[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

Linji ta' Nazca

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ġeoglifiku ta' xadina

Il-Linji ta' Nazca (pronunzjata: /ˈnæzkɑː/) huma grupp ta' ġeoglifiċi magħmula fil-ħamrija tad-Deżert ta' Nazca fin-Nofsinhar tal-Perù.[1] Inħolqu bejn il-500 Q.K. u l-500 W.K. permezz ta' tħaffir fil-baxx jew tħażżiż fid-deżert, u bit-tneħħija tal-ġebel żgħir biex il-ħamrija b'kulur differenti tiġi esposta. Hemm żewġ fażijiet ewlenin tal-Linji ta' Nazca, il-fażi ta' Paracas, mill-400 sal-200 Q.K., u l-fażi ta' Nazca, mill-200 Q.K. sal-500 W.K.[2] Fis-snin ta' qabel l-2020, instabu bejn 80 u 100 figura ġdida bl-użu tad-droni, u l-arkeologi jemmnu li għad fadal iktar x'jinstabu.[3]

Il-biċċa l-kbira tal-linji huma linji dritti tul il-pajsaġġ, iżda hemm ukoll disinni figurattivi ta' annimali u ta' pjanti. Id-disinni ġeoglifiċi figurattivi individwali huma kbar bejn 400 u 1,100 metru. It-tul ikkombinat tal-linji kollha huwa iktar minn 1,300 kilometru (800 mil), u l-grupp ta' linji jkopri erja ta' madwar 50 km2 (19-il mil kwadru). Il-linji tipikament huma fondi 10 ċentimetri sa 15-il ċentimetru (4–6 pulzieri). Dawn saru bit-tneħħija tas-saff ta' fuq ta' ġebel żgħir kannella fl-aħmar miksi bl-ossidu tal-ħadid u taħthom ġie espost saff griż fl-isfar. Il-wisa' tal-linji jvarja b'mod konsiderevoli, iżda iktar minn nofshom huma wesgħin kemxejn iktar minn 33 ċentimetru (13-il pulzier).[4] F'xi postijiet jaf ikunu wesgħin xi 30 ċentimetru biss, u f'oħrajn ilaħħqu wisa' ta' 1.8 metru (6 piedi).[1]

Uħud mil-Linji ta' Nazca jiffurmaw għamliet li l-aħjar li tarahom mill-ajru (f'għoli ta' madwar 500 metru [1,600 pied]), għalkemm huma viżibbli wkoll mill-għoljiet tal-madwar u minn postijiet għoljin oħra.[5][6][7] L-għamliet normalment ikunu ffurmati minn linja kontinwa waħda. L-ikbar ġeoglifiċi huma twal madwar 370 metru. Minħabba li jinsabu f'promontorju iżolat, niexef, bla riħ u bi klima stabbli, il-linji fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew ippreservati b'mod naturali. Bidliet estremament rari fit-temp jaf jalteraw temporanjament id-disinni ġenerali. Mill-2012, jingħad li l-linji bdew jiddeterjoraw minħabba influss ta' nies li bdew jokkupaw l-artijiet tal-madwar.[8]

Il-kumplessità tal-figuri tvarja. Mijiet minnhom huma linji sempliċi u għamliet ġeometriċi; iżjed minn 70 disinn żoomorfiku, inkluż kolibrì, brimba, ħuta, kondor, agrett, xadina, gremxula, kelb, qattus, u bniedem. Għamliet oħra jinkludu siġar u fjuri. L-istudjużi ma jaqblux fl-interpretazzjoni tal-iskop tad-disinni, iżda inġenerali, jehmżulhom tifsira reliġjuża.[9][10][11][12] Fl-1994 ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Il-promontorju għoli u niexef jestendi għal iktar minn 80 kilometru (50 mil) bejn l-irħula ta' Nazca u Palpa fuq il-Pampas de Jumana, madwar 400 kilometru (250 mil) fin-Nofsinhar ta' Lima. It-triq prinċipali PE-1S Panamericana Sur tgħaddi b'mod parallel mal-promontorju. Il-konċentrazzjoni ewlenija tad-disinni qegħdin f'rettangolu ta' 10 km b'4 km (6 mil b'2 mili), fin-Nofsinhar tal-villaġġ ta' San Miguel de la Pascana. F'din iż-żona hemm l-iżjed ġeoglifiċi notevoli.

Skoperta mill-ġdid

[immodifika | immodifika s-sors]
Immaġni satellitari SPOT tal-Linji ta' Nazca

L-ewwel darba li ssemmew il-Linji ta' Nazca f'pubblikazzjoni kien fl-1553 fil-ktieb ta' Pedro Cieza de León, u ddeskrivihom bħala markaturi tal-mogħdijiet.[13]

Fl-1569, Luis Monzón irrapporta li kien ra toroq antiki f'Perù, inkluż il-fdalijiet ta' "toroq".[14]

Għalkemm il-linji kienu parzjalment viżibbli mill-għoljiet fil-qrib, l-ewwel li rrapportawhom fis-seklu 20 kienu l-militar tal-Perù u l-bdoti ċivili. Fl-1927 l-arkeologu Peruvjan Toribio Mejía Xesspe lemaħhom meta kien qed jimxi fl-għoljiet tal-madwar. Huwa ddiskutihom f'konferenza f'Lima fl-1939.[15]

