[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/Aqbeż għall-kontentut

Diego Maradona

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Diego Maradona

Diego Maradona wara r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tal-1986
Informazzjoni personali
Isem sħiħDiego Armando Maradona
Twelid30 ta' Ottubru 1960(1960-10-30)
Lanús, Arġentina
Mewt25 ta' Novembru 2020 (60 sena)
Dique Luján, Arġentina
Tul1.65 m
RwolMidfilder offensiv, attakkant
Mixtliet
1969–1976Argentinos Juniors
Karriera professjonali
SninKlabb
1976–1981Argentinos Juniors
1981–1982Boca Juniors
1982–1984Barcelona
1984–1991Napoli
1992–1993Sevilla
1993–1994Newell's Old Boys
1995–1997Boca Juniors
Tim nazzjonali
1977–1994Arġentina
Timijiet ikkowċjati
1994Deportivo Mandiyú
1995Racing Club
2008–2010Arġentina
2011–2012Al-Wasl
2017–2018Fujairah
2018–2019Dorados de Sinaloa
2019–2020Gimnasia de La Plata

Diego Armando Maradona (twieled fit-30 ta' Ottubru 1960 – miet fil-25 ta' Novembru 2020) kien plejer u kowċ tal-futbol Arġentin. Rikonoxxut fost l-aqwa plejers fl-istorja tal-isport, Maradona jibqa' magħruf għall-viżjoni, it-teknika, it-tqassim u l-kontroll tal-ballun li kellu. L-istatura qasira tiegħu servietu biex jimmanuvra aħjar minn ħafna plejers oħrajn.[1] Maradona kien imlaqqam "El Pibe de Oro" ("It-Tfajjel tad-Deheb"), isem li baqa' miegħu matul il-karriera tiegħu. Barra l-futbol, kellu problemi f'ħajtu u kien sospiż mil-logħba fl-1991 u l-1994 wara li nstab li kien qiegħed jabbuża mid-droga.

Diego Armando Maradona twieled fit-30 ta' Ottubru 1960, fl-Isptar Policlínico Evita f'Lanús, fil-Provinċja ta' Buenos Aires.[2][3] Hu kien l-ewwel tifel wara ħamest ibniet. Missieru, Diego Maradona "Chitoro" (1927–2015), kien jaħdem f'fabbrika tal-kimika u kien ta' dixxendenza indiġena u Baska, waqt li ommu Dalma Salvadora Franco, "Doña Tota" (1930–2011), kienet ta' dixxendenza Taljana.[4][5]

Maradona fit-Torneo Evita tal-1973 mas-"Cebollitas"

Maradona irċieva l-ewwel ballun tal-futbol ta' tliet snin u mal-ewwel għoġbitu l-logħba. F'Marzu tal-1969, hu kien rakommandat lil Los Cebollitas (Il-Basal iż-Żgħar), it-tim taż-żgħar ta' Argentinos Juniors.[6] Maradona mal-ewwel beda jibrilla mas-Cebollitas u ta' tnax-il sena kien iħobb jagħti pjaċir lill-ispettaturi tal-logħbiet tat-tim tal-kbar billi juri l-ħiliet tiegħu bil-ballun.[7] Matul l-1973 u l-1974, Maradona wassal lis-Cebollitas għar-rebħ ta' żewġ kampjonati Evita u 141 logħba mingħajr telfa, spalla ma' spalla ma' Adrián Domenech u Claudio Rodríguez, f'tim li baqa' rikonoxxut fost l-aqwa tim taż-żgħar fl-istorja tal-futbol Arġentin.[8] L-ispirazzjonijiet ta' Maradona kienu l-Brażiljan Rivellino u l-midfilder ta' Manchester United George Best.[9]

Karriera mal-klabbs

[immodifika | immodifika s-sors]

