteri kien jagħmel kuntatt miegħu biex jinfurmah li kien se jikkritikah fl-analiżi li kien jikteb u jippubblika fil-ġurnali.

Il-Partit Nazzjonalista permezz ta' stqarrija sellem il-memorja tal-eks Ministru Lino Spiteri u rringrazzjah tal-kontribut tiegħu fl-isfera politika Maltija.

“Lino Spiteri żgur li jibqa' mfakkar għal snin twal iservi fil-Parlament Malti jirrapreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi. L-eks Ministru baqa' jagħti l-kontribut lis-socjetà Maltija b'kitba fuq temi varji, fosthom anke l-politika. Speċjalizzat fis-settur ekonomiku, Spiteri serva wkoll bħala Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta. Il-Partit Nazzjonalista jwassal il-kondoljanzi lill-familja Spiteri f'dan il-mument diffiċli,” qal il-PN fi stqarrija.

Ħoloq Esterni

[immodifika | immodifika s-sors]