Paul Kosok, storiku Amerikan mil-Long Island University fi New York, ġie akkreditat bħala l-ewwel studjuż li studja l-Linja ta' Nazca fid-dettall. Meta kien fil-Perù fl-1940-1941 biex jistudja sistemi antiki tat-tisqija, huwa tar fuq il-linji u rrealizza li waħda minnhom kellha l-għamla ta' għasfur. Osservazzjoni oħra b'ċikka għenitu jara kif kien ikun hemm konverġenza bejn il-linji u x-xefaq fis-solstizju tax-xitwa fl-Emisferu tan-Nofsinhar. Huwa beda jistudja kif il-linji setgħu nħolqu, u pprova wkoll jiddetermina l-iskop tagħhom. Miegħu ngħaqdu l-arkeologu Richard P. Schaedel mill-Istati Uniti, u Maria Reiche, matematika u arkeologa Ġermaniża minn Lima, biex jippruvaw jiddeterminaw l-iskop tal-Linji ta' Nazca. Huma pproponew li l-figuri ġew iddisinjati bħala markaturi astronomiċi fuq ix-xefaq biex juru fejn ix-xemx u korpi ċelesti oħra kienu jidhru f'dati sinifikanti. L-arkeologi, l-istoriċi u l-matematiċi lkoll ippruvaw jiddeterminaw l-iskop tal-linji.[16]

Li jiġi stabbilit kif saru kien eħfef milli li jiġi stabbilit għaliex saru. L-istudjużi ħarġu bit-teorija li n-nies ta' Nazca setgħu użaw għodod sempliċi u tagħmir tal-istħarriġ biex joħolqu l-linji. Permezz ta' stħarriġiet arkeoloġiċi nstabu biċċiet tal-injam fl-art fi tmiem uħud mil-linji, li jappoġġaw din it-teorija. Biċċa injam minnhom saritilha d-datazzjoni tal-karbonju u kienet il-bażi biex tiġi stabbilita l-età tal-kumpless ta' disinni.

Joe Nickell, investigatur Amerikan tal-affarijiet paranormali, tal-artefatti reliġjużi u tal-misteri folkloristiċi, irriproduċa l-figuri fil-bidu tas-seklu 21 billi uża l-istess għodod u l-istess teknoloġija li kienet disponibbli għan-nies ta' Nazca. B'hekk, irrifjuta l-ipoteżi tal-1969 ta' Erich von Däniken, li kienet tissuġġerixxi li "astronawti tal-qedem" kienu ħolqu dawn il-linji. Scientific American ikkaratterizzat ix-xogħol ta' Nickell bħala "notevoli fir-reqqa tiegħu" meta mqabbel mal-linji eżistenti.[17][18] Permezz ta' ppjanar bir-reqqa u teknoloġiji sempliċi, Nickell wera li tim żgħir ta' nies setgħu jerġgħu joħolqu anke l-ikbar figuri fi żmien jiem, mingħajr l-ebda assistenza mill-ajru.[19]

Il-biċċa l-kbira tal-linji ġew iffurmati mal-art permezz ta' trunċiera baxxa, b'fond ta' 10-15-il ċentimetri/u (4-6 pulzieri). Trunċieri simili kienu jsiru bit-tneħħija għal parti mid-disinn, tal-ġebel żgħir kannella fl-aħmar miksi bl-ossidu tal-ħadid f'wiċċ id-Deżert ta' Nazca. Meta dan iż-żrar jitneħħa, taħtu l-kulur tal-art f'qiegħ it-trunċiera jkun kannella ċar kulur it-tafal u dan joħloq kuntrast qawwi bħala kulur u tonalità mas-superfiċe tal-art tal-madwar, u b'hekk jiġu prodotti linji viżibbli. Dan is-sottosaff fih ammonti kbar ta' ossidu tal-kalċju. Bl-indewwa tan-nida ta' filgħodu, dan jibbies u jifforma saff protettiv li jipproteġi l-linji mir-riħ, u b'hekk jevita l-erożjoni.[20]

Ġeoglifiku tal-kolibrì

In-nies ta' Nazca użaw din it-teknika biex "ipinġu" diversi mijiet ta' figuri kurvilineari sempliċi, iżda enormi, ta' annimali u ta' bnedmin. B'kollox, il-proġett fuq l-art huwa wieħed enormi u kumpless: l-erja fejn hemm il-linji hija kważi 450 km2 (170 mil kwadru), u l-ikbar figuri fihom tul ta' kważi 370 metru (1,200 pied). Uħud mill-figuri ġew imkejla: il-kolibrì twil 93 metru (305 pied), il-kondor twil 134 metru (440 pied), ix-xadina hija 93 metru bi 58 metru (305 piedi b'190 pied), u l-brimba twila 47 metru (154 pied). Il-klima niexfa ħafna, bla riħ, u kostanti tar-reġjun ta' Nazca ppreservat il-linji sew. Dan id-deżert huwa wieħed mill-iżjed nexfin fid-Dinja u jkollu temperatura ta' kważi 25 °C (77 °F) matul is-sena kollha. In-nuqqas ta' riħ għen biex il-linji ma jitgħattewx u jibqgħu viżibbli.