Argentinos Juniors

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-20 ta' Ottubru 1976, Maradona għamel id-debutt professjonali ma' Argentinos Juniors ta' ħmistax-il sena, għaxart ijiem qabel għeluq is-sittax-il sena, kontra Talleres de Córdoba.[10] Hu libes il-flokk numru 16 u b'hekk sar l-iżgħar plejer li qatt lagħab fl-istorja tal-Primera División Arġentina. Ftit minuti wara li ġie introdott, Maradona għadda l-ballun bejn saqajn Juan Domingo Cabrera, li kellha tkun simbolu tat-talent tiegħu.[11] Wara l-logħba, Maradona tenna li "dik il-ġurnata ħassejt li kelli s-sema f'idejja".[12] Maradona skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Primera División kontra San Lorenzo fl-14 ta' Novembru 1976, ġimgħatejn wara li għalaq is-sittax.[13]

Maradona jinżamm fuq l-spallejn tal-partitarji ta' Boca Juniors wara r-rebħ tal-Metropolitano, il-kampjonat nazzjonali, fl-1981

Ma' Argentinos Juniors għamel ħames snin u skorja 115-il gowl f'167 logħba. Fl-20 ta' Frar 1981 ittrasferrixxa ma' Boca Juniors għas-somma ta' $4 miljun.[14] River Plate kienu daħlu wkoll fin-negozjati għall-firma ta' Maradona tant u hekk li offrewlu li jkun l-aktar plejers imħallas fil-klabb.[15] Madanakollu, River kellhom ireġġgħu lura l-offerta minħabba l-istress finanzarju li kellhom biex iżommu lil Daniel Passarella u Ubaldo Fillol.[16]

Id-debutt tiegħu wasal kontra Talleres de Córdoba f'rebħa ta' 4–1, fejn skorja darbtejn. Fl-10 ta' April, Maradona lagħab l-ewwel Superclásico tiegħu kontra River Plate fil-La Bombonera. Boca rebħu l-konfront 3–0 b'Maradona jiskorja gowl wara li qabeż lil Alberto Tarantini u Fillol.[17] Minkejja r-relazzjoni mhux perfetta bejn Maradona u l-kowċ ta' Boca Juniors Silvio Marzolini,[18] Boca kellhom staġun ta' suċċess hekk kif rebħu l-kampjonat wara li assiguraw punt kontra Racing Club.[19] Dan kellu jkun l-uniku titlu li Maradona rebaħ fil-kampjonat domestiku Arġentin.

Wara t-Tazza tad-Dinja tal-1982, f'Ġunju, Maradona ingħaqad mal-Ispanjoli ta' Barcelona għas-somma rekord ta' $7.6 miljun.[20] Taħt il-gwida ta' César Luis Menotti, fl-1983, Barcelona u Maradona rebħu t-Tazza tar-Re fuq ir-rivali ta' Real Madrid, u s-Supercopa kontra Athletic Bilbao. Fis-26 ta' Ġunju 1983, Barcelona rebħu barra minn darhom kontra Real Madrid fil-famuż El Clásico, logħba fejn Maradona skorja u sar l-ewwel plejer ta' Barcelona li l-benjamini ta' Real Madrid ċapċpu bħala għarfien għall-abilitajiet li wera waqt dan il-konfront.[21][22]

Il-mument meta d-difensur ta' Atlético de Bilbao Andoni Goikoetxea weġġa' lil Maradona f'Settembru tal-1983

Minħabba mard u korrimenti kif ukoll inċidenti kontroversjali fil-grawnd, l-avventura ta' Maradona ma' Barcelona kienet waħda diffiċli.[23] Din kienet tinkludi l-epatite u aktar tard għaksa miksura wara intervent skorrett tad-difensur ta' Athletic Bilbao Andoni Goikoetxea — imlaqqam "il-Biċċier ta' Bilbao — f'logħba mil-La Liga fl-24 ta' Settembru tal-1983. Din heddet il-karriera ta' Maradona, però wara żmien ta' trattament u rijabilitazzjoni hu rritorna lura fil-grawnd wara tliet xhur.[10][24]

