[go: up one dir, main page]
More Web Proxy on the site http://driver.im/

Klassifikazzjoni bijoloġika

Fix-xjenzi bijoloġiċi, il-klassifikazzjoni hu kunċett li jirreferi għal kif il-bijoloġiċi jiggruppaw, jissistemaw u jikkategorizzaw id-diversi entitajiet tal-organiżmi ħajjin u tal-fossili.

Il-livelli varji tas-sistema ta' klassifikazzjoni xjentifika.SpeċiĠeneruFamiljaOrdniKlassiFajlumRenjuDominjuĦajja
Il-livelli varji tas-sistema ta' klassifikazzjoni xjentifika.

Kabbar
Il-ġerarkija tal-ikbar tmien gradi tassonomiċi tal-klassifikazzjoni xjentifika.

Minn mindu Carolus Linnaeus (Linnew), ippubblika is-Systema naturae, li fiha pprova jiggruppa l-ispeċi kollha skont il-karatteristiki morfoloġiċi komuni bejniethom, sa issa, meta ġew irranġati skont it-teorija evoluzzjonista tad-dixxendenza proposta minn Charles Darwin[1], saru modifikazzjonijiet kontinwament tas-sistema ta' gruppament biex din tiġi dejjem iżjed perfezzjonata. Il-klassifikazzjoni xjentifika hi r-riżultat tax-xjenzi evoluttivi u ġejja fil-parti l-kbira mit-tassonomija u mis-sistematika, imma hemm kontribuzzjoni wkoll mill-istudji u r-riċerki kollha li jinvestigaw il-ħlejjaq ħajjin, kemm fil-bijoloġija u kemm fix-xjenzi l-oħra.

L-istorja Tal-Klassifikazzjoni xjentifika

immodifika

L-Antikità u l-Medjuevu

immodifika
 
Bust ta' Aristotele, Ruma.

Is-sistema tal-klassifikazzjoni tal-forom tal-ħajja l-iżjed antika introduċieha Aristotele (384 QK - 322 QK), li fl-De Anima kklassifika l-annimali. Din il-klassifika ibbażaha fuq il-mod kif l-annimali jimxu minn post għall-ieħor u l-ambjent li jgħixu fih (arja, art jew ilma).

Aristotele ppropona wkoll xi klassifikazzjonijiet iżjed profondi fix-xogħlijiet Riċerki fuq l-annimali, Il-partijiet tal-annimali u Dwar il-ġenerazzjoni tal-annimali. Aristotele ppropona sistema ta' klassifikazzjoni bbażata fuq il-ftit tagħrif li kellu dak iż-żmien li kien fih ħafna suppożizzjonijiet. L-istudji tiegħu kienu fil-parti l-kbira annotazzjoni tal-karatteristiki, xi wħud anatomiċi, xi wħud fiżjoloġiċi u xi wħud etoloġiċi.

Bix-xogħol tiegħu ir-renju tal-annimali inqasam f'żewġ gruppi, l-Enaima (= bid-demm) u Anaima (= bla demm). Fl-ewwel grupp insibu l-bniedem, il-kwadrupedi, iċ-ċetaċej, il-ħut u l-għasafar u fit-tieni hemm il-parti l-kbira tal-krustaċej dekapodi, xi molluski u dawk li idefinixxa bħala Entema, jiġifieri ġabra ta' insetti, mirjapodi, araknidi, anellidi u dud parassit. Bħala l-kriterju tal-klassifikazzjoni tal-Entema Aristotele adotta l-qsim tal-ġisem tal-annimali f'segmenti separati (mill-Grieg entomos, qasma) li magħhom kien hemm serje ta' appendiċi għall-mixi. Jekk inwarrbu d-dud, id-definizzjoni Aristotelika ta' Entema toqrob ħafna lejn il-klassi moderna ta' Artropodi.