L-iskoperta ta' żewġ figuri żgħar oħra tħabbret fil-bidu tal-2011 minn tim Ġappuniż mill-Università ta' Yamagata. Waħda minnhom tixbah ras ta' bniedem u tmur lura għall-perjodu bikri tal-kultura ta' Nazca jew qabel. Oħra, mhux datata, hija ta' annimal. It-tim ilu jwettaq xogħol fil-post hemmhekk mill-2006, u sal-2012 sab madwar 100 ġeoglifiċi ġodda.[21] F'Marzu 2012, l-università ħabbret li kienet se tiftaħ ċentru ġdid tar-riċerka fis-sit f'Settembru 2012, b'rabta mal-proġett fit-tul biex iż-żona tiġi studjata fuq medda tal-15-il sena ta' wara.[22]

Artiklu ta' Ġunju 2019 fir-rivista Smithsonian iddeskriva x-xogħol reċenti ta' tim multidixxiplinari ta' riċerkaturi Ġappuniżi li identifikaw/identifikaw mill-ġdid uħud mil-linji ta' għasafar.[23] Huma jinnutaw li l-għasafar huma l-iżjed annimali rikorrenti fil-ġeoglifiċi ta' Nazca. It-tim jemmen li wħud mill-figuri tal-għasafar li riċerkaturi preċedenti assumew li kienu speċijiet indiġeni, jixbhu iktar lil għasafar eżotiċi li jgħixu f'ħabitats mhux ta' deżert. Huma spekulaw li "r-raġuni li saru ġeoglifiċi ta' għasafar eżotiċi minflok ta' għasafar indiġeni hija marbuta mill-qrib mal-iskop tal-proċess ta' inċiżjoni/tħażżiż mal-art".[24]

L-iskoperta ta' 143 ġeoglifiku ġdid fil-Pampa ta' Nazca u fl-inħawi tal-madwar tħabbret fl-2019 mill-Università ta' Yamagata mill-IBM Ġappun.[25] Wieħed minnhom instab bl-użu ta' metodi bil-makkinarji bbażati fuq l-apprendiment.[26]

Fl-2020 ġew skoperti linji fuq għolja li jiffurmaw l-għamla ta' qattus. Il-figura tinsab fuq xaqliba wieqfa esposta għall-erożjoni, u dan jispjega għaliex qabel ma kinitix ġiet skoperta sa meta l-arkeologi ma studjawx l-immaġni bir-reqqa.[27][28] Bis-saħħa tad-droni qed jiġu żvelati siti oħra għal riċerka ulterjuri.[29]

Immaġni satellitari tal-Linji ta' Nazca (koordinati: 14°43′S 75°08′W)

L-antropologi, l-etnologi, u l-arkeologi studjaw il-kultura antika ta' Nazca biex jippruvaw jiddeterminaw l-iskop tal-linji u tal-figuri. Ipoteżi minnhom issostni li n-nies ta' Nazca ħolquhom biex ikunu jistgħu jarawhom l-allat fis-sema.

Paul Kosok u Maria Reiche sostnew li hemm skop marbut mal-astronomija u mal-kożmoloġija, xi ħaġa komuni f'monumenti ta' kulturi oħra tal-qedem: il-linji kienu maħsuba bħala xi tip ta' osservatorju, biex jindikaw postijiet fuq ix-xefaq 'il bogħod fejn kienu jidhru x-xemx u korpi ċelesti oħra jew stabbiliti fejn ikun hemm is-solstizji. Bosta kulturi indiġeni preistoriċi fl-Amerki u f'inħawi oħra ħolqu dawn l-opri fuq l-art li kienu jikkollegaw l-osservazzjonijiet astronomiċi mal-kożmoloġija reliġjuża tagħhom, kif għamlet il-kultura ta' Mississippi f'Cahokia u f'siti oħra fl-Istati Uniti. Eżempju ieħor huwa Stonehenge fl-Ingilterra. F'Newgrange, l-Irlanda, hemm oqbra orjentati b'tali mod li d-dawl jidħol fis-solstizju tax-xitwa.

Gerald Hawkins u Anthony Aveni, esperti fl-arkeoastronomija, ikkonkludew fl-1990 li l-evidenza ma kinitx biżżejjed biex tappoġġa spjegazzjoni astronomika simili.[30]

Maria Reiche sostniet li wħud mill-figuri jew kollha kemm huma kienu jirrappreżentaw kostellazzjonijiet. Sal-1998, Phyllis B. Pitluga, kollega ta' Reiche u astronomu mlaħħqa fil-Planetarju ta' Adler f'Chicago, ikkonkludiet li l-figuri tal-annimali kienu "rappreżentazzjonijiet ta' għamliet tas-smewwiet". Skont The New York Times, Pitluga "ssostni li mhumiex għamliet ta' kostellazzjonijiet, iżda ta' kontrokostellazzjonijiet, jiġifieri l-irqajja' skuri b'għamliet irregolari fi ħdan il-kobor tat-Triq ta' Sant'Anna". Anthony Aveni kkritika x-xogħol tagħha peress li ma indirizzatx id-dettalji kollha.[31]