Fil-finali tat-Tazza tar-Re tal-1984 fis-Santiago Bernabéu kontra Athletic Bilbao, Maradona kien involut fi ġlieda vjolenti.[25] Kommozzjoni nqalgħet wara li rċieva intervent ieħor aħrax minn Goikoetxea filwaqt li kien qiegħed jirċievi insulti razzisti minħabba d-dixxendenza Nattiva Amerikana ta' missieru, kif ukoll il-provokazzjoni ta' Miguel Sola fi tmiem il-logħba li Barcelona tilfu 1–0. Wara battibekk bejn Maradona u Sola, fejn dan tal-aħħar beda juża kliem ksenofobiku.[26] Maradona ta daqqa ta' ras lil Sola, ta daqqa ta' minkeb fil-wiċċ ta' plejer ieħor ta' Bilbao u daqqa oħra bl-irkoppa f'ras plejer ieħor.[25] L-iskwadra ta' Bilbao daret madwar Bilbao għar-retribuzzjoni, b'Goikoetxea jolqot lil Maradona f'sidru. Minn dan il-punt, il-plejers ta' Barcelona u Bilbao spiċċaw fi ġlieda waħda b'Maradona fiċ-ċentru tal-azzjoni.[25]

Din il-ġlieda seħħet quddiem ir-Re ta' Spanja Juan Carlos u 100,000 partitarju fl-istadju, u iktar minn nofs Spanja fuq il-mezzi tax-xandir.[27] Din il-ġrajja kienet id-daqqa mortali għal Maradona mal-Blaugrana hekk kif din fissret l-aħħar darba li libes il-flokk tal-klabb.[26] Eżekuttiv ta' Barcelona stqarr li "wara li rajt dawk ix-xeni ta' Maradona jiġġieled u l-kaos li nqala', indunajt li ma stajniex nibqgħu sejrin iktar miegħu".[27] Maradona ġie ras imb'rass diversi drabi mal-eżekuttiv tal-klabb, partikularment mal-president Josep Lluís Núñez, sakemm ma talab li jiġi trasferit 'il barra minn Camp Nou fl-1984. Matul iż-żewġ staġuni tiegħu ma' Barcelona, Maradona skorja 38 gowl fi 58 logħba.[28]

Il-preżentazzjonii ta' Maradona quddiem il-benjamini Naplitani f'Lulju tal-1984

Nhar il-5 ta' Lulju 1984, Maradona ġiet ippreżentat uffiċjalment bħala l-akkwist il-ġdid ta' Napoli, quddiem quddiem folla ta' madwar 80,000 spettatur fi Stadio San Paolo.[29] Is-somma għat-trasferiment kienet waħda rekord ta' $10.48 miljun.[30] Il-kittieb sportiv David Goldblatt fakkar, "huma [il-partitarji] kienu żguri bil-wasla tas-salvatur", filwaqt li gazzetta lokali kitbet kif minkejja li l-belt kienet nieqsa minn "sindku, djar, skejjel, karozzi tal-linji, impjiegi u sanità, dawn ma kinux importanti ġaladarba hemm Maradona".[31] Il-plejer Arġentin wasal fi żmien fejn il-kampjonat Taljan kien iddominat mill-klabbs tat-Tramuntana u ċ-Ċentru tal-pajjiż, bħal Milan, Inter, Juventus u Roma, u l-ebda klabb min-Nofsinhar qatt ma rebaħ titlu.

Mal-wasla tiegħu f'Napli hu mal-ewwel ingħata l-faxxa tal-kaptan minn idejn id-difensur veteran Giuseppe Bruscolotti[32] u sar l-istilla fiż-żmien li kellu jkun l-iktar ta' suċċess fl-istorja tal-klabb. Maradona lagħab f'perjodu fejn it-tensjonijiet bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar kienu fl-aqwa tagħhom, speċjalment fuq l-isfera ekonomika.[31] Taħt il-gwida tal-kowċ Ottavio Bianchi, Napoli rebħu l-kampjonat Taljan tal-istaġun 1986–87,[31] bid-dro ta' 1–1 kontra Fiorentina tagħtihom il-punt neċessarju għar-rebħ tat-titlu.[33] In-Napoli rebħu wkoll it-tielet Coppa Italia fl-istorja tagħhom, meta rebħu t-tlettax-il logħba fil-kompetizzjoni, fosthom il-finali doppja kontra l-Atalanta. Sa dakinhar, id-doppjetta tal-kampjonat u t-tazza nazzjonali kienet irnexxiet biss mill-Grande Torino u 'l-Juventus.[34]