It-teoriji żooloġiċi ta' Aristotele damu ħajjin għal xi elfejn sena, l-aktar minħabba l-fatt li l-Aristoteliżmu ġie aċċettat bħala xjenza mill-Knisja Kattolika bis-saħħa ta' Oriġene, Santu Wistin u San Tumas t'Akwinu.

Fost id-dixxipli ta' Aristotele kien hemm Teofrastu (373 QK - 288 QK) li fl-istudji tiegħu "Riċerki dwar il-Pjanti" u "Kawżi tal-Pjanti", kien l-ewwel li ddefinixxa d-differenza u d-distinzjoni bejn annimali u veġetali.

Anki matul il-perjodu ta' Ruma antika, ma naqsux l-approċċi naturalistiċi, imma dawn kienu kważi kollha karatterizzati minn reproduzzjoni kontinwa tal-istess testi Aristoteliċi. Però insibu xi ftit tentattivi ta' innovazzjoni fil-kotba tan-Naturalis historia ta' Plinju l-Kbir (23-79 WK) għalkemm dawn l-innovazzjonijiet iħarsu wkoll lejn annimali fantastiċi, pjanti mirakulużi u eżempji oħra mill-leġġendi u l-mitoloġija. Il-kitba ta' Plinju kellha tkun il-bażi tat-twelid ta' dawk li jissejħu "bestjarji medjoevali" li, matul il-Medjuevu kollu ħalltu r-riċerka sistematika mat-tradizzjoni ħrafija popolari.

 
Isidoru ta' Sivilja, Arċisqof ta' Sivilja

Minkejja l-influss mill-mitiku, fost il-kitba medjevali insibu x-xogħlijiet ta' Isidoru ta' Sivilja (570-636), li studja n-natura f'għadd ta' kotba li jagħmlu l-enċiklopedija tiegħu "Dwar l-oriġni u l-etimoloġija tal-ħlejjaq". B'mod partikolari ir-renju tal-annimali hu maqsum fi tliet gruppi ewlenin klassifikati fi tmien kategoriji (bhejjem u bhejjem tat-tagħbija, annimali salvaġġi, ħut, annimali żgħar, annimali żgħar bil-ġwienaħ, sriep, għasafar, dud). It-takson tad-dud propost minn Isidoru jinkludi fir-realtà anki il-brimb, il-millipiedi, is-sangisugi u speċi differenti ta' baqq.

Ix-xogħlijiet ta' Isidoru fis-seklu 13 influwenzaw il-filosfu Dumnikan Albertu l-Kbir (1193-1280). L-istudji tassonomiċi u żooloġiċi tiegħu – influwenzati mit-teoriji Aristoteliċi – fl-1270 inġabru fl-enċiklopedija "De animalibus". Għalkemm din kienet innovattiva ferm, ma ġibditx l-attenzjoni li stħaqqilha. Albertu l-Kbir qasam l-annimali skont kif jimxu, jiġifieri l-annimali bis-saqajn (il-bniedem, kwadrupedi), l-annimali li jtiru (għasafar, friefet il-lejl), l-annimali li jgħumu (ħut, mammiferi tal-baħar, arzell) u annimali li jitkaxkru (sriep, kukudrilli, gremxul). L-aħħar ktieb tax-xogħol tiegħu hu dedikat lill-"annimali żgħar ħafna" u "mingħajr demm", li fih iqiegħed l-Entema Aristoteliċi imma anki ż-żrinġijiet, il-bebbux u l-iskorpjuni. L-investigazzjoni żooloġika ta' Albertu l-Kbir fiha forma primittiva ta' metodu xjentifiku, fis-sens li l-klassifikazzjoni sistematika għandha magħha l-verifika minn xi sorsi u anki l-osservazzjoni personali ta' xi fenomeni, bħall-imġiba tal-brimb u n-nemel, l-anatomija tax-xadini u l-istudju tal-metamorfożi tal-friefet.