Alberto Rossell Castro (1977) ippropona interpretazzjoni multifunzjonali tal-ġeoglifiċi. Huwa kklassifikahom fi tliet gruppi: l-ewwel huma qishom mogħdijiet li jikkollegaw il-mod kif kienu jitqassmu l-għelieqi u kif kienet tiġi organizzata t-tisqija, it-tieni huma qishom mnanar ikkollegati b'tumbati tat-tajn u taż-żrar, u t-tielet huma kkollegati ma' interpretazzjonijiet astronomiċi.[32]

FL-1985, l-arkeologu Johan Reinhard ippubblika d-data arkeoloġika, etnografika u storika li turi li l-qima tal-muntanji u ta' sorsi oħra tal-ilma kienet u għadha predominanti fir-reliġjon u fl-ekonomija tan-nies ta' Nazca fil-qedem u fiż-żminijiet reċenti. Huwa ħareġ bit-teorija li l-linji u l-figuri kienu parti minn prattiki reliġjużi li kienu jinvolvu l-qima ta' allat assoċjati mad-disponibbiltà tal-ilma, li kienet relatata direttament mas-suċċess u mal-produttività tal-għelejjel. Huwa interpreta l-linji bħala mogħdijiet sagri li jwasslu għal postijiet fejn dawn l-allat setgħu jiġu meqjuma. Il-figuri kienu simboli li jirrappreżentaw annimali u oġġetti li kienu maħsuba biex jinvokaw l-għajnuna tal-allat fil-provvista tal-ilma. It-tifsiriet preċiżi ta' bosta mill-ġeoglifiċi individwali għadhom mhux magħrufa.

Henri Stierlin, storiku tal-arti Żvizzeru li jispeċjalizza fl-Eġittu u fil-Lvant Nofsani, ippubblika ktieb fl-1983 fejn ikkollega l-Linji ta' Nazca mal-produzzjoni ta' tessuti antiki li l-arkeologi sabu għat-tgeżwir tal-mumji tal-kultura ta' Paracas. Huwa sostna li n-nies setgħu użaw il-linji bħala magni tal-insiġ primittivi kbar biex joħolqu ħjut estremament twal u biċċiet wesgħin ta' tessuti tipiċi taż-żona. Skont it-teorija tiegħu, il-mudelli figurattivi (iżgħar u inqas komuni) kienu maħsuba biss għal skopijiet ta' ritwali. Din it-teorija mhix aċċettata b'mod wiesa', għalkemm l-istudjużi nnotaw mudelli simili fit-tessuti u fil-Linji ta' Nazca. Jinterpretaw li dawn is-similarijiet nibtu minn kultura komuni.

L-ewwel studju sistematiku fil-post tal-ġeoglifiċi sar minn Markus Reindel u Johny Cuadrado Island. Mill-1996 huma ddokumentaw u skavaw iktar minn 650 sit. Huma qabblu l-ikonografija tal-linji mal-bċejjeċ taċ-ċeramika tal-kulturi. Bħala arkeologi, huma tal-fehma li l-motivi figurattivi tal-ġeoglifiċi saru bejn is-600 u l-200 Q.K.

Abbażi tar-riżultati tal-investigazzjonijiet ġeofiżiċi u l-osservazzjoni tal-konfigurazzjoni ġeoloġika, David Johnson argumenta li xi ġeoglifiċi kienu jsegwu l-mogħdijiet ta' akwifers li minnhom kien hemm akkwedotti (jew puquios) li kienu jiġbru l-ilma.[33]

Ġeoglifiku ta' brima

Nicola Masini u Giuseppe Orefici wettqu riċerka f'Pampa de Atarco, madwar 10 kilometri (6 mili) fin-Nofsinhar ta' Pampa de Nasca, li huma jemmnu li tiżvela rabta spazjali, funzjonali u reliġjuża bejn dawn il-ġeoglifiċi u t-tempji ta' Cahuachi. B'mod partikolari, bl-użu ta' tekniki ta' sensuri remoti (satellitari jew abbażi tad-droni), huma investigaw u sabu "ħames gruppi ta' ġeoglifiċi, kull wieħed ikkaratterizzat minn motiv speċifiku u għamla speċifika, u assoċjat ma' funzjoni distinta".[34] Huma identifikaw wieħed ċerimonjali, ikkaratterizzat minn motivi jduru. Ieħor huwa relatat ma' skop ta' kalendarju, kif intwera bil-preżenza ta' ċentri radjali allinjati rul id-direzzjonijiet tas-solstizju tax-xitwa u l-ekwinozju ta' nżul ix-xemx. Bħal studjużi oħra qabilhom, iż-żewġ Taljani kienu jemmnu li l-ġeoglifiċi kienu postijiet fejn kienu jsiru avvenimenti marbuta mal-kalendarju agrikolu. Dawn servew ukoll għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali fost diversi gruppi ta' pellegrini li kellhom missirijiet u twemminn reliġjuż komuni.[35]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Linji u l-Ġeoglifiċi ta' Nazca u ta' Palpa ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Spjegazzjonijiet alternattivi