Fl-istaġun ta' wara, Napoli ħadu sehem għall-ewwel darba fit-Tazza taċ-Ċampjins fejn ġew eliminati fuq żewġ legs kontra Real Madrid.[35] Fil-kampjonat, sal-għoxrin ġurnata huma kienu ħames punti vantaġġ fuq it-tieni klassifikat. Madanakollu, erba' telfiet mill-aħħar ħames logħbiet wassal biex il-Milan jirbħu t-titlu. Maradona kien l-aqwa skorer bi ħmistax-il gowl.[36]

Fl-1989, Napoli kienu ftit passi 'l bogħod mit-tripletta ta' trofej, fejn għalkemm rebħu t-Tazza UEFA kontra Stuttgart (it-tielet titlu internazzjonali), huma spiċċaw it-tieni fil-kampjonat wara l-Inter u tilfu l-finali tal-Coppa Italia. Fis-sajf wara dan l-istaġun, Maradona kien qrib it-trasferiment lejn Olympique de Marseille fejn kien anke iffirma l-kuntratt, imma l-president ta' Napoli ta' dak iż-żmien, Corrado Ferlaino, imblokka n-negozjati.[37] Fl-istaġun 1989–90, taħt il-gwida l-ġdida ta' Albertino Bigon, Napoli rebħu t-tieni titlu tagħhom. Maradona ma lagħabx l-ewwel ftit logħbiet tal-istaġun u kien ġie sostitwit minn Gianfranco Zola. Il-kontribut ta' Maradona kien wieħed sostanzjali u spiċċa l-kampjonat bħala l-aqwa skorer b'sittax-il gowl.[38]

L-avventura Taljana ta' Maradona intemmet fis-17 ta' Marzu 1991 wara test ta' anti-doping li sar fi tmiem logħba bejn Napoli u Bari li wera riżultat pożittiv għall-kokaina.[39][40]

L-aħħar snin

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li serva sospensjoni ta' ħmistax-il xahar, Maradona ħalla lil Napoli fl-1992. Minkejja l-interess ta' Real Madrid u Marseille, hu ffirma ma' Sevilla fejn magħhom għamel sena. Fl-uniku staġun li għamel mal-klabb Andalusjan hu skorja ħames gowls u assista tnax-il gowl, hekk kif il-klabb falla milli jirbaħ il-kwalifikazzjoni għat-Tazza UEFA.

Maradona mar lura l-Arġentina ma' Newell's Old Boys, imma wara biss ħames logħbiet, fit-12 ta' Frar 1994, Maradona xolja l-kuntratt mal-klabb.[41] Fis-7 ta' Ottubru 1995, reġa' ngħaqad ma' Boca Juniors u għamel it-tieni debutt tiegħu fil-konfront kontra Colón (SF). Magħhom għamel sentejn qabel ma rtira wara s-superclásico kontra River Plate li ntlagħbet fil-25 ta' Ottubru 1997.[42]

Karriera internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
Maradona bil-ballun waqt il-finali kontra l-Unjoni Sovjetika tat-Tazza tad-Dinja ta' taħt l-20 sena li saret fl-1979 fil-Ġappun

Ftit xhur wara d-debutt fil-kampjonat Arġentin, għal Maradona wasal ukoll id-debutt internazzjonali. Fis-27 ta' Frar 1977 lagħab fil-logħba ta' ħbiberija kontra l-Ungerija fil-Bombonera.[43] Ftit wara ddebutta wkoll mat-tim nazzjonali ta' taħt l-20 sena, nhar it-3 ta' April tal-istess sena.[44]

Minkejja li kien spiċċa l-aqwa skorer fil-kampjonat nazzjonali, hu kien eskluż mil-lista finali għat-Tazza tad-Dinja tal-1978 minħabba li kien għad kellu biss sbatax-il sena u mhux meqjus kbir biżżejjed.[45] Wara r-rebħa tal-ewwel titlu fl-istorja tal-Arġentina, Maradona sar figura permanenti fit-tim. Hu skorja l-ewwel gowl internazzjonali f'rebħa ta' 3–1 fuq l-Iskozja nhar it-2 ta' Ġunju 1979.[46] Biswit il-preżenzi mat-tim nazzjonali tal-kbar, hu lagħab ukoll mat-tim nazzjonali ta' taħt l-20 sena fit-Tazza tad-Dinja tal-istess kategorija, fejn bis-sitt gowls tiegħu (fosthom gowl fil-finali mirbuħa kontra l-Unjoni Sovjetika) hu għen lill-Arġentina jirbħu l-ewwel titlu.[47]