FL-aħħar tal-Medjuevu allura kien hemm bidu ta' zforz fil-klassifikazzjoni tal-ħlejjaq ħajjin imma dak iż-żmien iż-żooloġija kienet titqis bħala xjenza qrib it-teoloġija u nħolqot sensiela twila ta' riċerka li ppruvat issib korrispondenza bejn l-annimali u s-simboli divini li kienu jaħsbu li għandhom. Kellna nistennew sal-perjodu rinaxximentali biex l-istudji jitbiegħdu minn dawn il-kunċetti u tibda xi tentattiva biex jiġu introdotti kriterji marbutin iżjed mal-osservazzjoni tan-natura.

Matul ir-Rinaxximent, minħabba l-għatx kbir għat-tagħlim li kien hemm u minħabba l-progress fil-qasam tat-tipografija, l-għarfien seta' jinfirex sewwa. Fost l-aqwa xogħlijiet ta' dak iż-żmien insibu l-"Historia animalium" ta' Conrad von Gesner (1516-1565) li kienet ippubblikata bejn l-1551 u l-1587 u nkuraġġiet id-diversi korrispondenti Ewropej li jqiegħdu fis-sod l-għarfien żooloġiku u jwarrbu l-annimali mitoloġiċi.

Fl-Historia animalium insibu klassifikazzjoni eżatta tal-eżempji tal-annimali magħrufin dak iż-żmien, irranġati f'ordni alfabetiku skont l-isem bil-Latin. Għal kull annimal Gesner jagħti l-isem bil-lingwi l-iżjed komuni l-oħra, antiki u moderni, l-imġiba tagħhom, il-firxa ġeografika, l-użu tagħhom bħala ikel u fil-mediċina, il-leġġendi dwarhom u s-simboli assoċjati magħhom. Ulisse Aldrovandi (1522 - 1605) ta espożizzjoni innovattiva mqabbla ma' ta' qabel; kiteb 13-il volum dedikati għall-istorja naturali, li minnhom l-iżjed famuż hu id-"De animalibus insectis" li hu speċifikament dwar l-insetti, għalkemm jagħti kontenut iżjed wiesa' mill-Entema Aristotelika (fil-klassifikazzjoni tal-insetti Aldrovandi daħħal ukoll iż-żiemel tal-baħar u varji invertebrati filoġenetikament 'il bogħod mill-insetti); Aldrovandi l-ewwel qasam l-insetti skont l-ambjent li jgħixu fih (insetti tal-ilma u insetti tal-art) u, wara kklassifika l-gruppi li rriżultaw skont għandhomx saqajn jew le; il-grupp ta' dawk bis-saqajn reġa' qasmu fi tliet gruppi skont il-morfoloġija tal-ġwienaħ. Għalkemm din il-klassifikazzjoni tal-insetti mhijiex sodifaċenti għal kollox imqabbla ma dak li nafu l-ġurnat tal-lum, kien proprju bis-saħħa ta' Ulisse Aldrovandi li fl-Iskozja, l-istudjuż Thomas Moufet (1553 - 1604), għamel is-suddiviżjoni fundamentali tal-Insecta f'insetti bla ġwienaħ u bil-ġwienaħ f'"atteri" u "alati" li nżammet sakemm saru it-takson moderni ta' Pterygota e Apterygota. Però anki Moufet, żamm il-kunċett iżjed ġenerali Aristoteliku ta' insetti li – fil-każ tiegħu – inkluda wkoll il-katarina-għolli-denbek, il-baqq tal-baħar u xi dud tal-baħar.

Għalkemm l-insetti kienu jirrappreżentaw materjal utli għall-ewwel kompilaturi, ix-xtieli ma twarrbux fil-ġenb. Infatti John Ray (1627 - 1705), naturalista Ingliż, ippubblika xogħol importanti dwar il-pjanti u l-annimali. L-approċċ li għażel għall-klassifikazzjoni tax-xtieli, fl-"Historia Plantarum", kien pass importanti lejn it-tassonomija moderna. Ray warrab is-sistema ta' diviżjoni dikotomika, li biha li-ispeċi ġew klassifikati skont prekonċetti jew tipi oħra ta' sistemi, u kklassifika il-ħxejjex abbażi tax-xebħ u d-differenzi li ħarġu mill-osservazzjonijiet tiegħu.