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġeoglifiku tal-"Ġgant"

Teoriji oħra kienu li l-linji ġeometriċi setgħu jindikaw il-fluss tal-ilma jew l-iskemi tat-tisqija, jew inkella kienu parti minn ritwali biex "isejħu" għall-ilma. Il-brimb, l-għasafar u l-pjanti jaf huma simboli tal-fertilità. Teorija oħra hija li l-linji setgħu jintużaw bħala kalendarju astronomiku.[36]

Phyllis Pitluga, astronomu mlaħħqa fil-Planetarju ta' Adler u kollega ta' Reiche, wettqet studji bl-għajnuna tal-kompjuter tal-allinjamenti tal-istilel. Hija kienet tal-fehma li l-figura tal-brimba l-kbira hija dijagramma anamorfika tal-kostellazzjoni ta' Orion. Barra minn hekk issuġġeriet li tlieta mil-linji dritti li jwasslu sal-figura kienu jintużaw biex jiġu kkalkulati d-deklinazzjonijiet dejjem jinbidlu tat-tliet stilel taċ-Ċintorin ta' Orion. F'kritika tal-analiżi tagħha, Dr. Anthony F. Aveni nnota li ma kinitx qieset it-12-il linja l-oħra tal-figura.

Huwa kkummenta b'mod ġenerali fuq il-konklużjonijiet tagħha u qal:

Verament kienet diffiċli għalija li nsib evidenza tajba li tappoġġa dak li sostniet. Pitluga qatt ma spjegat il-kriterji għall-għażla tal-linji li għażlet li tkejjel, u lanqas ma tat wisq kas lid-data arkeoloġika li Clarkson u Silverman kienu żvelaw. Ix-xogħol tagħha ma tantx ta kas informazzjoni oħra dwar il-kulturi kostali, għajr għall-applikazzjoni, b'kontorsjonijiet sottili, tar-rappreżentazzjonijiet tal-kostellazzjonijiet ta' Urton minn art iktar għolja. Kif setgħet staqsiet l-istoriku Jacquetta Hawkes: kienet qed tikseb il-"pampa" li riedet?[37]

Għajdut dwar l-influwenza tal-aljeni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kittieb Żvizzeru, Erich von Daniken, kien affaxxinat minn Nazca u kien jemmen ferm fiż-żjarat ekstraterrestri. Von Daniken jikteb dwar it-twemmin tiegħu rigward siti arkeoloġiċi bħall-Piramidi Eġizzjani, Stonehenge, u Rapa Nui, u kif huma kkollegati mal-ekstraterrestri. Spiss jispjega l-oriġini tar-reliġjonijiet bħala reazzjonijiet tal-popli tal-qedem kull meta ġew f'kuntatt ma' razza aljena. Von Daniken ippubblika ktieb best-seller li jismu "Chariots of the Gods?" (Karrijiet tal-Allat?) fl-1968. F'dan il-ktieb jiddeskrivi t-teorija tiegħu li dawn il-linji misterjużi effettivament kienu jintużaw bħala siti ta' nżul għall-Oġġetti Mhux Identifikati (UFOs). Huwa ħareġ bit-teorija li l-għamliet u l-linji saru mill-aljeni u nħolqu għall-ikkwartjar u għall-inżul tal-vetturi spazjali tal-aljeni. Von Daniken sostna li l-mudelli f'dan is-sit kienu simili ħafna għal ajruport modern u li l-aljeni kienu jużaw din iż-żona għall-inżul tal-vetturi spazjali tagħhom. Daniken kien tal-fehma li s-sit tal-Linji ta' Nazca kien mimli sinjali ta' żjarat ta' astronawti minn dinjiet oħra, li saru l-ħallieqa taċ-ċivilizzazzjonijiet tal-qedem. Skont Von Daniken, il-letteratura Sanskrita tiddeskrivi ġrajja fejn inġenju tal-ajru niżel fid-Dinja, u n-nies tal-post ħarsu mistagħġba lejn "ħlejqiet qishom bnedmin bil-ġilda tleqq lewn id-deheb" li mexew, ħaffru għall-metalli u mbagħad taru lura fil-vettura spazjali tagħhom. Dawn l-astronawti tal-qedem jingħad li ma damux ma rritornaw fejn bnew il-postijiet tal-inżul u mbagħad telqu għal dejjem. L-Amerikani indiġeni mistagħġba kkunsidraw lil Nazca bħala post ta' pellegrinaġġ u ġenerazzjonijiet sħaħ tal-popli tagħhom ħolqu figuri u linji bħala sinjal biex l-allat jirritornaw, iżda dan qatt ma seħħ. Teorija oħra ta' Erich von Daniken dwar Nazca kienet li l-figuri, li huwa assuma li kienu astronawti, li nstabu fuq il-bċejjeċ tat-tafal tal-kultura ta' Nazca, kienu "allat itiru" li kienu qed iżuru minn dinjiet oħra. Ma tantx jaħsibha darbtejn biex jiskarta u jirrifjuta x-xogħol ta' xjenzati li studjaw il-Linji ta' Nazca; ir-riċerka tagħhom bl-użu ta' testijiet tar-radjokarbonju għad-datazzjoni tal-figuri, l-analiżijiet tagħhom tal-bċejjeċ taċ-ċeramika f'diversi siti, u l-istudji bir-reqqa tagħhom tat-twemmin reliġjuż tal-Amerikani Indiġeni.