Maradona lagħab l-ewwel Tazza tad-Dinja tiegħu fl-1982. Hu lagħab fil-ħames logħbiet u skorja darbtejn kontra l-Ungerija, u kien ukoll imkeċċi meta rċieva karta ħamra kawża ta' fawl aħrax fuq Batista fil-logħba kontra l-Brażil.[48]

Tazza tad-Dinja 1986

[immodifika | immodifika s-sors]
Maradona jiċċelebra t-tieni gowl kontra l-Ingilterra fir-rebħa ta' 2–1 tat-22 ta' Ġunju 1986

Fl-1986, Maradona wassal lit-tim Arġentin għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-edizzjoni li saret fil-Messiku.[49] Hu skorja ħames gowls u assista ħamsa oħra fis-seba' logħbiet li kollha ġew mirbuħa minbarra d-dro kontra l-Italja fil-fażi tal-gruppi. F'din l-edizzjoni tibqa' mfakkra l-logħba mill-kwarti tal-finali fl-Estadio Azteca kontra l-Ingilterra li l-Arġentini rebħu 2–1. Fit-tieni taqsima hu skorja żewġ gowls li għaddew fl-istorja tal-futbol bħala l-"Id ta' Alla" u l-"Gowl tas-Seklu".[50] Maradona fetaħ l-iskor b'gowl b'idejh wara li qabeż biex jantiċipa lill-gowler avversarju Peter Shilton. Ir-referi u l-assistenti ma ndunawx b'din l-infrazzjoni u vvalidaw il-gowl.[51] It-tieni gowl tiegħu erba' minuti wara wasal meta rċieva l-ballun f'nofs il-grawnd u għadda bejn ħames plejers Ingliżi, sakem qabeż lil Shilton biex tefa' l-ballun fix-xibka. L-aħħar gowl kien ivvutat bħala l-isbaħ gowl fl-istorja tal-kompetizzjoni f'sondaġġ li sar mill-FIFA.[52]

Fis-semifinali l-Arġentina affaċċjaw lill-Belġju u Maradona għal darb'oħra ħalla l-marka b'żewġ gowls fir-rebħa ta' 2–0 li taw l-aċċess għall-finali kontra l-Ġermanja tal-Punent. Fil-finali, il-Ġermaniżi ppruvaw irażżmuh b'żewġ plejers iddedikati fuqu, però xorta waħda sab spazju biex iqassam lil Jorge Burruchaga għall-gowl tar-rebħa. L-Arġentina għelbu lill-Ġermanja tal-Punent 3–2 quddiem folla ta' 115,000 spettatur fl-Azteca b'Maradona jgħolli t-Tazza bħala kaptan.[53] Minbarra r-rebħ tat-titlu, Maradona ġie ppremjat bil-Ballun tad-Deheb bħala l-aqwa plejer tat-turnew.[54]

Tazza tad-Dinja 1990

[immodifika | immodifika s-sors]

Maradona reġa' libes il-faxxa tal-kaptan għat-Tazza tad-Dinja tal-1990 li saret fl-Italja. Uġigħ fl-irkoppa affetwat il-prestazzjonijiet tiegħu u kien inqas dominanti minn erba' snin qabel.[55] Wara telfa fl-ewwel logħba kontra l-Kamerun, l-Arġentina kienu qrib l-eliminazzjoni fejn ikkwalifikaw biss bħala t-tielet mill-grupp.[56] Fir-rawnd tal-aħħar sittax, kontra l-Brażil, Maradona kien l-awtur tal-assist għall-gowl tar-rebħa ta' Claudio Caniggia.