In ġenerali bejn l-aħħar tas-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17 bdew studji eżatti dwar l-organiżmi ħajjin li, l-ewwwel kienu diretti fuq l-ispeċi l-iżjed familjari u magħrufin u mbagħad infirxu bilmod biex spiċċaw biex jipproduċu bażi suffiċjenti ta' għarfien anatomiku utli għall-klassifikazzjoni. Kien hemm titjib wieħed wara l-ieħor bis-saħħa tar-riċerka tat-tobba anatomisti bħal Hieronymus Fabricius (1537 - 1619), Petrus Severinus (1580 - 1656), William Harvey (1578 - 1657) u Edward Tyson (1649 - 1708).

 
Marcello Malpighi

L-invenzjoni tal-mikroskopju kienet ta' importanza fundamentali għall-istudji sistematiċi. Dan l-istrument – li fil-bidu kien ikkabbar biss xi ftit drabi – kien il-muftieħ li ttrasforma l-istudjużi minn sempliċi kompilaturi passivi għal osservaturi metodoloġiċi li setgħu jivverifikaw is-sorsi tagħhom u li jagħmlu skoperti ġodda.

L-importanza tal-mikroskopju fil-bidu inħasset l-iżjed fl-istudji anatomiċi li f'dan il-perjodu kienu meqjusa bħala l-elementi sisien għad-deduzzjoni ta' klassifikazzjonijiet ġodda. Fost l-ewwel mikroskopisti ta' min isemmi il-Bolonjiż Marcello Malpighi (1628 - 1694), meqjus minn ħafna bħala l-fundatur tal-anatomija mikroskopika tal-annimali u l-ħxejjex. L-istudji tiegħu kienu famużi daqs dawk ta' Jan Swammerdam (1637 - 1680), tabib Olandiż sperimentatur u osservatur, mogħni wkoll b'ħila kbira fit-tpinġija.

It-tnejn taw attenzjoni partikolari għall-iżvillup tal-insetti, il-metamorfożi tagħhom (li Swammerdam iddefinìxxa bħala bidla morfoloġika progressiva u mhux f'daqqa kif kienu jemmnu sa dak iż-żmien) u d-definizzjoni tal-apparati interni komplikati. Ta' min isemmi b'mod partikolari l-i"Storja ġenerali tal-insetti" ta' Swammerdam, ippubblikata fl-1669 li fiha l-istudjuż ta klassifikazzjoni tal-insetti ibbażata fuq l-istadju ta' metamorfożi (mhux kompluta, parzjali u kompluta li jfakkruna fid-definizzonijiet iżjed moderni ta' ametabolija, emimetabolija u olometabolija).

It-Tassonomija Linneana

immodifika

Sentejn war l-mewt ta' John Ray, fl-Iżvezja twieled Karl von Linne (ismu latinizzat bħala Carolus Linnaeus) (1707 - 1778). Ix-xogħol kbir tiegħu, is-Systema Naturae, ippubblikat fl-1735, żvillupah permezz ta' 13-il edizzjoni matul ħajtu. Linneaeus hu magħruf l-iżjed għall-introduzzjoni ta' metodu li daż-żmien jintuża fil-klassifikazzjoni moderna; infatti ħalaq is-sistematika fil-forma attwali.

Linnaeus adotta il-kunċett ta' Ray għal speċi, imma l-kunċett għamlu realtà prattika billi identifika kull speċi b'binomju Latin, jiġifieri bl-għaqda ta' żewġ ismijiet: l-isem tal-ġeneru, komuni għal sensiela ta' speċi; u l-isem speċifiku, epitet li jikkaratterizza u jiddistingwi l-varji speċi ta' dak il-ġeneru. Din il-konvenzjoni saret tissejjaħ in-nomenklatura binomjali u l-isem iffurmat miż-żewġ ismijiet jissejjaħ l-isem xjentifiku, jew isem sistematiku, ta' speċi. Meta speċi terġa' tinqasam, pereżempju f'iżjed sottospeċi jew varjetajiet, imbagħad tissejjaħ nomenklatura trinomjali. Fil-kitba korretta ta' isem xjentifiku l-isem ġeneriku jieħu ittra kapitali waqt li l-epitet jinkiteb b'ittra żgħira (barra meta jkun il-ġenittiv ta' xi isem proprju) u jingħataw dejjem id-dettalji dwar l-awtur u l-pubblikazzjoni tal-isem.