Fiż-żmien meta Erich von Daniken ippubblika "Chariots of the Gods?", ix-xjenzati u l-arkeologi bħal Maria Reiche ddikjaraw li l-ideat tiegħu kienu assurdi u li għandhom jiġu skartati. Dawn ix-xjenzati u l-arkeologi rnexxielhom juru wkoll li l-linji setgħu saru bl-użu ta' għodod sempliċi li kienu disponibbli għan-nies ta' Nazca dak iż-żmien. Il-kotba ta' Erich von Daniken "Arrival of the Gods" u "Chariots of the Gods?" tqiesu li ma kellhom l-ebda kredibbiltà intellettwali jew mertu letterarju. Qabel ix-xogħol ta' Von Daniken, awturi oħra kienu ppreżentaw ideat ta' kuntatt ekstraterrestri ma' bnedmin tal-qedem, iżda hu ma semmiex lil dawn l-awturi, lanqas meta għamel stqarrijiet li kienu l-istess, anke bl-użu ta' evidenza identika jew simili. Minkejja dan, il-kotba ta' Von Daniken attiraw lejn is-sit eluf ta' viżitaturi u nies li emmnu l-kontenut tal-kotba.

Preservazzjoni u tħassib ambjentali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-konservazzjonisti li qed jagħmlu ħilithom biex jippreservaw il-Linji ta' Nazca huma mħassbin bit-tniġġis u bl-erożjoni kkawżati mid-deforestazzjoni fir-reġjun.

Il-Linji nfushom huma superfiċjali, huma fondi bejn 10 u 30 ċentimetri/u (4 sa 12-il pulzier(i)) u jistgħu jinqerdu... f'Nazca qajla tagħmel ix-xita. Iżda dan l-aħħar qed ikun hemm tibdil kbir fit-temp dinji. Il-Linji ma jistgħux jirreżistu xita qliel mingħajr ma ssirilhom il-ħsara. — Viktoria Nikitzki taċ-Ċentru ta' Maria Reiche[38]

Wara għargħar u ċedimenti tal-art bit-tajn fiż-żona f'nofs Frar 2007, Mario Olaechea Aquije, arkeologu residenti mill-Istitut Nazzjonali għall-Kultura tal-Perù, u tim ta' speċjalisti wettqu stħarriġ taż-żona. Huwa qal, "Iċ-ċedimenti tal-art bit-tajn u x-xita qliel milli jidher ma kkawżawx ħsara sinifikanti lil-Linji ta' Nazca". Huwa nnota li l-Awtostrada Pan-Amerikana tan-Nofsinhar ġarrbet ħsarat, u li "l-ħsara li ġarbbu t-toroq għandha sservi ta' tfakkira ta' kemm huma fraġli dawn il-figuri".[39]

Fl-2012, xi nies okkupaw l-art fiż-żona, u għamlu ħsara lil ċimiterju ta' żmien in-nies ta' Nazca minħabba li ħallew il-ħnieżer tagħhom jaċċessaw l-art.[40]

Fl-2013, makkinarju li jintuża f'barriera tal-ġebla tal-ġir ġie rrapportat li qered sezzjoni żgħira ta' linja, u kkawża l-ħsara f'oħra.[41]

F'Diċembru 2014 inqalgħet kontroversja li involviet l-attività ta' Greenpeace fis-sit, meta attivisti ta' Greenpeace għamlu strixxun fi ħdan il-linji ta' wieħed mill-ġeoglifiċi, u kkawżaw ħsara lis-sit.[42] Greenpeace ħarġet apoloġija wara li seħħ l-inċident, għalkemm wieħed mill-attivisti ġie kkundannat u mmultat għal għemilu.[43]

L-inċident ta' Greenpeace xeħet l-attenzjoni wkoll fuq ħsara li ġarrbu ġeoglifiċi oħra 'l barra miż-żona tas-Sit ta' Wirt Dinji fl-2012 u fl-2013 minn vetturi off-road tar-Rally ta' Dakar[44], li hija viżibbli permezz tal-immaġnijiet satellitari.[45]

F'Jannar 2018, sewwieq tat-trakkijiet li ħa żball u saq barra l-awtostrada u fuq il-linji ġie arrestat iżda mbagħad inħeles minħabba nuqqas ta' evidenza li tindika intenzjoni oħra għajr sempliċi żball. Huwa għamel ħsara lil tliet ġeoglifiċi billi ħalla marki tat-tajers sinifikanti f'żona ta' madwar 46 metru b'107 metri (150 pied bi 350 pied).[46]

Ġeoglifiċi ta' Palpas

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġeoglifiku ta' kondor

Il-kultura ta' Paracas titqies minn xi storiċi bħala l-prekursur possibbli li influwenza l-iżvilupp tal-Linji ta' Nazca. Fl-2018, id-droni użati mill-arkeologi żvelaw 25 ġeoglifiċi fil-provinċja ta' Palpa li ġew attribwiti lill-kultura ta' Paracas. Bosta minnhom huma iktar antiki mil-Linji ta' Nazca b'elf sena. Uħud juru differenza sinifikanti fis-suġġetti u fil-pożizzjonijiet, pereżempju wħud minnhom jinsabu mal-ġnub tal-għoljiet.[47] L-arkeologu Peruvjan Luis Jaime Castillo Butters li skoprihom jindika li ħafna minn dawn il-ġeoglifiċi ġodda jirrappreżentaw ġellieda. Il-Paracas huma l-istess grupp li wħud jemmnu li ħolqu l-ġeoglifiku famuż sew li huwa magħruf bħala l-Kandilabru ta' Paracas.[48]

Ġeoglifiċi taċ-Chincha

[immodifika | immodifika s-sors]

Iktar lejn it-Tramuntana mir-reġjun ta' Nazca u Palpas, u tul il-kosta Peruvjana ġew skoperti ġeoglifiċi oħra tal-kultura taċ-Chincha.[49]

  1. ^ a b Sebastian Dorsch; Jutta Vinzent (2017). SpatioTemporalities on the Line: Representations-Practices-Dynamics. Walter de Gruyter GmbH & Co KG. pp. 97–. ISBN 978-3-11-046578-5.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Lines and Geoglyphs of Nasca and Palpa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-01.
  3. ^ "Huge cat found etched into desert among Nazca Lines in Peru". the Guardian (bl-Ingliż). 2020-10-18. Miġbur 2022-07-01.
  4. ^ "Nasca Lines –- National Geographic". web.archive.org. 2019-09-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-09-28. Miġbur 2022-07-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Gardner's Art Through the Ages: Ancient, medieval, and non-European art. Harcourt Brace Jovanovich; 1991. ISBN 978-0-15-503770-0.
  6. ^ Hinman, Bonnie (2016).Mystery of the Nazca Lines. ABDO; ISBN 978-1-68077-242-5. p. 6.
  7. ^ Anthony F. Aveni (2000). Between the Lines: The Mystery of the Giant Ground Drawings of Ancient Nasca, Peru. University of Texas Press. ISBN 978-0-292-70496-1. p. 88.
  8. ^ "Pigs and squatters threaten Peru's Nazca lines" (bl-Ingliż). 2012-08-15. Miġbur 2022-07-01.
  9. ^ Helaine Selin (2013). Nature Across Cultures: Views of Nature and the Environment in Non-Western Cultures. Springer Science & Business Media; ISBN 978-94-017-0149-5. p. 286.
  10. ^ Richard A. Freund (2016). Digging Through History: Archaeology and Religion from Atlantis to the Holocaust. Rowman & Littlefield. ISBN 978-1-4422-0883-4. p. 22.
  11. ^ Mary Strong (2012). Art, Nature, and Religion in the Central Andes: Themes and Variations from Prehistory to the Present. University of Texas Press. ISBN 978-0-292-73571-2. p. 33.
  12. ^ Religion and the Environment. Palgrave Macmillan UK; 2016. ISBN 978-0-230-28634-4. p. 110.
  13. ^ "La Chronica del Peru - p. 149".
  14. ^ Luis Monzón (1586) "Descripcion de la tierra del repartimiento de los rucanas antamarcas de la corona real, jurisdicion de la ciudad de Guamanga. año de 1586." in: Marcos Jiménez de la Espada, ed., Relaciones geográficas de Indias: Peru, volume 1 (Madrid, Spanja: Manuel G. Hernandez, 1881), p. 21.
  15. ^ Mejía Xesspe, Toribio (1939) "Acueductos y caminos antiguos de la hoya del Río Grande de Nazca" (Aqueducts and ancient roads of the Rio Grand valley in Nazca), Actas y Trabajos Cientificos del 27 Congreso Internacional de Americanistas (Proceedings and scientific works of the 27th international congress of American anthropologists), 1: 559–569.
  16. ^ Cline, Eric H. Three Stones Make a Wall: The Story of Archaeology. Princeton University Press. p. 292. ISBN 978-0-691-18425-8.
  17. ^ von Däniken, Erich (1969). Chariots of the Gods? (1989 ed.). Londra: Souvenir Press, Ltd. pp. 30–32. ISBN 978-0-285-62911-0.
  18. ^ Nickell, Joe (2005). Unsolved History: Investigating Mysteries of the Past, The University Press of Kentucky ISBN 978-0-8131-9137-9, pp. 13-16.
  19. ^ "Hall of Maat - Grounding the Nasca Balloon". web.archive.org. 2013-10-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-10-08. Miġbur 2022-07-02.
  20. ^ Dunn, Jon (24 June 2021). The Glitter in the Green: In Search of Hummingbirds. Bloomsbury Publishing. ISBN 978-1-5266-1311-0.
  21. ^ "Team finds more Peru geoglyphs | The Japan Times Online". web.archive.org. 2012-07-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-07-15. Miġbur 2022-07-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  22. ^ "University to open center at Nazca Lines | The Japan Times Online". web.archive.org. 2012-03-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-26. Miġbur 2022-07-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  23. ^ Magazine, Smithsonian; Solly, Meilan. "Scientists Identify Exotic Birds Depicted in Peru's Mysterious Nazca Lines". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-02.
  24. ^ Eda, Masaki; Yamasaki, Takeshi; Sakai, Masato (20 June 2019). "Identifying the bird figures of the Nasca pampas: An ornithological perspective". Journal of Archaeological Science: Reports. 26 (August 2019): 101875.
  25. ^ "143 New Geoglyphs Discovered on the Nasca Pampa and Surrounding Area - News & Events - News - YAMAGATA UNIVERSITY". www.yamagata-u.ac.jp. Miġbur 2022-07-02.
  26. ^ Vincent, James (2019-11-19). "AI helps discover new geoglyph in the Nazca Lines". The Verge (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-02.
  27. ^ "Large 2,000-year-old cat discovered in Peru's Nazca lines" (bl-Ingliż). 2020-10-18. Miġbur 2022-07-02.
  28. ^ "Huge cat found etched into desert among Nazca Lines in Peru". the Guardian (bl-Ingliż). 2020-10-18. Miġbur 2022-07-02.
  29. ^ "Scratching the surface: drones cast new light on mystery of Nazca Lines". the Guardian (bl-Ingliż). 2020-05-24. Miġbur 2022-07-02.
  30. ^ Cameron, Ian (1990). Kingdom of the Sun God: A History of the Andes and Their People. New York: Facts on File. p. 46. ISBN 0-8160-2581-9.
  31. ^ Jr, Robert Mcg Thomas (1998-06-15). "Maria Reiche, 95, Keeper of an Ancient Peruvian Puzzle, Dies" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-02.
  32. ^ Rossel Castro, Albert (1977) Arqueología Sur del Perú, Lima: Editorial Universo.
  33. ^ Johnson, David W.; Proulx, Donald A.; Mabee, Stephen B. (2002). "The Correlation Between Geoglyphs and Subterranean Water Resources in the Río Grande de Nazca Drainage". Andean Archaeology II. pp. 307–332.
  34. ^ Masini, Nicola; Lasaponara, Rosa (Jannar 2020). "Satellite and close range analysis for the surveillance and knowledge improvement of the Nasca geoglyphs". Remote Sensing of Environment. 236: 111447.
  35. ^ Masini, Nicola; Orefici, Giuseppe; Danese, Maria; Pecci, Antonio; Scavone, Manuela; Lasaponara, Rosa (2016). "Cahuachi and Pampa de Atarco: Towards Greater Comprehension of Nasca Geoglyphs". The Ancient Nasca World. pp. 239–278.
  36. ^ Brown, Cynthia Stokes (2007). Big History. New York: The New Press. p. 167. ISBN 978-1-59558-196-9.
  37. ^ Aveni, Anthony F. (2006). Between the Lines: The Mystery of the Giant Ground Drawings of Ancient Nasca, Peru . Austin, Texas: University of Texas Press. ISBN 0-292-70496-8, p. 205.
  38. ^ "Flooding and tourism threaten Peru's mysterious Nazca Lines | Ghostarchive". ghostarchive.org. Miġbur 2022-07-02.
  39. ^ "Living in Peru » News » Peru: Nazca Lines escape mudslides". web.archive.org. 2010-08-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-08-22. Miġbur 2022-07-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  40. ^ "Pigs and squatters threaten Peru's Nazca lines" (bl-Ingliż). 2012-08-17. Miġbur 2022-07-02.
  41. ^ "Peru: Heavy machinery destroys Nazca lines - Peru this Week". web.archive.org. 2013-07-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-07-29. Miġbur 2022-07-02.
  42. ^ "Greenpeace sorry for Nazca lines stunt in Peru" (bl-Ingliż). 2014-12-11. Miġbur 2022-07-02.
  43. ^ "Chile News | Breaking News, Views, Analysis is under construction". santiagotimes.cl. Miġbur 2022-07-02.
  44. ^ Kozak, Ryan Dube and Robert (2014-12-29). "Peruvians Spar Over Protecting Ancient Sites" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-02.
  45. ^ Hesse, Ralf (Marzu 2015). "Combining Structure-from-Motion with high and intermediate resolution satellite images to document threats to archaeological heritage in arid environments". Journal of Cultural Heritage. 16 (2): 192–201.
  46. ^ "A truck driver inexplicably plowed over a 2,000-year-old site in Peru, damaging the designs" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-02.
  47. ^ "Exclusive: New Nasca Lines Discovered in Peru". web.archive.org. 2019-08-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-08-05. Miġbur 2022-07-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  48. ^ "Archaeologists discover new geoglyphs near Nazca Lines in Peru" (bl-Ingliż). 2018-05-29. Miġbur 2022-07-02.
  49. ^ Stanish, Charles; Tantaleán, Henry; Nigra, Benjamin T.; Griffin, Laura. "A 2,300-year-old architectural and astronomical complex in the Chincha Valley, Peru". Proceedings of the National Academy of Sciences. 111 (20): 7218–7223.