Fil-kwarti tal-finali, l-Arġentina sabu lill-Jugożavlja. Wara li l-logħba ntemmet mingħajr gowls wara 120 minuta, l-Arġentina rebħu l-lotterija tal-penalties 3–2 minkejja li Maradona falla t-tentattiv tiegħu minn ħdax-il metru.[57] Is-semifinali kontra l-Italja wkoll kellha tgħaddi għall-penalties wara dro ta' 1–1. Din id-darba Maradona skorja l-penalty tiegħu u l-Arġentina rebħu post fil-finali.[57] Fil-finali li ntlagħbet f'Ruma, l-Arġentina sabu quddiemhom għal darb'oħra lill-Ġermanja tal-Punent. Din id-darba l-Ġermanja rebħu 1–0, bl-uniku gowl jasal ħames minuti mit-tmiem wara penalty kontroversjali skorjat minn Andreas Brehme.[56]

Tazza tad-Dinja 1994

[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-Tazza tad-Dinja tal-1994 fl-Istati Uniti, Maradona lagħab biss żewġ logħbiet u skorja gowl wieħed kontra l-Greċja qabel ma ġie sospiż wara li nstab pożittiv għall-efedrina.[58] Il-gowl kontra l-Greċja kellu jkun l-aħħar wieħed tiegħu man-nazzjonal[59] u l-logħba ta' wara kontra n-Niġerja kienet l-aħħar logħba tiegħu, fejn irnexxielu jassisti ż-żewġ gowls fir-rebħa ta' 2–1.[60] L-Arġentina eventwalment ġew eliminati mir-Rumanija ta' Gheorghe Hagi fir-rawnd tal-aħħar sittax.[61]

Fl-awtobijografija tiegħu, Maradona afferma li r-riżultat pożittiv kien minħabba x-xarba enerġetika Rip Fuel li ngħatatlu mid-dietista u l-fiżjoterapista personali.[62] L-istqarrija tiegħu kienet li l-verżjoni Amerikana tax-xarba, ikkumparata ma' dik Arġentina, kellha l-kimika.[62] Maradona stqarr ukoll li hu kellu qbil mal-FIFA, li l-istess organizzazzjoni iktar tard irrifjutat, biex juża d-droga sabiex jonqos mill-piż qabel il-kompetizzjoni.[63]

Il-karriera tiegħu mal-Arġentina damet sbatax-il sena u fihom skorja 34 gowl f'91 logħba.[64]

Boca Juniors
Barcelona
Napoli
Arġentina
  1. ^ "Small is beautiful" (bl-Ingliż). FIFA. 2009-05-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-08-13.
  2. ^ Dart, James; Doyle, Paul; Hill, Jon (2006-04-12). "The greatest rags-to-riches stories ever" (bl-Ingliż). The Guardian. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-03-20.
  3. ^ "Don Diego, father of Maradona, dies in Argentine clinic" (bl-Ingliż). Reuters.
  4. ^ Welch, Julie (2020-11-25). "Diego Maradona obituary". The Guardian (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-05-24.
  5. ^ "Sinagra: Maradona ha origini italiane? Vi racconto cosa mi diceva Diego. Messi...". AreaNapoli.it (bit-Taljan).
  6. ^ "The story of Francis Cornejo". eldestapeweb.com (bl-Ispanjol). 2021-10-28.
  7. ^ "The Hand of God" (bl-Ingliż). Fundus. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-02-17.
  8. ^ "Argentinos Juniors: The 'Argentinean Ajax'" (bl-Ingliż). BBC. 2019-05-02.
  9. ^ "Maradona hails 'inspirational' Best" (bl-Ingliż). RTÉ Sport. 2005-11-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-04-10.
  10. ^ a b "A Summary of Maradona's Life". vivadiego.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2003-12-11.
  11. ^ "Maradona. Así empezó todo" (bl-Ispanjol). El Gráfico. 2021-10-20.
  12. ^ "Diego, el de Argentinos" (bl-Ispanjol). Clarín. 2013-04-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04.
  13. ^ "Los primeros gritos de D10S" (bl-Ispanjol). La Selección. 2012-11-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-10-08.
  14. ^ Arcucchi, Daniel (2011-02-22). "Aquella jugada que llevó a Maradona a Boca" (bl-Ispanjol). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-30.
  15. ^ Maradona, Diego (2004-05-01). Yo Soy El Diego, autobiography of Diego Armando Maradona (bl-Ispanjol). ISBN 9871144628.
  16. ^ "Un mes sin el 10. Maradona era de Independiente, quiso jugar en River, terminó enojado con Boca, fue DT de Racing y admiraba a San Lorenzo". La Nación (bl-Ispanjol). Ahora lo más firme parece ser lo de Boca. Lo de River quedó un poquito muerto por el ofrecimiento que hizo Aragón Cabrera de ganar lo mismo que Fillol y Passarella, que son los que más ganan. Yo le dije que no tenía problema, Dios quiera que ellos ganen 5 millones de dólares de contrato. Yo no tengo problemas, pero en caso de que me den lo que yo les pido. Y me dijo que no, porque se le iba a hacer muy embromado todo para poder pagarles a todos... Las tratativas las hace Jorge, pero me entero de todo.
  17. ^ "25 años de romance" (bl-Ispanjol). Clarín. 2006-02-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-09-04. Miġbur 2022-12-24.
  18. ^ "Maradona por Maradona" (bl-Ispanjol). Clarín. 2000-09-24.
  19. ^ Gorgazzi, Osvaldo José (2005-10-15). "Argentina 1981 - Campeonato Metropolitano" (bl-Ingliż). RSSSF.
  20. ^ Williams, Bob (2008-10-29). "Life and crimes of Diego Armando Maradona" (bl-Ingliż). The Telegraph.
  21. ^ "30 years since Maradona stunned the Santiago Bernabéu" (bl-Ingliż). FC Barcelona. 2013-06-25.
  22. ^ Kwesi O'Mard, Marcus (2015-11-21). "Real Madrid Fans Applaud Barcelona's Andres Iniesta In 'El Clasico'" (bl-Ingliż). New England Sports Network.
  23. ^ "That's one hell of a diet, Diego" (bl-Ingliż). The Observer. 2006-01-08.
  24. ^ "Diego Maradona dies: Guillem Balague on 'the magician, the cheat, the god, the flawed genius'" (bl-Ingliż). BBC. 2020-11-26.
  25. ^ a b ċ Murray, Scott (2008-12-05). "Diego Maradona gives hot, hot heat to The Butcher of Bilbao". The Guardian (bl-Ingliż).
  26. ^ a b Caioli, Luca (2013). Messi: The Inside Story of the Boy Who Became a Legend (bl-Ingliż). Icon Books. ISBN 978-1906850395.
  27. ^ a b Burns, Jimmy (2011). Maradona: The Hand of God (bl-Ingliż). A&C Black. pp. 121–122.
  28. ^ "Backgrounder: Diego Maradona" (bl-Ingliż). CBC Sports. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-28.
  29. ^ "Cristiano Ronaldo welcomed by 80,000 fans at Real Madrid unveiling" (bl-Ingliż). Londra: The Guardian. 2009-07-06.
  30. ^ "Snapshot: Maradona is toast of the town after signing for Napoli" (bl-Ingliż). The Times. 2012-02-20.
  31. ^ a b ċ Carter, Jon (2012-03-09). "Maradona brings success to Napoli" (bl-Ingliż). ESPN. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-10-10. Miġbur 2022-12-25.
  32. ^ Sellitti, Nicola (2016-02-09). "Bruscolotti, una vita in azzurro: "Napoli, ricorda quella partita dell'86"". la Repubblica (bit-Taljan).
  33. ^ Marucci, Lorenzo (2021-05-10). "10 maggio 1987, il Napoli conquista il primo scudetto della sua storia" (bit-Taljan).
  34. ^ Kempes, Dan (2020-09-06). "Il double del Napoli nel 1987: dopo lo scudetto, la Coppa Italia" (bit-Taljan).
  35. ^ "Champions, Napoli e quel precedente del 1987 col Real" (bit-Taljan). 2016-12-12.
  36. ^ Mariani, Maurizio (2000-10-26). "Italy Championship 1987/88" (bl-Ingliż). RSSSF.
  37. ^ "Maradona: "Nel 1989 avevo firmato per il Marsiglia"" (bit-Taljan). Sky Sport Italia. 2009-02-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-06.
  38. ^ Mariani, Maurizio (2000-10-26). "Italy Championship 1989/90" (bl-Ingliż). RSSSF.
  39. ^ "1991: Maradona y el doping positivo en el Nápoli" (bl-Ispanjol). Notas. 2014-03-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-12-18.
  40. ^ Paloma, Lisandro; Prieto, Gonzalo (2013-10-28). "1991 - Diego, positivo y negativo" (bl-Ispanjol). Publicable. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-12-18.
  41. ^ "Diego Maradona, con la camiseta de Newell's: "Fui, soy y seré leproso como el 75% de Rosario"" (bl-Ispanjol). La Nacion. 2013-09-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-09-11.
  42. ^ Dotto, Matteo (2006-10-20). "Così iniziò la favola del Pibe de oro" (bit-Taljan). Corriere della Sera.
  43. ^ Pierrend, José Luis (2020-11-26). "Diego Armando Maradona - International Appearances" (bl-Ingliż). RSSSF.
  44. ^ "Selección Nacional". diegomaradona.com (bl-Ispanjol). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-10-18.
  45. ^ "Diego Maradona" (bl-Ingliż). Encyclopædia Britannica.
  46. ^ MacPherson, Graeme (2008-10-30). "Maradona to receive Hampden welcome" (bl-Ingliż). The Herald. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-07.
  47. ^ "FIFA World Youth Tournament 1979 Technical Study Report" (PDF) (bl-Ingliż). FIFA. pp. 97–109. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-07-12.
  48. ^ Darby, James (2010-06-10). "Castrol World Cup Legends: Diego Maradona - 1986" (bl-Ingliż). Goal. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-13.
  49. ^ Brewin, John; Williamson, Martin (2009-11-10). "World Cup 1986" (bl-Ingliż). ESPN. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-01-26.
  50. ^ Falzon, Chris (2020-11-26). "Diego Armando Maradona – Il-leġġenda, l-idolu u wieħed mill-aqwa plejers ta' kull żmien". TVM.
  51. ^ Burke, Chris (2016-06-22). "30 years on: Maradona's 'hand of God'" (bl-Ingliż). UEFA.
  52. ^ "Diego Maradona goal voted the FIFA World Cup™ Goal of the Century" (bl-Ingliż). FIFA. 2002-05-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-05-23.
  53. ^ Gammon, Clive (1986-07-07). "Tango Argentino! Superstar Diego Maradona fast-stepped Argentina to the World Cup championship over West Germany in Mexico City" (bl-Ingliż). Sports Illustrated. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-05-14.
  54. ^ "Pelé and Maradona – two very different number tens" (bl-Ingliż). FIFA. 2001-01-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-07-17.
  55. ^ "MARADONA MIGLIORA, L'ARGENTINA SI PREPARA" (bit-Taljan). la Repubblica. 1990-06-27.
  56. ^ a b Brewin, John; Williamson, Martin (2009-11-10). "World Cup 1990" (bl-Ingliż). ESPN. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-02-03.
  57. ^ a b "World Cup 1990" (bl-Ingliż). RSSSF.
  58. ^ Sam Howe, Verhovek (1994-07-01). "After Second Test, Maradona Is Out of World Cup". The New York Times (bl-Ingliż).
  59. ^ Jensen, Mike (1994-07-22). "From our archives: Diego Maradona scored his last World Cup goal in the United States" (bl-Ingliż). The Philadelphia Inquirer.
  60. ^ Sutherland, Ben (2020-11-26). "Diego Maradona: how his genius shone in his last Argentina game" (bl-Ingliż). BBC.
  61. ^ McCracken, Craig (2018-06-26). "The best ever World Cup match? Romania 3-2 Argentina at USA 94" (bl-Ingliż). The Guardian.
  62. ^ a b Heydari, Keyvan Antonio (1994-08-24). "FIFA to Decide Maradona's Status". The Washington Post (bl-Ingliż).
  63. ^ Hylands, Alan. "Diego Maradona - Career History". about.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-03-30.
  64. ^ "Argentina's tribute to Maradona" (bl-Ingliż). BBC. 2001-11-09.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]