Sa Linnaeus speċi kienet tiġi identifikata minn sensiela twila ta' kliem, aġġettivi, attributi u ismijiet komuni, b'mod li l-ebda isem ma kien fiss u aċċettat universalment. Is-sistema Linneana min-naħa l-oħra kellha l-vantaġġ li setgħet tidentifika faċilment u b'mod inekwivokabbli kwalunkwe speċi ta' annimali u ħxejjex. Fil-verità kienu diġà jezistu fl-imgħoddi xi traċċi tas-sistema binomjali, bħal f'Teofrastu, Plinju l-Kbir, Gaspard Bauhin u Tournefort; imma Linnaeus kien l-ewwel li applikaha b'mod sistematiku waqt li barra minn hekk iddefinixxa sensiela ta' kategoriji tassonomiċi li bihom l-ispeċi setgħu jinġabru f'gruppi superjuri għall-ġeneri bħala waħdiet. Linnaeus fir-realtà beda juża din is-sistema fil-ktieb Species plantarum tal-1753 u fir-reviżjoni tal-1758 tas- Systema Naturae.

Bis-sistema Linneana kull organiżmu jitqiegħed permezz ta' skala ġerarkika, f'sensiela ta' gruppi tassonomiċi, imsejħin taksa (takson fis-singular). Is-suddiviżjonijiet prinċipali, mill-iktar ġeneriku għaal-iktar speċifiku, huma: renju, phylum (imsejjaħ ukoll tip għall-annimali u diviżjoi għax-xtieli), klassi, ordni, familja, ġeneru u speċi (ta' min jinnota li Linnaeus kien juża minflok it-taksa ta' klassi, ordni, ġeneru, speċi u varjetà). Is-sistematika moderna tipprevedi l-eżistenza ta' kategoriji intermedji identifikati biż-żieda ta' prefissi partikolari, bħal:

  • Klassi
    • Sotto-klassi
    • Infra-klassi
  • Ordni
    • Super-ordni
    • Sott-ordni
    • Infra-ordni
  • eċċ.

Barra minn hekk, speċi sikwit tinqasam f'sottospeċi jew f'kategoriji oħra intraspeċifiċ (varjetà, sottovarjetà, razza, etc.). Gruppi oħra kultant jistgħu jkunu miżjuda ma' dawk diġà fil-lista, bħal pereżempju id- dominju, li tqiegħed 'l fuq il-livell tar-renju; it-tribù, bejn il-familja u l-ġeneru; u s-sezzjoni u s-serje, bejn il-ġeneru u l-ispeċi.

 
Paġna mis-Systema Naturae (is-sitt edizjoni 1748) dwar il-grupp Quadrupedia, fosthom l-Homo

Fis-Systema Naturae Linnaeus kiteb ukoll dwar il-minerali u qasamhom f'ħaġar, metalli, minerali u fossili. Min-naħa l-oħra il-qsim li għamel Linnaeus tad-dinja veġetali f'24 klassi kellha iżjed fortuna. Din kienet ibbażata fuq l-osservazzjonijiet fuq l-istami (numru, dimensjonijiet u mod ta' inserzjoni) u fuq il-pistilli. Din is-sistema – imsejħa "sistema sesswali" proprju għaliex hi bbażata fuq l-organi riproduttivi tal-pjanti – qalgħet fama u approvazzjoni kbira barra fir-reġjun Franċiż, fejn l-istudjużi tal-Jardin du Roi tall-Académie des Sciences kienu żviluppaw sistematika botanika ibbażata mhux fuq element wieħed biss ta' paragun imma, bil-kontra, fuq għadd kbir ta' karatteristiki komuni fost id-diversi eżemplari; din tissejjaħ b'kuntrast mal-proposta Linneana, sistematika naturali. Is-sistema ta' Linnaeus sejħulha wkoll "artifiċjali", fis-sens li tiġbor fl-istess takson xtieli li mid-dehra m'għandhomx karatteristiki komuni. Il-polemika bejn l-artifiċjalisti u naturalisti baqgħet sejra matul is-seklu 18 – sal-bidu tas-seklu 18 – teżi u opposizzjoni li kellhom rwol tal-qofol fit-tiswir u d-definizzjoni tax-xjenzi naturalistiċi.

Ir-reazzjoni għall-proposti avvanzati għar-renju tal-annimali (kwadrupedi, għasafar, ħut, insetti, dud u għall-ewwel darba anfibi, b'total ta' sitt klassijiet) min-naħa l-oħra qajmet tip ieħor ta' polemiki, fuq kollox dwar il-pożizzjoni li Linnaeus ta l-ġeneru Homo, li klassifikah fost il-kwadrupedi antropomorfi flimkien max-xadini u l-bugħażż. Id-dibattiti kienu essenzjalment ta' natura filosofika-teoloġika aktar milli żooloġika jew sistematika, imma xorta ġiegħlu 'l Linnaeus imexxi l-bniedem, fl-għaxar edizzjoni tas-Systema Naturae, u qiegħdu fil-quċċata tal-klassi ġdida tal-Primati fejn tah l-isem ta' Homo sapiens għall-ewwel darba.

Interessanti li l-1 ta' Jannar 1758, il-jum tal-pubblikazzjoni tal-għaxar edizzjoni tas-Systema Naturae u tal-Aranei svecici ta' Carl Alexander Clerk (student ta' Linneaeus, 1709 - 1765), sar meqjus mill-Kodiċi Internazzjoni tan-Nomenklatura Żooloġika bħala l-bidu tan-nomenklatura (żooloġika) moderna. Għalhekk l-ebda isem xjentifiku ppubblikat qabel l-1758 ma jista' jgħamel parti min-nomenklatura żooloġika.

Żviluppi moderni

immodifika

L-approċċ ġenerali li Linnaeus għażel biex jikklassifika l-ispeċi u ħafna mir-raggruppamenti tassonomiċi tiegħu baqgħu, għal kważi żewġ sekli, standard fil-bijoloġija. Illum il-ġurnata hu ġeneralment aċċettat li l-klassifikazzjoni għandha tirrifletti, permezz tal-prinċipju Darwinjan ta' dixxendenza komuni, il-filoġenesi, jiġifieri l-istorja evoluttiva tal-varji taksa, b'mod li kull waħda minnhom tinkludi sezzjoni waħda mis-siġra filoġenetika. Grupp kostitwit hekk jiġi definit bħala takson monofiletiku.

Mil-1960, din it-tendenza, li tirrifletti l-ħsieb tas-sistematika kladistika, li topponi l-klassifikazzjoni tradizzjonali u teskludi xi raggruppamenti tat-tassonomija Linnjana, ġiet iżjed u iżjed 'l quddiem. Hemm kodiċi ta' nomenklatura ġdid, imsejjaħ PhyloCode li qiegħed jiġi viluppat bħalissa, imma ħafna mir-regoli tiegħu ma jaqblux ma' kodiċi ta' nomenklatura diġà stabbiliti (kemm għax-xtieli u kemm għall-annimali) u għadu mhux żgur jekk dawn il-kodiċi jistgħux jikkoeżistu fil-futur.

Eżempji

immodifika

Il-klassifikazzjoni adottate s-soltu għad-deskrizzjoni ta' tliet speċi: id-dubbiena tal-frotta (Drosophila melanogaster) li tintuża spiss fil-laboratorji tal-ċenetika, Il-bniedem (Homo sapiens sapiens) u il-Magnolia virginiana.

Id-Dubbiena tal-frott (Drosophila melanogaster)

immodifika
Dominju Eukaryota
Renju Animalia
Phylum Arthropoda
Klassi Insecta
Ordni Diptera
Familja Drosophilidae
Ġeneru Drosophila
Speċi D. melanogaster
Dominju Eukaryota
Renju Animalia
Phylum Chordata
Subphylum Vertebrata
Klassi Mammalia
Sottoklassi Eutheria
Ordni Primates
Sottordni Haplorrhini
Superfamilja Hominoidea
Familja Hominidae
Ġeneru Homo
Speċi H. sapiens
Dominju Eukaryota
Renju Plantae
Diviżjoni Magnoliophyta
Klassie Magnoliopsida
Ordni Magnoliales
Familja Magnoliaceae
Ġeneru Magnolia
Speċi M. virginiana

Is-suffissi tal-gruppi

immodifika

It-taksa 'l fuq mill-ġeneru spiss jingħataw isem li ġej minn isem ta' xi ġeneru fihom biż-żieda ta' suffissi. Is-suffissi użati fil-formazzjoni ta' dawn l-ismijiet jiddependi mir-renju, u, f'xi ftit każi, anki mill-phylum u mill-klassi, b'dan il-mod:

Takson Pjanti Algi Fungi Annimali
Diviżjoni/Phylum -phyta -phyta -mycota  
Sottodiviżjoni/Subphylum -phytina -phytina -mycotina  
Klassi -opsida -phyceae -mycetes  
Sottoklassi -idae -phycidae -mycetidae  
Ordni -ales -ales -ales  
Sottordni -ineae -ineae -ineae  
Superfamilja -acea -acea -acea -oidea
Familja -aceae -aceae -aceae -idae
Sottofamilja -oideae -oideae -oideae -inae
Tribù -eae -eae -eae -ini
Sottotribù -inae -inae -inae -ina
  1. ^ Is-Sistematika molekolari li hi ibbażata fuq l-analiżi tal-ADN, issuġġeriet ħafna reviżjonijiet imma minħabba l-inkongruwenzi li spiss joħorġu minnha għadna ma nistgħux norbtu fuq dawn ir-riżultati, fis-sens li l-ADN jagħti biss il-ġenotip u mhux is-sett fenotipiku magħmul mill-ħlejjaq ħajjin

Biblijografija

immodifika
  • (IT) Storia della biologia, Pascal Duris u Gabriel Gohau. Giulio Einaudi Edituri, Torin (1999) ISBN 88-06-15171-1
  • (IT) Linneo, L'equilibrio della natura Feltrinelli, Milano 1982
  • (FR) Pierre Pellegrin; La Classification des animaux chez Aristote. Staut de la biologie et unité de l'aristotélisme, Les Belles Lettres, Paris 1982
  • (FR) Pierre Louis, La Classification des végétaux dans le corpus aristotelicien, f' "Documents pour l'histoire du vocabulaire scientifique", VIII (1986), pp 1–8
  • (FR) Wilfrid Blunt, Linné. Le prince des botanistes, Belin, Paris 1986
  • (EN) Frans. A. Stafleu, Linnaeus and the Linneans. The Spreading of Their Ideas in Sistematic Botany, 1753-1789, Utrecht 1971
  • (EN) Sten Lindroth, The Two Faces of Linnaeus, in Tore Frängsmyr, Linnaeus. The Man and His Work, University of California Press, Berkley 1983, pp. 1–62
  • (EN) Studies in Linnaean Method and Nomenclature, Marbuger Schriften zur Medizingeschichte, vol. VIII, Lang, Frankfurt am Main 1983
  • (EN) Richard V. Melville, Towards Stability in the Names of Animals. A History of the International Commission on Zoological Nomenclature 1895-1995, The international Trust for Zoological Nomenclature, London 1995

Paġni korrelati

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika